Il-Mulej jistedinna mhux biss biex nafdawh imma wkoll biex inkunu x-xhieda tiegħu


Il-Ħamis, 3 ta’ Settembru 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-140 anniversarju mit-twaqqif tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, St Francis School, Msida.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

140 sena ilu l-Isqof ta’ Għawdex Pietru Pace rrikonoxxa li grupp ta’ tfajliet, li bħala missier spiritwali kellhom lil Dun Ġużepp Diacono, imma bħala figura femminili li tispirahom kellhom il-Madre Margerita Debrincat, grupp ta’ tfajliet semgħu l-leħen ta’ Ġesù, “telqu kollox u marru warajh” (Lq 5:11). Din l-espressjoni hija l-konklużjoni tal-Evanġelju li għadna kemm smajna llum.

X’ġara f’dik l-għadira li hija baħar? Għandha ħafna ismijiet dik l-għadira kif iħobb jispjegalna l-Provinċjal Patri Twanny Chircop, ħabib għażiż kif ukoll bniedem għaref u studjuż tal-Art Imqaddsa: hu baħar, hu għadira ta’ Tiberijade, Baħar tal-Galilija.

Ġesù tefa’ ħarstu fuq xi sajjieda fuq id-dgħajjes tagħhom. Ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt. U ried jużahom dawn id-dgħajjes, almenu uża waħda minnhom bħala pulptu. Kienet ta’ Xmun u sellifhielu Xmun. Qagħad bilqiegħda fuqha Ġesù u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.

In-nies kellha għatx għall-Kelma ta’ Alla. Infatti s-silta tal-lum li hija meħuda mill-kapitlu 5 tal-Evanġelju ta’ San Luqa, propju fl-ewwel vers tgħidilna: “Il-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla” (Lq 5:1). Il-kotra kellha għatx għall-Kelma ta’ Alla. U Ġesù juża d-dgħajsa ta’ Pietru bħala l-pulptu min jaqsam mal-kotra l-kelma tal-Messija, il-Kelma ta’ Alla. Imma jifhem il-Mulej għax dan hu l-pjan tiegħu, li jsieħeb miegħu grupp ta’ bnedmin dgħajfa f’din il-missjoni li jitma’ l-poplu bil-kelma qaddisa.

Hu l-ewwel jipperswadi lil Xmun li, għalkemm huwa sajjied bravu, dak li se jsejjaħlu għandu setgħa ikbar. “Aqdef ’il barra fil-fond” (Lq 5:4). Din l-espressjoni San Ġwann Pawlu II użaha fil-bidu ta’ dan il-millenju biex tkun espressjoni programmatika, bil-Latin duc in altum – ‘kalaw, aqdef ’il barra fil-fond’. Duc – mexxi d-dgħajsa tiegħek in altum, altum huwa l-fond. ‘Aqdef ’il barra fil-fond’.

Tibżax titlaq ix-xatt. Aħna ħafna drabi nkunu fid-dgħajsa imma nħalluha qrib ix-xatt biex jekk tiġi xi maltempata, naqbżu għal fuq il-moll u noqogħdu għall-kenn. Min jaqdef ’il barra huwa espost. Fr Twanny kemm-il darba spjegalna li fuq il-baħar tal-Galilija, fuq din l-għadira, faċli bl-irjiħat taqbdek tempesta mingħajr ħafna avviżi, ma jkollokx ċans tara l-Weather Channel u inti jekk taqdef fil-fond se tkun espost. se tirriskja. Mhux biss allura li taqdef ’il barra fil-fond imma li tirriskja.

Aħna ħafna drabi biż-żmien nidraw noqogħdu kawti ħafna, attenti ħafna – ‘U le, Madre ara ma jfettilekx, ma tiftakarx? Tipprova tagħmel xi ħaġa oħra. U le, Madre ma tiftakarx?’ Il-memorja kultant tgħinek tkun prudenti imma kultant tkun kawt iżżejjed ukoll. Se nagħmel din in-nota mbagħad insewha.

Meta kont seminarista xtrajt mutur, għamilt 10 snin insuq il-mutur. Meta kbirt imbagħad bdejt noqgħod attent iżjed. Meta tkun żgħir, mhux qed ngħid li tkun moħħ ir-riħ, imma tirriskja iżjed. Iż-żmien jagħmlek kawt, toqgħod iżjed attent għaliex tkun ingdimt u dak li jkun jevita.

“Aqdef ’il barra fil-fond” (Lq 5:4). Din hija espressjoni li biha Ġesù jisfida lil Xmun jirriskja għall-kelma tiegħu. U r-risposta ta’ Xmun hija r-risposta ġusta. “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (Lq 5:5). Din hija l-motto tal-vocations directors ta’ dan iż-żmien. Inti tqabbad lil xi ħadd żeluż jagħmel il-vokazzjoni jipprova jsib xi ħadd u fl-aħħar tal-ġurnata din is-soru jew dan il-patri ikollu jgħidlu: “Mulej għamilt lejl sħiħ nitħabat u ma qbadna xejn”.

“Imma la qiegħed tgħidli int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). U din hija l-fiduċja ta’ Xmun, li mbagħad jissejjaħ Xmun Pietru, sulla tua parola, la qiegħed tgħidli int: ‘sulla tua parola, getterò le rete – la qiegħed tgħidli int ħa nkala x-xbiek’. Hemm bżonn aħna f’kull inizjattiva nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù li qed jixruprunana biex nirriskjaw u ngħidulu: ‘La qed tgħidli int, sulla tua parola, getterò le reti’.

Għandkom il-grazzja pereżempju, toffru l-edukazzjoni lil diversi tfajliet, tibżgħux tistednuhom biex jagħtu ħajjithom lil Ġesù. Tgħidli: ‘iva, l-ġenituri tagħhom taf kemm jiġu bil-qniepen kieku, taf kemm jagħtuna donazzjonijiet. Jgħiduli: ‘jiena waħda għandi, se teħodhieli, ma nistax insir nanna?’

“Hekk għamlu u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut” (Lq 5:6). Jolqotni dan id-dettall li jgħid l-evanġelista Luqa, li ma setgħux, is-sajda tant kienet kbira li s-sajda li għamlu b’fiduċja fil-kelma ta’ Ġesù, mhux bil-ħila tagħhom. Xmun kien bniedem li jgħix mis-sajd, mhux dilettant, kienet ħajtu. Imma din is-sajda għamilha b’fiduċja fil-kelma ta’ Ġesù. “La qiegħed tgħidli int”. La qiegħed tgħidli int. Ix-xbiek tagħhom kienu għoddhom inqasmu.

“Għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom” (Lq 5:7). Dan huwa l-ewwel sinjal ta’ kollaborazzjoni bejn dawk li se jkunu d-dixxipli tal-Mulej għaliex dawk sħabhom kienu Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew. Hawnhekk f’dan ir-rakkont fil-kapitlu 5 ta’ San Luqa ma jissemmiex Indrì imma jissemmew dawn it-tliet dixxipli: Xmun, Ġakbu u Ġwanni. Huma t-tliet xhieda: it-tliet xhieda tal-qawmien tat-tifla ta’ Ġajru, it-tliet xhieda fit-trasfigurazzjoni, it-tliet xhieda tal-agunija fl-ort. U allura f’dawn l-ismijiet naraw ukoll is-sejħa ta’ dawn it-tliet persuni li se jkunu x-xhieda magħżula.

Mela l-istedina tal-Mulej mhijiex biss li nafdaw il-kelma tiegħu imma li nakkumpanjawh u nkunu xhieda ta’ dak li se jagħmel u tal-mod kif jagħmlu. Għalhekk dawn huma xhieda tal-qawwa tiegħu fuq il-mewt, meta jqajjem lit-tifla ta’ Ġajru tifla ta’ xi tnax-il sena, huma wkoll xhieda tal-glorja tiegħu wara li kienu semgħu l-ewwel tħabbira tal-mewt tiegħu, imma huma wkoll xhieda tal-għaraq tad-demm, tad-dgħufija tal-Mulej. Huma xhieda allura anke tal-passjoni tiegħu. Imma huma debboli. Wieħed biss minnhom, Ġwanni, li jkun xhud taħt jew ħdejn is-salib ta’ Ġesù. Pietru jiċħdu u Ġakbu mal-oħrajn jaħrab.

Hemm bżonn … nitgħallmu nafdaw il-kelma tiegħu, nirriskjaw miegħu, nitgħallmu min tassew aħna u fl-istess ħin mixħutin quddiemu nagħrfu li hu qed iseħibna fil-missjoni tiegħu.

B’xi mod ma’ dawn it-tliet xhieda hemm aħna wkoll. Imma Pietru jew Xmun jitkellem f’isimna meta jirrealizza l-qawwa ta’ Ġesù, fuq il-baħar, u fil-ħlejjaq li hemm fil-baħar u jgħidlu: “Tbiegħedminni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb” (Lq 5:8). Qed jesaġera Pietru? Le, jirrealizza li quddiemu hemm il-qaddis, dak li jista’ jikkmanda l-ibħra kif ukoll jikkmanda l-ħlejjaq tal-ibħra u jirrealizza li hu li qiegħed quddiem il-qaddis, huwa midneb, żgur mhux qaddis. Ġesù ma jgħidlux ‘itlaq minn quddiemi’. Jgħidhielu ’l quddiem meta jgħum, ma nitħabbatx, ma rridx naf bik. Jgħidlu din il-kelma għażiża: “Tibżax” (Lq 5:10). Hija kelma li nsibha f’ħafna rakkonti tal-vokazzjonjiet fl-Iskrittura.

Nibdew, almenu nieħdu l-Evanġelju biss għax anke l-profeti jisimgħu din il-kelma. Imma nieħdu l-Evanġelju. Sidtna Marija, l-anġlu jgħidilha: “La tibżax” (Lq 1:39). Jgħidha wkoll lil Ġużeppi: “La tibżax tieħu ’l Marija b’martek” (Mt 1:20). U anke lil Xmun, Ġesù jgħidlu tibżax, tibżax. Marija tħawdet għaliex qiegħda fil-preżenza tal-Anġlu Gabrijel, tħawdet ukoll għax ma fehmitx x’se jiġri. Ġużeppi tħawwad għaliex l-għarusa tiegħu ħarġet tqila u ma jafx kif. Xmun jitħawwad meta jirrealizza kemm hu dgħajjef u kemm hu midneb.

Il-kelma terġa’ tirritorna wkoll fit-trasfigurazzjoni. Ġesù jmisshom u jgħidilhom “Tibżgħux” (Mt 17:7). U din hija kelma li l-Mulej jgħidha lilkom, jgħidha lill-Knisja: “La tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad lin-nies” (Lq 5:10). Imma hemm bżonn nagħmlu dan il-proċess, nitgħallmu nafdaw il-kelma tiegħu, nirriskjaw miegħu, nitgħallmu min tassew aħna u fl-istess ħin mixħutin quddiemu nagħrfu li hu qed iseħibna fil-missjoni tiegħu. “Telqu kollox u marru warajh” (Lq 5:11).

Jiena nitlob f’din l-okkażjoni biex ma naqtgħux qalbna meta nħarsu lejn il-futur. Wieħed jista’ jgħid li qegħdin niċċelebraw il-140 anniversarju, kemm se nkunu meta niċċelebraw il-150 anniversarju? Forsi għall-bankijiet? Minn fejn ġejjin il-vokazzjonijiet? Dawn huma mistoqsijiet li għalihom m’għandniex risposta. Il-Mulej jgħidilna: ‘afdawni naqra’.

Meta ltqajt mas-superjuri maġġuri ta’ Malta, insistejt magħhom li f’dan il-mument għandna l-grazzja li għandna diversi reliġjużi li ilhom ħafna żgħażagħ għaliex jiena dejjem nara quddiemi huma żgħażagħ li ilhom ħafna żgħażagħ. Ma ngħidx li għajjejtu li tkunu żgħażagħ. U li issa l-Mulej isejħilkom għall-missjoni tal-interċessjoni. Ikun żball għalina naħsbu: ‘Issa, Madre, jiena ħdimt biżżejjed, ħalluni kwieta, tgħiduli xejn. Jekk ikun hemm naqra brodu tuni naqra minnha. Forsi nisma’ xi quddiesa fuq it-televixin, imma jekk jogħġobkom, Madre…’ Uża l-għanja ta’ qalbek bħala interċessjoni għad-dinja, għal pajjiżna, għall-Knisja u għall-morda – għall-Kongregazzjoni.

Aħna nagħmlu żball jekk ma nemmnux fil-qawwa tat-talb u tal-offerta spiritwali. Il-Mulej jitlob minnkom din il-missjoni: li inti toffri ħajtek b’interċessjoni li fejn ma tasalx inti, jasal ħaddieħor bit-talb tiegħek. Ftakru f’Santa Tereżina. Sabet il-paċi meta rrealizzat li bl-interċessjoni tagħha kienet se tkun fil-qalb tal-Knisja titlob biex il-martri jkollhom is-saħħa li jxerrdu demmhom, is-saċerdoti jkollhom is-saħħa jimxu b’mod safi fil-missjoni tagħhom, il-missjunarji jgħixu l-missjoni tagħhom. U din l-ispiritwalità tat-triq iċ-ċkejkna hija wkoll l-ispiritwalita li tridu tħaddnu intom. Dan huwa mod kif intom ukoll tkalaw ix-xbiek u taqdfu ’l barra fil-fond.

Inti għandek missjoni ġdida. Trid tkompli taqdef ’l barra fil-fond, fl-abbiss tal-misteru tal-interċessjoni. Din l-interċessjoni se tkun il-ħajja u r-ruħ tal-Kongregazzjoni, il-qdusija ta’ dak kollu li jagħmel min għadu jista’ jaħdem, għall-ġid ta’ kulħadd.

Jiena nitlob ukoll id-dawl lis-superjuri għax jiena għedt trid tirriskja, trid tirriskja b’għajnejk miftuħa. Ma nkunux boloh. Dak li hemm bżonn nitgħallmu, nitgħallmu. U nitlob ukoll li hawnhekk quddiemi hawn konċentrazzjoni tas-sagrifiċċju li ġej mill-ubbidjenza għax kif tgħallmuni intom, l-ubbidjenza hija mezz. Il-Madre tgħidlek: ‘se nagħlqu hawn, issa mur xi mkien ieħor’, u inti tħoss mewt kbir, sentiment ta’ luttu. Imma ma nħallux din il-mewt ikollha l-aħħar kelma imma tkun dik iż-żerriegħa li tagħti l-frott.

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Franġisk, Santa Kjara imma wkoll l-interċessjoni tal-fundaturi u nitolbu wkoll lil Mulej kif irid u meta jrid, jigglorifikahom.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Kor 3, 18-23
Salm: 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
Evanġelju: Lq 5, 1-11

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.