Kwart ta’ seklu f’għerusija


Nhar is-Sibt, 19 ta’ Settembru 2020, eżattament għas-7.00 pm, waqt li kont qed indur ma’ Ġesù, li qiegħed fil-pazjenti tagħna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, bħala Patri Kapuċċin, u fl-ewwel post tal-postijiet ewlenin li Kapuċċin għandu ilaħħam il-ħajja ikkonsagrata tiegħu, għalaqt 25 sena mgħarras mal-Mulej Ġesù!

Għadni niftakru qisu issa l-jum sabiħ, imdawwal u mifqugħ bil-ferħ, tat-Tlieta 19 ta’ Settembru tal-1995. Kien jum li ma ninsieh qatt! Fi kliem wieħed li kien magħna l-Kapuċċini, jien dakinnhar: kont qed nobżoq il-ferħ minni! U, mingħajr ma kont naf, naqra ta’ novizz li għadu kemm jipprofessa u bla ebda allejanzi, bħal xitla ċkejkna li tgħawwiġha kif trid, kont qed ngħix l-evangelii Gaudium! Jew aħjar, l-ittra appostolika tal-Papa Franġisku! Ħallieha li kienet il-grazzja tal-Mulej Ġesù li kienet qed taħdem u tbaqbaq fija u bija! U mhux jien, midneb!

U raġel ieħor, umilissmu, li kien għall-professjoni tiegħi, qalli: Kont impressjonajtni bil-ferħ tiegħek dakinnhar! Il-ferħ ta’ Ġesù ħbieb! It-tbissima ta’ Kristu!!! Kemm hu għajjur għaliha x-xitan! U kemm fittex li jisraqli dawn iż-żewġ teżori minn ħajti! Ġieli b’nies li ma jemmnux u ġieli bi ħbieb l-Għarus stess! Minn ġewwa! Imma l-Mulej dejjem rebaħ! U s-sigriet, minbarra l-Għarus, kienet hi, l-Għarusa! Li għaliha jien imsemmi!

Kemm fraħt dan l-aħħar meta sirt naf li d-19 ta’ Settembru hi wkoll il-festa tal-Madonna ta’ La Salette! Kelli l-grazzja mmur f’La Salette! Ġmiel ta’ post! Ma ninsieh qatt! Il-messaġġ tal-Madonna f’La Salette ifakkarni fil-Kelma qawwija ta’ Ġesù li tgħidli, ċar daqs il-kristall: Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha (Mt 7:13). U, Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx (Lq 13:24).

Minn La Salette nitgħallem li l-Madonna ġieli tgħaddilna messaġġi ta’ fejqan anki meta tgeżwirhomlna fil-morr! Għax il-Madonna mhux pożittività twasslilna imma l-qdusija tal-Mulej Alla tagħna! Li ġieli, biex ma ngħidx ħafna drabi, irridu nitilgħu l-għolja biex infiequ! Wara kollox Ġesù fuq it-Tabor inbidel! U Mosè u Elija fuq Muntanja iltaqgħu mal-Mulej! U, Marija stess, għoljiet kellha titla’ biex tiltaqa’ u taqdi lil Eliżabetta!

L-għerusija ma’ Ġesù ħaġa waħda għallmittni ħbieb: Min iħobb tassew jaqlagħlu, jgħadduh, u jgħiru għalih. Imma Hu, bħall-Għarus, għax tal-Għarus, iħobbhom u jaħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu! Hekk jgħallimni San Franġisk u Patri Piju, u, fuq kollox, l-Għarusa u l-maħbuba tiegħi l-Għażiża Ommi, Il-Verġni Marija!

Patri Mario Attard OFM Cap