Lezzjoni II: Santa Ġertrude

Print Friendly, PDF & Email

Fl-istess jum 16 ta’ Novembru – SANTA ĠERTRUDE, VERĠNI

TIFKIRA

Santa Ġertrude twieldet f’Eisleben, it-Turinġja, fl-1256; kienet għadha ċkejkna ħafna meta bagħtuha fil-monasteru tas-sorijiet Ċisterċiżi ta’ Helfta, fejn studjat l-aktar il-letteratura u l-filosofija, il-Latin, il-mużika u l-pittura. Imbagħad biddlet ħajjitha u ngħatat għat-talb u l-kontemplazzjoni ta’ Ġesù msallab. Kitbet ġabra ta’ talb u eżerċizzi spiritwali, u tagħrif dwar ir-rivelazzjonijiet li kellha u d-devozzjoni tagħha lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Mietet fis-17 ta’ Novembru 1301.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ktieb tat-tagħlim fuq it-tjieba ta’ Alla, ta’ Santa Ġertrude Verġni

(Lib 2, 23:1; 3. 5. 8. 10)

Kellek għalija ħsibijiet ta’ sliem

Ħa tbierkek ruħi, Mulej Alla li ħlaqtni, ħa tbierkek ruħi,u mill-qiegħ ta’qalbi ħa jfaħħruk l-istess għemejjel tiegħek ta’ ħniena, li bihom, fl-imħabba bla qjies, int ħaddantni mieghek mingħajr ma kien jistħoqqli. Inroddlok ħajr bil-ħila kollha tiegġi għall-ħniena bla qjies tiegħek, li biha nfaħħrek u nagħtik ġieħ, għas-sabar tiegħek bla qjies, li wasslek biex tinsa s-snin ta’ meta kien kont tarbija u tifla u żagħżugħa u xebba. Kollni bluha fl-għama tiegħi wasalt biex ikolli ħamsa u għoxrin sena, u f’dak iż-żmien, bla ebda rimors tal-kuxjenza, kif nara llum, kont nagħmel u ngħid kull ma jiftilli, kull fejn kont inkun, kieku int ma wissejtnix jew permezz tal-ġibda naturali tiegħi għal dak li hu tajjeb u tal-istmerrija naturalitiegħi għal dak li hu ħażin, jew permezz tat-twissijiet ta’ min kien qrib ħafna lejja. Kont kieku ngħix ħajja ta’ pagana fost il-pagani u ma kontx insir naf li int, Alla tiegħi, tagħti l-premju lit-tajbin u l-kastig lill-ħżiena. Iżda int, minn tfuliti, minn mindu kelli ħames snin, tajtni post fejn ngħammar f’dar ir-reliġjużi, f’dar tal-ħbieb l-aktar għeżież tiegħek.

Għalhekk bi tpattija, Missier l-aktar maħbub, noffrilek il-passjoni kollha ta’ Ibnek il-għażiż, mill-mument li tqiegħed fuq it-tiben fil-maxtura u beka l-ewwel bikja tiegħu, mill-ħtiġiet kollha tiegħu bħala tarbija u min-nuqqasijiet kollha li ġarrab bħala tifel, mit-tiġrib tiegħu bħala żagħżugħ u mit-taħbit tal-bidu tal-irġulija tiegħu, sa dik is-siegħa li fiha mejjel rasu fuq is-salib, għajjat għajta kbira u ta ruħu. U biex inħallas għat-traskuraġni kollha tiegħi, Missier l-aktar maħbub, noffrilek il-ħajja kollha ta’ Ibnek il-waħdieni, kull ma għamel sewwa u bi qdusija liema bħala, bil-ħsieb, bil-kliem u bil-għemil, minn dik is-siegħa li niżel minn fuq it-tron tal-glorja biex ġie fostna fid-dinja sa dik is-siegħa li fiha wera quddieml-għajnejn tiegħek ta’ Missier il-glorja ta’ ġismu rebbieħ.

B’radd ta’ ħajr, jien hu niċċekken fuq li niċċekken fix-xejn kollu tiegħi, infaħħar u nqim il-ħniena tiegħek bla qjies flimkien mat-tjieba kollha ħlewwa tiegħek, għaliex int Missier ta’ kull ħniena, kellek għalija ħsibijiet ta’ sliem  u mhux ta’ ħsara, għalkemm jien kont ngħix ħajja bla ebda siwi u għalhekk erfajtni minn din il-ħajja b’kotra kbira u bla qjies tal-grazzji tiegħek. U ma’ dan kollu int tajtni wkoll il-ħbiberija tiegħek, ħbiberija li m’hemmx oħra bħalha, għaliex tajtni taħt ħafna suriet dak it-teżor għażiż tad-divinità li hi Qalbek, biex timlieli kull għaxqa tiegħi.

U fl-aħħarnett int saħħartli ruħi bil-wegħdiet kollha tiegħek li naf li jseħħu żgur, wegħdiet ta’ ġid meta mmut, wegħdiet li jseħħu wara mewti; u kieku ma kelli nirċievi ebda don ieħor minn għandek   ,għal dawn il-wegħdiet biss qalbi kienet tixxennaq għalik b’tama ħajja u sħiħa.

RESPONSORJU                                                                                          ara Ġer 31:3b; ara Hos 2:16b. 21

1 B’imħabba ta’ dejjem il-Mulej ħabb lil Ġertrude, għalhekk ġibidha lejh sa minn żgħożitha , ħadha fid-deżert. * U kellem lil qalbha.

2 Għarrasha miegħu għal dejjem, fil-ħaqq u fit-tjieba. * U kellem lil qalbha.

Talba

O Alla, int hejjejt għalik għamara kolla hena fil-qalb tal-verġni Santa Ġertrude; bit-talb tagħha ħenn għalina u dawwal id-dlamijiet ta’ qalbna, biex, b’ferħ kbir, inħossu l-preżenza u l-ħidma tiegħek fina . B’Ibnek.

%d bloggers like this: