Sintesi tad-Diskors tal-Isqof Mario Grech fil-Preżentazzjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika Amoris lætitia lill-kleru


Preżentazzjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika Amoris lætitia lill-kleru
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Is-Sibt 4 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SINTESI TAD-DISKORS

Permezz tal-aħħar żewġ Sinodi tal-Isqfijiet – il-fehmiet sinifikattivi tal-maġġoranza kwalifikata tal-Padres Sinodali hija riflessa tajjeb ħafna fl-Amoris lætitia – il-Knisja għamlet eżerċizzju biex it-teoloġija tagħha, partikularment it-Teoloġija Morali Kattolika, la tkun waħda kiesħa maħduma fuq l-iskrivanja (312) jew f’“mużew”, anqas “teoloġija tal-gallerija tal-istorja”, imma “teoloġija tat-triq” jew “tal-fruntiera” – meta ngħid “teoloġija tat-triq” ma rridx infisser li tkun teoloġija tal-ħabba gozz, imma teoloġija li tkun aktar sensibbli għar-realtà. It-teoloġija tal-fruntiera hija dik ir-riflessjoni li tlaqqa’ l-Vanġelu mal-ħtiġijiet tal-bniedem tal-lum.

“Jagħmlilna tajjeb li nagħtu kas tar-realtà konkreta, għaliex it-talbiet u s-sejħat tal-Ispirtu jidwu anki fl-istess ġrajjiet tal-istorja, li permezz tagħhom il-Knisja tista’ titmexxa lejn intelliġenza aktar profonda tal-misteri bla qies taż-żwieġ u tal-familja” (31). Li ma nkunux maqtugħin mir-realtà jgħinna biex ma nippreżentawx “ideal teoloġiku taż-żwieġ astratt iżżejjed, jew mibni b’mod artifiċjali, imbiegħed mis-sitwazzjoni konkreta u mill-possibilitajiet reali tal-familji hekk kif inhuma” (36).

B’referenza għal din l-Eżortazzjoni, il-Papa jistedinna biex nibdew inħarsu lejn id-duttrina u l-prassi dwar iż-żwieġ u l-familja mil-lenti tal-miżerikordja. Għaliex, mod tipproponi l-pakkett teoloġiku/pastorali dwar iż-żwieġ u l-familja f’kuntest fejn Ġesù huwa l-leġislatur u l-imħallef, u mod l-istess pakkett jiġi offrut f’kuntest fejn Ġesù hu Wiċċ il-ħniena tal-Missier u li d-dekalogu ġdid tiegħu fih liġi waħda: il-liġi tal-imħabba. Il-Papa qed jipproponi l-miżerikordja divina bħala prinċipju ermenewtiku tar-riflessjoni teoloġika u tal-pastorali. Li “nirrikuntestwalizzaw” il-patrimonju duttrinali li għandna dwar iż-żwieġ u l-familja jfisser li nipproponuh fil-kwadru ġdid tal-miżerikordja.

Lil dawk li jippreferu “pastorali aktar riġida li ma tagħti lok għall-ebda konfużjoni”, flimkien mal-Papa ngħidilhom li “Ġesù jrid Knisja attenta għall-ġid li l-Ispirtu jxerred qalb id-dgħufija: [irid] Omm li fl-istess waqt li tesprimi b’mod ċar it-tagħlim oġġettiv tagħha, ma tiċħadx it-tajjeb possibli, anki jekk tidħol għar-riskju li titħammeġ bit-tajn tat-triq” (308).

Kif għandna nġibu ruħna ma’ dawk li l-imħabba tagħhom hija miġruħa u għandhom xewqa li jaraw lil Ġesù? Id-direzzjoni jagħtihielna l-Papa partikularment f’kapitlu tmienja tal-Eżortazzjoni, u billi kien hemm min ipprova jagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-approwċ pastorali, inħossu fir-responsabbiltà tiegħi li naqsam magħkom x’inhu l-Maġisteru tal-Knisja llum f’dan ir-rigward, li filwaqt li f’kontinwità mat-Tradizzjoni ma jbiddel xejn mid-duttrina u mill-morali, imma jagħtina “dixxiplina pastorali” ġdida animata mill-miżerikordja, li nixtieq li tiġi applikata fid-Djoċesi tagħna.

Il-pastorali tagħna trid isserraħ fuq erba’ azzjonijiet: nilqgħu, nakkumpanjaw, niddixxernu u nintegraw. Din hija attitudni pastorali li għandna nuru ma’ kulħadd u mal-familji kollha (ngħidu aħna dwar il-kwistjoni tal-paternità responsabbli, il-persuni tal-istess sess), inkluż ma’ dawk il-familji midruba. Il-Papa jikteb: “Hu importanti illi lid-divorzjati li qed jgħixu f’rabta ġdida ngħinuhom iħossuhom parti mill-Knisja, li ‘mhumiex skomunikati’ u mhumiex meqjusa bħala tali, għaliex jagħmlu dejjem parti mill-komunjoni ekkleżjali. Dawn is-sitwazzjonijiet jitolbu dixxerniment attent u akkumpanjament ta’ rispett kbir, fejn jiġi evitat kull lingwaġġ jew atteġġjament li jġagħilhom iħossuhom iddiskriminati u li jippromovi s-sehem tagħhom fil-ħajja tal-komunità. Li tieħu ħsieb tagħhom, għall-komunità Nisranija ma jfissirx li qed iddgħajjef il-fidi tagħha jew ix-xhieda tagħha fuq l-indissolubbiltà taż-żwieġ, anzi, propju f’din l-għożża hi tesprimi l-imħabba tagħha” (243). F’parti oħra jtenni: “Il-Knisja għandha ssieħeb b’attenzjoni u għożża lil uliedha l-aktar dgħajfa, milquta minn imħabba miġruħa u mifnija, u tagħtihom lura l-fiduċja u t-tama, bħad-dawl tal-fanal ta’ port jew ta’ musbieħ mixgħul f’nofs in-nies biex idawwal lil dawk li tilfu t-triq jew inqabdu f’nofs tempesta qalila. Ma ninsewx li spiss il-ħidma tal-Knisja tixbah lil dik ta’ sptar fil-kamp tal-gwerra” (291).

Il-Papa japplika wkoll il-loġika tal-integrazzjoni, anki fir-rigward ta’ dawk l-Insara li jikkoabitaw jew li assumew biss l-impenn taż-żwieġ ċivili. “Dawn is-sitwazzjonijiet kollha għandna naffrontawhom b’mod kostruttiv, u nippruvaw nibdluhom f’opportunitajiet ta’ mixja lejn il-milja taż-żwieġ u tal-familja fid-dawl tal-Vanġelu. Irridu nilqgħuhom u nakkumpanjawhom b’sabar u delikatezza” (294).

Dawn il-persuni ma nistgħux nibqgħu ngħinuhom billi sempliċiment napplikaw in-normi ġenerali għas-sitwazzjoni tagħhom hekk li nkunu qisna qegħdin inwaddbu l-ġebel kontrihom (ara 305) – ma nistgħux “insolvu kollox billi napplikaw normi ġenerali jew naqbdu xi riflessjonijiet teoloġiċi u nisiltu minnhom konklużjonijiet eċċessivi” (2).

Għalija, paragrafu 304 huwa paragrafu kardinali tal-Eżortazzjoni għax jimmarka l-passaġġ minn morali normattiva għal waħda aktar personalistika. Il-liġijiet xorta waħda hemm ħtieġa tagħhom u jibqgħalhom il-valur pedagoġiku tagħhom, imma l-formulazzjoni tagħhom waħidha jew l-esiġenzi oġġettivi tagħhom, mhux dejjem huma biżżejjed biex wieħed jirregola r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla.

Il-kuxjenza għandha fakultajiet u responsabbiltajiet għolja ħafna. Imma ħafna drabi aħna, inkwantu niġu mitluba biex indawlu l-kuxjenzi, urejna li aħna diffidenti fil-konfront tal-kuxjenza tal-oħrajn u azzardajna nieħdu post il-kuxjenza ta’ ħaddieħor. Dan huwa abbuż serju ħafna. Mezz importanti li jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza huwa d-dixxerniment.

L-Eżortazzjoni titkellem fuq żewġ aġenti li huma “obbligati” jagħmlu dan id-dixxerniment quddiem dawk is-sitwazzjonijiet li jkunu f’kuntrast maż-żwieġ Nisrani (293, 222). Hemm “id-dixxerniment pastorali” li jolqot ir-ragħajja tal-erwieħ, u hemm “id-dixxerniment personali” li trid tagħmel il-persuna involuta f’dawn is-sitwazzjonijiet biex tara x’inhuma r-responsabbiltajiet morali tagħha.

Bħala regola, dawk li huma divorzjati u miżżewġa mill-ġdid ma jistgħux jirċievu s-sagramenti; imma l-Papa jgħid li “minħabba l-kundizzjonamenti u l-fatturi attenwanti, hu possibbli li, f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub – li mhijiex suġġettivament ħatja jew mhijiex ħatja b’mod sħiħ – wieħed jista’ jgħix fil-grazzja ta’ Alla, jista’ jħobb, u jista’ anki jikber fil-ħajja tal-grazzja u tal-imħabba, huwa u jirċievi l-għajnuna tal-Knisja għal dan il-għan” (305). F’ċeri każi, din l-għajnuna “tista’ tkun anki l-għajnuna tas-sagramenti. Għaldaqstant infakkar lis-saċerdoti li l-konfessjonarju m’għandux ikun sala tat-tortura imma l-post tal-miżerikordja tal-Mulej. Bl-istess mod, nirrimarka li l-Ewkaristija mhijiex il-premju tal-perfetti, imma hi d-duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin” (305, nota 351). Għal dawk li għandhom dubju jekk din l-Eżortazzjoni bidlitx id-dixxiplina li tirregola ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u l-persuni divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, infakkar li għal mistoqsija li saritlu dwar dan is-suġġett fil-konferenza stampa waqt li kien qed jirritorna minn Lesvos għal Ruma, il-Papa Franġisku wiegeb: “Iva”.

L-Eżortazzjoni tistabbilixxi li d-dixxerniment għandu jsir skont it-tagħlim tal-Knisja u l-orjentamenti tal-Isqof. Dan jiżgura li l-Maġisteru tal-Knisja ser jibqa’ l-gwida. Ħadd ma jista’ jgħid li qegħdin naċċettaw is-suġġettiviżmu morali jew li warrabna l-kmandamenti! Fl-istess dokument hemm lista ta’ sitt kriterji (300):
1. eżami ta’ kuxjenza b’waqtiet ta’ riflessjoni biex wieħed jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha u jekk ikollu ħtija, jindem minnha;
2. jeżamina r-responsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur billi jara kif huwa jkun ġab ruħu ma’ wliedu meta tkisser iż-żwieġ;
3. jara kienx hemm tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni u jekk is-sitwazzjoni hijiex waħda irreversibbli;
4. jistħarreġ saritx karità u ġustizzja mal-partner u mal-ulied;
5. jiżen x’effett ser ikollha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u l-komunità;
6. ikejjel x’effett ser ikollha din ir-relazzjoni ġdida fuq dawk li qegħdin jippreparaw għaż-żwieġ.

Kollox juri li din il-pastorali mhix waħda ħafifa u ta’ malajr, imma waħda impenjattiva sew li tgħabbina b’ħafna responsabbiltà quddiem il-persuni, quddiem il-Knisja u quddiem Alla. Nafu li ma għandniex “riċetti ħfief” (298). Nirrakkomanda li ħadd ma jaħrab minn din ir-responsabbiltà u li ħadd ma jittratta dawn il-persuni b’mod leġġer. La huwa l-każ li nkeċċu dawn il-persuni mill-konfessjonarju u lanqas huwa każ li naħarqu t-tappi tal-proċess tad-dixxerniment u nibagħtu l-messaġġ li xejn ma hu xejn. Ma rridux inkunu riġidi imma lanqas noħolqu morali doppja.

Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet ma għandi ebda ħsieb li nillimita l-fakultà tal-Qrar ta’ ħadd; imma ser inwaqqaf kummissjoni ta’ ftit saċerdoti li flimkien miegħi bħala Isqof, “ministru tal-Miżerikordja divina”, inkunu garanti li f’dawn il-każi d-dixxerniment barra mill-foro sagramentali jkun qed isir skont l-ispirtu tal-Eżortazzjoni. Għalhekk, każi bħal dawn jistgħu jiġu referuti lil din il-Kummissjoni.