Lezzjoni II: San Anton Marija Claret

24 ta’ Ottubru – SAN ANTON MARIJA CLARET, ISQOF

TIFKIRA

San Anton Marija Claret twieled f’Sallent, Spanja, fl-1807. Ġie ordnat saċerdot, u għal ħafna snin dar il-Katalonja jipprietka. Fl-1849 waqqaf is-Soċjetà tal-Missjunarji Ulied il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija (Klaretani). Ġie maħtur isqof ta’ Santiago f’Kuba, fejn ħabrek ħafna biex l-ilsiera jkollhom ħajja aħjar. Minħabba f’hekk il-ħajja tiegħu kienet mhedda diversi drabi. Reġa’ lura fi Spanja, minn fejn mar Franza Baqa’ jitħabat ħafna għall-ġid tal-Knisja u miet f’Fontfroide ħdejn Narbonne fl-1870.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Opri tal-isqof San Anton Marija Claret

(L’egoismo vinto)

L-imħabba ta’ Kristu ssuqna

Imħeġġin bin-nar tal-Ispirtu s-Santu, l-Appostli qaddisa xterdu mad-dinja kollha. Imħeġġin bl-istess nar il-missjunarji waslu u għad jaslu sa truf l-art, minn tarf għall-ieħor tad-dinja, biex iħabbru l-Kelma ta’ Alla, hekk jistgħu jgħidu għalihom stess dak li qal San Pawl: L-imħabba ta’ Kristu ssuqna.

L-imħabba ta’ Kristu timbuttana, tħeġġiġna biex niġru, biex intiru bil-ġwienaħ tal-ħeġġa qaddisa. Min tassew iħobb ‘l Alla, iħobb l-għajru wkoll; min għandu vera ħeġġa, hu wkoll iħobb, imma b’mod aqwa; skont il-qawwa ta’ mħabbtu, hekk li aktar ma hu mkebbbes bl-imħabba, aktar timbuttah il-ħeġġa tiegħu. Min hu bla ħeġġa, juri li f’qalbu l-imħabba hi mejta. Min għandu l-ħeġġa, jixtieq u jagħmel kollox u jitħabat aktar milli jista’, biex Alla jkun magħruf, maħbub u moqdi dejjem aktar f’din id-dinja u fl-oħra, għaliex imħabba qaddisa bħal din ma tintemm qatt. Bl-istess mod ukoll bniedem bħal dan igib ruħu ma’ għajru: jixtieq u jħabrek biex il-bnedmin kollha jkunu kuntenti fuq l-art, u ferħana u hienja fis-sema; biex il-bnedmin kollha jsalvaw, biex ħadd minnhom ma jintilef għal dejjem u lanqas joffendi ‘l Alla jew jibqa’ għall-mument wieħed biss fid-dnub. Dan kollu narawh fl-Appostli u f’dawk kollha li għandhom il-ħeġġa tal-Appostli.

Ta’ spiss ngħid lili nnifsi: Hu tassew iben il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija dak il-bniedem li hu mkebbes bl-imħabba, u jqabbad in-nar tal-imħabba f’kull imkien minn fejn jgħaddi; li tassew jixtieq u verament iħabrek bil-mezzi kollha li għandu ħalli l-bnedmin kollha jikebbsu bin-nar tal-imħabba ta’ Alla. Xejn ma jaqtagħlu qalbu; jifraħ ukoll jekk ikun imċaħħad minn dak li jixtieq ikollu; jidħol bil-qalb għal kull xorta ta’ ħidma; iħaddan in-niket miegħu f’qalbu; jithenna meta jixluh bla ħtija; jifraħ bit-tbatijiet tiegħu. Ma jaħsibx ħaġa’oħra ħlief kif se jmur wara Ġesù Kristu, u jħabrek biex ikun  jixbhu fit-talb, fil-ħidma, fis-sabar, ħsiebu biss fil-glorja ta’ Alla u fis-salvazzjoni tal-erwieħ.

RESPONSORJU                                                                                                                         1 Tess 2:8; Gal 4:19

1 Aħna għożżejnikom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla, imma ħajjitna stess * Daqskemm sirtu għeżież għalina.

2 Uliedi, minħabba fikom jien qiegħed inħoss mill-ġdid l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar ġewwa fikom * Daqskemm sirtu għeżież għalina.

Talba

O  Alla , int qawwejt lill-isqof San Anton Marija Claret b’imħabba u sabar bla tarf biex ixandar il-Bxara t-tajba lill-popli; bit-talb tiegħu agħtina li nfittxu biss dak li huwa tiegħek, u li nagħtu ruħna bil-ħeġġa kollha ħalli nirbħu aħwa oħra fi Kristu Ġesù Sidna, li hu Alla.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading