Kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża ħakmet lill-Knisja Kattolika

Print Friendly, PDF & Email

Ir-rivoluzzjoni tinfirex

F’artiklu qabel dan rajna kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża kkundizzjunat lill-Knisja Kattolika. Fis-snin ta’ wara, lejn l-1796, l-għedewwa tar-rivoluzzjoni kienu mirbuħa jew miżuma taħt kontroll. Il-forzi armati Franċiżi marru fuq l-offensiva u waslu biex jinżlu l-Italja taħt il-kmand tal-iżgħar fost il-ġenerali tagħhom, Napuljun Bonaparti. Saru sforzi dgħajfa biex jinħoloq eżerċtu b’saħħtu min-naħa tal-Knisja Kattolika imma s-sigurtà tal-istati tal-Papa kienet tiddependi għalkollox mill-Awstrijaċi.

Il-Papa ġie mġiegħel iħallas somma kbira, iċedi ħafna opri tal-arti u medda ta’ artijiet lill-Franċiżi. Il-Franċiżi mbagħad ħakmu lil Ruma u ħolqu repubblika Rumana. Il-Franċiżi u dawk li għenuhom riedu jeliminaw ir-Reliġjon mill-ħajja tal-poplu. Ikkonfiskaw it-teżori tal-Knisja, fosthom kalċijiet u opri tal-arti, għalqu l-kulleġġi u l-monasteri, naqqsu n-numru ta’ kandidati għall-ordinazzjoni ta’ Saċerdoti u ma ħallewx li l-istituti reliġjużi jilqgħu fihom novizzi. Il-Papa Piju VI, ta’ 80 sena, kien imġiegħel li jħalli Ruma u miet f’Valence, Franza, fl-1799.

L-influwenza tar-rivoluzzjoni u t-tixrid tal-persekuzzjoni fi Spanja, fil-Ġermanja u fil-Belġju wasslet biex il-Kattoliċi li baqgħu jħaddnu r-Reliġjon saru sostenituri tal-kontro-rivoluzzjoni. Madankollu fl-Italja, ir-reazzjoni tal-kleru lejn ir-rivoluzzjoni kienet waħda mħallta. Xi Saċerdoti, u saħansitra Isqfijiet, kellhom simpatija lejn ir-Repubblikani hekk li laqgħuhom b’idejhom miftuħa. Madankollu aktar ma kibret il-persekuzzjoni u deher li l-kompromess ma kienx possibbli, bdiet ir-reżistenza armata, bis-Saċerdoti tal-lokal jieħdu f’idejhom is-sitwazzjoni. L-Arċipriet ta’ Contanelio, fil-provinċja ta’ Macerata kien wieħed mill-mexxejja ta’ dan il-moviment, li ġab terrur fl-Italja ċentrali. Il-Kardinal Fabrizio Dionigi Ruffo kien ġeneral Naplitan li kkmanda forza ta’ 17-il elf bidwi li fosthom kien hemm ħallelin, assassini u merċenarji. Ingħaqdu wkoll ma’ din il-forza Kattoliċi devoti u nies mill-Kleru.

Fost il-mexxejja tar-reżistenza Belġjana kontra l-ħakma Franċiża u l-oppressjoni kontra l-Kattoliċi kien hemm il-Kanonku ta’ Leuven u l-Abbati tal-monasteru ta’ Gembloux. Franġiskan Spanjol, li missieru kien ġie xkubettjat mill-Franċiżi sar wieħed mill-eħrex mexxejja tal-gwerrilja tal-pajjiż, u Kappillan mexxa l-ġellieda madwar Burgos. Ħafna Isqfijiet kienu membri tad-diversi ġunti militari li twaqqfu fil-Belġju kollu. Id-Duka ta’ Wellington ‘il quddiem iddikjara li kien il-Kleru Spanjol li ħadem biex għal snin żamm il-poplu kontra l-Franċiżi.

Il-Konkordat bejn Franza u l-Vatikan

Napuljun, statista u amministratur mill-aqwa, kien deċiż li jwaqqaf ir-reżistenza għar-rivoluzzjoni kif ukoll iwaqqaf ix-xiżma tal-Knisja fi Franza. Fuq kollox, iwaqqaf it-theddid għall-awtorità tiegħu. Kien jemmen li r-reliġjon kienet strument biex tiġi mħarsa l-liġi, daqskemm kienu l-flus, l-unuri u l-kastigi. Il-paċi reliġjuża u l-utilità soċjali tar-Reliġjon kienu normi tal-politika tiegħu. Kien jgħid li: “Is-soċjetà ma tistax teżisti mingħajr id-diżugwaljanza tar-rikelezza u dan ma jistax jeżisti mingħajr ir-Reliġjon.”

F’Awwissu tal-1801, Piju VII iffirma Konkordat ma’ Napuljun li fih il-Kattoliċiżmu kien rikonoxxut bħala “r-reliġjon tal-maġġoranza kbira tal-poplu Franċiż.” Ġiet imrażżna l-liturġija kattolika, ġew abbandunati r-riti rivoluzzjonarji u rikonoxxuti d-drittijiet tal-Papa fin-nomina tal-Isqfijiet. Fit-tentattiv biex jinġabru flimkien il-Kattoliċi li jaqblu mal-Istat u  li baqgħu lejali lejn Ruma, l-Isqfijiet kollha ġew imġiegħla jibagħtu r-riżenja tagħhom. Jekk xi wħud ma ridux jagħmlu dan, il-Papa kellu jiddikjara bħala vakanti s-sede tagħhom. Wara dan, Napuljun innomina ġerarkija ġdida, li kellha fiha numru mhux ħażin ta’ Isqfijiet viċin l-Istat. Il-katidrali u l-knejjes ġew mogħtija lura lill-kleru, li kellu wkoll jibda jirċievi ħlas xieraq.

Il-Knisja kellha tirrinunzja milli titlob lura l-proprjetà ekkleżjastika li kienet ġiet konfiskata. Kienet permessa mingħajr tfixkil il-prattika pubblika tar-reliġjon Kattolika, bil-patt li l-Knisja toqgħod għall-kundizzjonijiet governattivi fejn jirrigwarda l-ordni pubbliku. Din l-aħħar klawsula daħlet fis-seħħ mill-ewwel, qabel ma Napuljun għaqqad il-pubblikazzjoni tal-Konkordat ma serje ta’ ‘Artikli Organiċi’, li kienu ta’ filosofija Gallikana u Erastiana kemm fl-ispirtu kif ukoll fl-intenzjoni tagħhom. Il-Gallikaniżmu kien twemmin li l-awtorità ċivili, spiss rappreżentata mir-re jew mill-istat, hi għall-Kattoliċi daqs dik tal-Papa. L-Erastjaniżmu jemmen fil-kontroll tar-Reliġjon mill-Istat.

Regoli oħra mqiegħda fil-Konkordat kienu li dokumenti u digrieti tal-Papa ma setgħux jiġu aċċettati fi Franza u l-ebda rappreżentant tal-Vatikan ma seta’ jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu fil-pajjiż mingħajr l-approvazzjoni ta’ Napuljun, li kien sar l-ewwel konslu għall-Vatikan. Napuljun kellu japprova ir-regoli li toħroġ il-Knisja.

Il-Konkordat iddegreta li l-professuri kellhom jgħallmu l-‘Artikli Organiċi’, li kienu ta’ ispirazzjoni Gallikana. Kien hemm li ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ċivili tieħu preċedenza fuq dak reliġjuż, il-kleru seta’ jagħmel rikors quddiem it-tribunali ċivili kontra sentenza li tkun ngħatat minn imħallef ekkleżjastiku. Il-Protestantiżmu ġie mqiegħed fl-istess pjan tal-Kattoliċiżmu. Kienet meħtieġa l-approvazzjoni tal-Istat għal kif jitmexxew is-Sinodi kollha, il-katekiżmu u l-festi reliġjużi minbarra l-Ħadd u kellu jsir talb pubbliku għall-konsli u għar-repubblika.

Joe Galea

%d bloggers like this: