Illum il-Knisja tfakkar lil San Nikola ta’ Tolentino

Print Friendly, PDF & Email

Fl-10 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Nikola ta’ Tolentino, Saċerdot u Predikatur li għex bejn is-snin 1245 sa 1305.

San Nikola ta’ Tolentino kien patri sempliċi Agostinjan li laqat il-ħajjiet ta’ ħafna nies. Kellu spirtu ta’ talb, penitenza, ħajja ta’ awsterità u devozzjoni kbira lejn l-erwieħ tal-Purgatorju. Bil-predikazzjoni tiegħu, ressaq ħafna nies lejn Kristu.

Nikola Gurutti twieled fl-1245 f’Angelo, Pontano, Macerata, l-Italja. Il-familja tiegħu kienet pjuttost fqira u semmewh Nikola għal San Nikola ta’ Myra fejn fis-Santwarju ddedikat lilu kienu talbu biex ikollhom tarbija.

Huwa ngħaqad mal-Ordni Agostinjan fl-età ta’ 16-il sena, wara li sema’ l-predikazzjoni ispirata ta’ Reginaldo ta’ Monterubbiano (superjur lokali) tal-monasteru Agostinjan f’Angelo. Ġie ordnat saċerdot fl-1270 u kien magħruf għall-prietki u t-tagħlim tiegħu.

Fl-1274, huwa mar Tolentino fejn dam hemm sa mewtu. Bħala saċerdot u reliġjuż, huwa kien mimli karità lejn ħutu Agostinjani kif ukoll lejn in-nies li huwa kien jaqdi. Kien iżur il-morda u jieħu ħsieb persuni fil-bżonn. Huwa ta attenzjoni speċjali lil dawk li kienu tbiegħdu mill-Knisja. In-nies kienu jikkunsidrawh bħala dak li jagħmel il-mirakli.

Spiss kien isum u jagħmel diversi penitenzi u kien iqatta’ sigħat twal fit-talb. L-istorja tgħid li, ġurnata waħda, wara li kien ilu żmien twil sajjem, Nikola kien fiżikament dgħajjef. Waqt it-talb, Ġesù qallu jiekol xi ħobż immarkat b’salib u mxarrab fl-ilma sabiex jerġa’ jikseb saħħtu. Għalhekk inħolqot l-użanza Agostinjana tal-barka u d-distribuzzjoni tal-ħobż ta’ San Nikola b’memorja tiegħu.

Storja oħra dwar Nikola tgħid li waqt li kien rieqed fis-sodda, sema’ l-vuċi ta’ patri mejjet li kien jaf. Dan il-patri qal lil Nikola li kien fil-Purgatorju, u ħeġġu biex jiċċelebra l-Ewkaristija għalih u għal erwieħ oħra li kienu fl-istess post, sabiex ikunu meħlusa bil-qawwa ta’ Kristu. Nikola għamel hekk għal sebat ijiem. Il-patri kellmu għal darb’oħra, irringrazzjah u assigurah li għadd kbir ta’ erwieħ kienu issa ħdejn Alla. It-talb għall-erwieħ tal-Purgatorju hija l-karatteristika li l-aktar tispikka fil-ħajja tiegħu. Minħabba dan, Nikola ġie pproklamat Patrun tal-erwieħ tal-Purgatorju.

Huwa wkoll meqjus bħala l-qaddis Patrun kontra mard epidemiku u kontra n-nirien. Nikola miet f’Tolentino, l-Italja fl-10 ta’ Settembru fl-1305. Ġie kkanonizzat fl-1446 mill-Papa Euġenju IV. Il-fdalijiet tiegħu huma ppreservati fil-Knisja ta’ San Nikola fil-belt ta’ Tolentino.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading