Lezzjoni II: Dedikazzjoni tal-Bażiliki tal-Appostli S. Pietru u S.Pawl

Print Friendly, PDF & Email

18 ta’ Novembru – ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKI TAL-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL

TIFKIRA

Fis-seklu 4 il-Papa San Silvestru ddedika l-bażilka ta’ San Pietru fuq l-għolja tal-Vatikan u l-Papa San Siriċju l-bażilka ta’ San Paolo fuori le mura. L-anniversarji tad-dedikazzjoni ta’ dawn il-bażilki, mibnija fuq l-oqbra taż-żewġ appostli, kienu ilhom isiru f’Ruma sa mis-seklu 12; aktar tard daħlet fir-Rit Ruman kollu ċelebrazzjoni waħda f’ġieħ l-appostli San Pietru u San Pawl.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir

(Sermo 82 in Natali Apostolorum Petri et Pauli 1: 6-7)

Pietru u Pawlu, żewġ xitliet miż-żerriegħa ta’ Alla

Għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. Ebda sura ta’ ħruxija ma tista’ teqred ir-reliġjon imwaqqfa fis-sħiħ fuq is-Salib ta’ Kristu. Il-Knisja ma tiċkienx bil-persekuzzjonijiet , imma tikber; l-għalqa tal-Mulej tinkesa b’uċuħ dejjem aħjar, għax kull ħabba ta’ qamħ li taqa’ fiha tagħti sbula mimlija.

X’kotra kbira ta’frott ġbarna bis-saħħa ta’ San Pietru u San Pawl, iż-żewġ xitliet mill-isbaħ li kibru miż-żerriegħa ta’ Alla! Ħa jagħtu xhieda ta’ dan il-frott l-eluf ta’ qaddisin martri mħeġġa għar-rebħiet tal-Appostli, li b’demmhom ħammru l-popli mad-dawra kollha tad-dinja, b’Ruma fin-nofs, qishom ħafna ġawhriet prezzjużi minsuġin bejniethom f’kuruna waħa fuq ras ta’ din il-belt tagħna.

Għeżież, Alla tana dawn il-martri bħala għajnuna, biex juruna s-sabar u jwettquna fil-fidi. U aħna għandna nifirħu kullimkien b’dawn il-qaddisin kollha. Iżda bir-raġun nifirħu iżjed biż=żewġ missirijiet il-kbar tagħna San Pietru u San Pawl. Għax il-grazzja ta’ Alla għolliethom fil-quċċata fuq il-membri kollha tal-Knisja, qishom id-dawl taż-żewġ għajnejn fil-ġisem li r-ras tiegħu hi Kristu.

Ħadd ma għandu jitkellem fuqhom kif imiss, imma nistgħu ngħidu li ma hemm ebda għażla bejniethom fil-merti u l-virtujiet tagħhom; għax it-tnejn indaqs fl-għażla, indaqs fit-taħbit u ndaqs fil-glorja ta’ mewthom.

Mill-esperjenza tagħna stess u minn dak li wrewna ta’ qabilna, aħna nemmnu u nittamaw li dejjem insibu l-għajnuna tat-talb ta’ dawn iż-żewġ patruni speċjali tagħna, biex Alla jħenn għalina fit-taħbit kollu ta’ din il-ħajja. Aktar ma nħossu t-toqol ta’ dnubietna jagħfas fuqna, aktar nittamaw fl-għajnuna u l-merti ta’ dawn iż-żewġ Appostli.

RESPONSORJU                                                                                        

1 Henjin l-Appostli li bi spirtu mħeġġeġ qdew lil Kristu u ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom * Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla.

2 F’ħajjithom ħabbew lil xulxin, u anqas il-mewt ma firdithom. * Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla.

Talba

Ħares, Mulej, il-Knisja tiegħek bl-għajnuna tal-Appostli kif hi, bil-ħidma tagħhom, bdiet tagħraf lilek, hekk ukoll bit-talb tagħhom, titqawwa dejjem fil-grazzja tiegħek. B’Ibnek.

Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum

INNU

Ragħaj ta’ merħla, Pietru, ilqa’ talbna

u ħollna minn kull rabta ta’ dnubietna

bis-setgħa li tak Kristu sabiex b’kelmtek

tiftaħ u tagħlaq għall-bnedmin is-sema.

Mgħallem qaddis, mexxina f’ħajja xierqa,

u dawwar, Pawlu, ħsiebna lejn is-sema,

sa ma naraw, fid-dehra sħiħa tiegħu,

dak li f’din l-art qegħdin narawh bħal f’mera.

Lit-Trinità qaddisa, Alla  wieħed,

tifhir u sebħ jingħata, ġieħ u qawwa,

u lilu setgħa fuq il-ħlejjaq,

kif kien fil-bidu, issa u jibqa’ għal dejjem. Ammen

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija. Pietru l-Appostlu u Pawlu l-imgħallem tal-ġnus għallmuna l-liġi tiegħek. Mulej.

Talba

Ħares, Mulej, il-Knisja tiegħek bl-għajnuna tal-Appostli, kif hi bl-ħidma tagħhom, bdiet tagħraf lilek , hekk ukoll bit-talb tagħhom, titqawwa dejjem fil-grazzja tiegħek. B’Ibnek.

Fl-Għasar

INNU. Ragħaj tal-merħla, mit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. tal-kantiku ta’ Marija. L-iġsma tal-qaddisin huma midfuna fis-sliem, u isimhom jibqa’ għal dejjem.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading