Enċiklika ġdida mill-Papa Franġisku


Ħassejtni mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb.

“Jekk fit-tifsil tal-Laudato si’ sibt bħala għajn ta’ tnebbiħ lil ħija Bartilmew, il-Patrijarka Ortodoss li ppropona b’ċerta qawwa l-għożża tal-ħolqien, f’dan il-każ ħassejtni mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb, li miegħu ltqajt f’Abu Dhabi biex niftakru li Alla ħalaq lill-bnedmin kollha ndaqs fid-drittijiet, fid-dmirijiet u fid-dinjità, u sejħilhom biex jgħixu bejniethom bħal aħwa.”

Dan huwa dak li stqarr il-Papa Franġisku fid-daħla tal-Enċiklika tiegħu, Fratelli tutti, dwar il-fraternità u għall-ħbiberija soċjali li huwa ffirma il-bieraħ wara nifsinhar f’Assisi.

Fil-filmat ta’ hawn taħt tista’ ssegwi dak li kiteb il-Papa Franġisku fid-daħla ta’ din l-Enċiklika. Aktar ‘il quddiem, meta x-xogħol tat-traduzzjoni ikun tlesta u ġie approvat minn Monsinjur Arċisqof, f’dan is-sit inkunu nistgħu nippublikaw ukoll l-Enċiklika kollha.

Aqra d-daħla ta’ Fratelli tutti, hawn taħt ….

1. “Ħuti, ilkoll”[1] kiteb San Franġisk ta’ Assisi meta indirizza lil ħutu kollha rġiel u nisa u pproponielhom għamla ta’ ħajja li għandha t-togħma tal-Vanġelu. Minn fost il-pariri tiegħu nixtieq insemmi wieħed, li bih jistieden għal imħabba li tmur lil hemm mill-fruntieri tal-ġografija u tal-ispazju. Hawn hu jsejjaħ hieni lil min iħobb lill-ieħor “meta dan ikun jinsab ’il bogħod, daqskemm meta kien qrib tiegħu”.[2] B’dawn il-ftit kelmiet sempliċi huwa fisser l-essenzjal ta’ fraternità miftuħa, li biha nistgħu nagħrfu, napprezzaw u nħobbu lil kull persuna lil hemm minn kemm hi fiżikament qrib tagħna, lil hemm mill-post fid-dinja fejn twieldet jew fejn tgħix.

2. Dan il-Qaddis tal-imħabba fraterna, tas-sempliċità u tal-ferħ, li nebbaħni nikteb l-Enċiklika Laudato si’, mill-ġdid qanqalni biex niddedika din l-Enċiklika ġdida għall-fraternità u għall-ħbiberija soċjali. Fil-fatt San Franġisk, li kien iqis lix-xemx, il-baħar u r-riħ bħala ħutu, kien jaf li iżjed u iżjed hu mxierek ma’ dawk li kellhom l-istess ġisem bħal tiegħu. Kullimkien huwa żera’ l-paċi u mexa maġenb il-foqra, l-imwarrbin, il-morda, il-mormija, dawk tal-aħħar nett.

Bla fruntieri

3. Hemm ġrajja mill-ħajja tiegħu li turina kemm qalbu ma kellhiex konfini, kemm kien kapaċi jaqbeż id-distanzi li jiġu mill-oriġni, min-nazzjonalità, mil-lewn jew mir-reliġjon. Hija ż-żjara tiegħu lis-Sultan Malik-al-Kamil fl-Eġittu, żjara li talbet minnu sforz kbir minħabba fil-faqar tiegħu, fil-ftit riżorsi li kellu f’idejh, fid-distanza u fid-differenza tal-ilsien, il-kultura u t-twemmin. Dan il-vjaġġ, f’dak il-waqt storiku mmarkat mill-Kruċjati, wera fuq li wera l-kobor tal-imħabba li ried iħaddan, mixtieq li jgħannaq miegħu lil kulħadd. Il-fedeltà lejn Sidu kien isarrafha fl-imħabba għall-aħwa. Mingħajr ma warrab għall-ġenb id-diffikultajiet u l-perikli, San Franġisk mar biex jiltaqa’ mas-Sultan bl-istess imġiba li kien jitlob mid-dixxipli tiegħu: li, mingħajr ma jiċħdu l-identità tagħhom, meta jsibu ruħhom “fost is-saraċini u infidili oħrajn […], jaħarbu kull tilwim u diskussjonijiet fiergħa bejniethom, imma għandhom joqogħdu għal kull kreatura umana minħabba f’Alla”.[3] F’dak il-kuntest din kienet talba straordinarja. Jolqotna l-fatt li, tmien mitt sena ilu, Franġisku kien tal-fehma li kellhom jevitaw kull xejra ta’ vjolenza jew tilwim u anki li jgħixu “sottomissjoni” umli u fraterna, imqar lejn dawk li ma kinux tal-istess fidi tagħhom.

4. Hu ma kienx jagħmel gwerra djalettika billi jimponi duttrini, imma kien iwassal l-imħabba ta’ Alla. Kien fehem li “Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4:16). Hekk hu kien missier għammiel li ta l-ħajja lil ħolma ta’ soċjetà fraterna, għax “jista’ jsir tassew missier biss dak il-bniedem li jaċċetta li jersaq qrib tal-persuni l-oħra fl-istess moviment tagħhom, mhux biex iżommhom f’tiegħu, imma biex jgħinhom ikunu iżjed huma nfushom”.[4] F’dik id-dinja miżgħuda b’torrijiet tal-għassa u ħitan ta’ difiża, l-ibliet kienu għaddejjin minn gwerer imdemmija bejn familji setgħana, waqt li kienu qed iżidu joktru ż-żoni miżerabbli tal-periferiji esklużi. Hemm Franġisku laqa’ ġo qalbu s-sliem veru, ħassu meħlus minn kull xewqa ta’ ħakma fuq l-oħrajn, sar wieħed mill-ifqar fost il-fqar u fittex li jgħix f’armonija ma’ kulħadd. Lilu nafuha l-motivazzjoni wara dawn il-paġni.

5. Il-kwistjonijiet marbuta mal-fraternità u l-ħbiberija soċjali minn dejjem kienu fit-tħassib tiegħi. Fl-aħħar snin kemm-il darba u f’diversi postijiet irreferejt għalihom. Ridt niġbor f’din l-Enċiklika bosta minn dawn l-interventi u nqegħedhom f’qafas usa’ ta’ riflessjoni. Barra dan, jekk fit-tifsil tal-Laudato si’ sibt bħala għajn ta’ tnebbiħ lil ħija Bartilmew, il-Patrijarka Ortodoss li ppropona b’ċerta qawwa l-għożża tal-ħolqien, f’dan il-każ ħassejtni mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb, li miegħu ltqajt f’Abu Dhabi biex niftakru li Alla “ħalaq lill-bnedmin kollha ndaqs fid-drittijiet, fid-dmirijiet u fid-dinjità, u sejħilhom biex jgħixu bejniethom bħal aħwa”.[5] Dan ma kienx xi sempliċi att diplomatiku, imma riflessjoni mwettqa fid-djalogu u impenn li ħadna flimkien. Din l-Enċiklika tiġbor u tiżviluppa temi kbar esposti f’dak id-Dokument li ffirmajna flimkien. U hawn addottajt ukoll, bil-lingwaġġ tiegħi, għadd ta’ dokumenti u ittri li rċivejt minn tant persuni u gruppi mid-dinja kollha.

6. Il-paġni li ġejjin m’għandhom l-ebda pretensjoni li jiġbru t-tagħlim kollu fuq l-imħabba fraterna, imma jridu jieqfu fuq id-dimensjoni universali tagħha, fuq il-ftuħ tagħha għal kulħadd. Qed noffri din l-Enċiklika soċjali bħala kontribut umli għar-riflessjoni biex, quddiem id-diversi modi attwali ta’ eliminazzjoni u twarrib tal-oħrajn, ikollna l-ħila li nirreaġixxu b’ħolma ġdida ta’ fraternità u ta’ ħbiberija soċjali li ma tillimitax ruħha għall-kliem biss. Imqar jekk ktibtha skont il-konvinzjonijiet Insara tiegħi, li jagħtuni l-ħajja u jsaħħuni, dan fittixt li nagħmlu b’mod li r-riflessjoni tinfetaħ għad-djalogu mal-persuni kollha ta’ rieda tajba.

7. Sewwasew jiena u nikteb din l-ittra, faqqgħet b’mod xejn mistenni l-pandemija tal-Covid-19, li kixfet iċ-ċertezzi foloz tagħna. Lil hemm mill-ħafna tweġibiet li taw id-diversi pajjiżi, ħareġ ċar in-nuqqas ta’ ħila tagħna li naġixxu flimkien. Minkejja x-xibka kbira ta’ konnettività, dehret frammentazzjoni li għamlitha iżjed diffiċli li nsewwu l-problemi li jmissuna lkoll. Jekk hemm xi ħadd qed jaħseb li biżżejjed inħaddmu aħjar dak li konna nagħmlu diġà, jew li l-uniku messaġġ hu li rridu ntejbu s-sistemi u r-regoli li diġà kienu jeżistu, qed jiċħad ir-realtà.

8. Nixtieq ħafna li, f’dan iż-żmien li ngħatajna li ngħixu, waqt li nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna umana, nistgħu nwelldu fost kulħadd xewqa dinjija għall-fraternità. Fost kulħadd: “Dan hu sigriet sabiħ biex nistgħu noħolmu u nagħmlu minn ħajjitna avventura sabiħa. Ħadd ma jista’ jaffronta l-ħajja b’mod iżolat […]. Hemm bżonn ta’ komunità li tweżinna, li tgħinna u li fiha ngħinu lil xulxin inħarsu ’l quddiem. Kemm hu importanti noħolmu flimkien! […] Waħidna nkunu nirriskjaw li jkollna l-illużjonijiet, għax nibda nara dak li ma hemmx; imma flimkien nistgħu nibnu l-ħolm”.[6] Noħolmu bħala umanità waħda, bħala vjaġġaturi mlibbsa bl-istess ġisem uman, bħala wlied ta’ din l-istess art li tilqagħna lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda bl-għana tal-fidi tiegħu jew tal-konvinzjonijiet tiegħu, kull wieħed u waħda bil-leħen tiegħu, ilkoll aħwa!


[1] “Ħuti, ejjew ilkoll kemm aħna…”, Twissijiet, 6, 1: FF 155.

[2] Ibid., 25: FF 175.

[3] San Franġisk ta’ Assisi, Regola mhux bullata, 16, 3.6: FF 42-43.

[4] Eloi Leclerc, O.F.M., Exilio y ternura, Ed. Marova, Madrid 1987, 205.

[5] Dokument dwar il-fratellanza umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 6.

[6] Diskors fil-Laqgħa ekumenika u interreliġjuża maż-żgħażagħ, Skop­je – il-Maċedonja ta’ Fuq (7 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 9 ta’ Mejju 2019, p. 9.

Ara aktar fil-Laikos …