San Franġisk t’Assisi u l-Covid-19


Żgur li s-suġġett prinċipali li lkoll kemm aħna bħalissa qegħdin nitkellmu dwaru huwa l-pandemija tal-Corona virus. Qegħdin nitkellmu dwaru mhux biss aħna l-Maltin u l-Għawdxin imma d-dinja kollha. Huwa s-suġġett topiku fuq livell mundjali – internazzjonali. U bir-raġun għaliex m’hemmx rokna fid-dinja li dan il-virus ma daħalx u attakka miljuni ta’ vittmi bil-qawwa nviżibbli tiegħu.

Statwa ta’ San Franġisk fil-belt ta’ San Fiorano, l-Italja.

Inkiteb ħafna dwar dan is-suġġett. Kulħadd kiteb u ttratta l-pandemija mill-aspett tiegħu. Fost id-diversi perspettivi li dan il-virus ħarisna lejh kien hemm, l-ewwel u qabel kollox,  dak mediku. It-tobba qalulna tagħhom. It-tobba ppruvaw jgħidulna l-oriġni ta’ dan il-virus, il-gravità tiegħu u anke x’għandna nagħmlu mhux biss biex ma jaħkimnhix imma wkoll sabiex neħilsu minnu darba għal dejjem. Ħarisna lejn il-Covid-19 mill-aspett politiku u soċjoloġiku, mill-aspett ekonomiku u industrijali, mill-aspett turistiku u edukazzjonali. Nistgħu ngħidu li ttratttajna din il-pandemija minn kull aspett għaliex mhux biss daħlet u ħakmet kull pajjiż imma wkoll laqtgħet u heżżet kull qasam tas-soċjetà tagħna.

Ma’ dawn l-aspetti li diġa semmejna ma naqasx l-aspett teoloġiku-bibbliku u spiritwali. L-ilħna tal-Knisja semmgħu l-vuċi tagħhom speċjalment dwar diversi mistoqsija fejn jidħol Alla u l-imħabba tiegħu, Alla u l-kastigi, Alla u r-rieda tiegħu: mistoqsijiet li jqumu meta jżurna l-għawġ, is-saram, il-mard u l-aktar il-mewt. U l-bniedem li jemmen isaqsi u jibqa’ jsaqsi u għax jemmen isaqsi lil Alla.

SAN FRANĠISK ILLUM

Qegħdin fix-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar li fih (4 ta’ Ottubru) niċċelebraw il-Festa tal-Qaddis t’Assisi. Meta naqraw il-ħajja ta’ xi qaddis jew qaddisa, aktar w’aktar meta niċċelebraw il-festi tal-qaddisin, nagħmlu sewwa meta npoġġuhom quddiemna bħala mudelli. Fuq kollox il-qaddisin qegħdin hemm mhux biss sabiex nammirawhom u niċċelebrawlhom il-festi tagħhom, imma fuq kollox qegħdin hemm sabiex nimitawhom. Infittxu li l-virtujiet li għexu nagħmluhom tagħna billi ngħixuhom aħna wkoll illum. Għal dan il-għan nagħmlu sewwa meta lill-qaddis li tiegħu nkunu qed niċċelebraw il-festa tiegħu ninkarnawh fiż-żminijiet tagħna billi nistaqsu: Li kieku kien jgħix magħna llum x’kien jagħmel? Kif kien iġib ruħu? X’kien jgħidilna biex nagħmlu? Huwa possibli li lil San Franġisk t’Assisi li għex aktar minn 800 sena ilu nħarsu lejh bħala mudell għal żmienna, għas-seklu 21, għall-Knisja u s-soċjetà tagħna llum? X’għandu x’jgħidilna?

TAĦT IX-XEMX XEJN M’HU ĠDID

Jgħaddu kemm jgħaddu s-sekli tal-istorja l-bniedem fl-essenza tal-eżistenza tiegħu jibqa’ l-istess. Jinbidlu n-nies u ċ-ċirkustanzi,  imma l-istorja tibqa’ tirrepeti ruħha b’atturi diferenti. Imma dejjem atturi umani maħkuma mid-djugħfija li tressaq lejn il-ħażen u d-dnub, atturi umani mgħonnija b’virtujiet li jressqu lejn it-tajjeb u l-qdusija.

San Franġisk, mgħoni bl-għola virtujiet għex fil-Knisja u s-soċjeta tas-seklu 13 magħġuna b’diversi karatteristiċi koroh u sbieħ li nsibuhom rrepetuti b’xejriet differenti anke fil-Knsija u s-soċjetà tagħna llum. Fost dawn il-fatturi li jibqgħu donnhom bħal ankra marbuta mall-bniedem ta’ kull żmien hemmn il-mard. Kull mard, speċjalment dak kroniku u aktar w’aktar  terminali. Jekk illum qed nitkellmu mill-pandemija tal-corona virus, fis-seklu 13 li fih għex San Franġisk, insibu diversi mardiet li beżżgħu u werwru lill-umanità bħalma kienu il-lebbra u l-pesta.

San Franġisk jgħannaq lebruż

SAN FRANĠISK JGĦANNAQ LILL-LEBRUŻ

Bil-għan li npoġġu lil San Franġisk fi żmienna, fil-Knisja u fis-soċjetà tagħna speċjalment quddiem din it-theddida tal-corona virus li qed taħkimna rridu nħarsu lejn l-imġieba tal-qaddis tagħna quddiem il-mard u l-marid … hu x’inhu l-mard, hu min hu l-marid.

KIF KIEN IĦARES LEJN IL-MARD?

L-ispiritwalità li San Franġisk t’Assisi ħalliliena bħala wirt hija waħda mibnija fuq it-teoloġija tasSalib li tibda proprju l-mixja tagħha minn Greccio – li jippreżenta l-ewwel Milied li seħħ f’Betlem, sal-Averna – li jippreżenta l-Kalvarju. Il-ħajja ta’ San Franġisk wara l-konverżjoni tiegħu kienet dik li mhux biss jimxi wara Kristu imma li jsir Kristu ieħor. U dan għamlu billi “ċaħad lilu nnifsu, refa’ is-salib tiegħu ta’ kull jum u ta ġidu lill-foqra” billi hu stess għażel li jgħix fqir mall-fqar. Kristu Mislub fis-Salib ta’ San Damjan kien it-tluq u l-pedament tal-ħajja ġdida tiegħu. Għalhekk fil-mard u fit-tbatija kien iħoss li qed ikun l-aktar qrib ta’ Krsitu li sar tbatija għalina. San Franġisk kien jifraħ quddiem il-mard għax fih kien jara xebħ ma’ Kristu, mezz ta’ fidwa u l-akbar esperesjjoni ta’ imħabba.

KIF KIEN IĦARES LEJN IL-MARID?

Ma nixtieqx inqabbel lil min hu maħkum mill-corona virus mal-lebruż, imma t-tnejn li huma fil-ġenesi tagħhom joffru sfida ta’ biżgħat u inċertezzi. It-tnejn li huma jippossiedi l-qawwa tal-kontaminazjoni, jistgħu jittieħdu għalhekk irridu nitbiegħedu minn min hu maħkum minn dan it-tip ta’ mard. Lit-tnejn indaħħluhom fi kwarantina u nżommu lilna nfusna ‘l bogħod minnhom … dik li llum aħna nsejjħulha “social distance”.

Imma kif kienet l-imġieba ta’ San Franġisk quddiem din il-kategorija ta’ morda. Nistgħu niġbru l-imġieba tal-qaddis t’Assis f’erba’ kelmiet:

1) IMĦABBA EROJKA: kien imur jiekol magħhom mill-istess skudella li fiha kienu jieklu huma u saħansitra wasal sabiex mhux biss għannaq imma bies fuq xufftejh wieħed libbruż;

2) SOLIDARJETÀ – tant li kien imur jgħix magħhom, hu u sħabu kienu jittalbu l-karità sabiex jgħinu lill-lebbrużi;

3) KONVERŻJONI: hekk kif il-mument tat-tgħannieqa li San Franġisk ta lil wieħed lebbruż iħares lejh bħala il-mument kruċjali tal-konverżjoni tiegħu, il-Fqajjar t’Assisi kien jaħdem fuq livell spiritwali għall-konverżoni tal-istess lebbrużi speċjalment meta dawn kienu jeħduha kontra Alla minħabba din il-mard;

4) FIHOM KIEN JARA LIL KRISTU BATUT… ma tistax tgħid li inti tħobb lil Kristu u dan Mislub jekk ma tasalx biex tħobb u tgħannaq lill-marid. Kull marid, għal San Franġidsk, kienu Kristu ieħor.  

Kemm hu sabiħ meta l-bniedem quddiem kull hemm jitgħallem bil-qawwa tal-fidi tiegħu jibqa’ ottimist, pożittiv, ferħan u seren. Din hija l-qawwija moħbija tal-fidi-fiduċja f’Alla li mix-xewk kapaċi joħroġ il-ward. U proprju dan hu li San Franġisk qed jgħallimna quddiem l-isfida tal-pandemija tal-corona virus li qed imissna ngħixu bħala parti mill-istorja ta’ ħajjitna. Nidħlu għaliha mlibbsa b’dik l-enerġija li l-Evanġelju jagħtina, hekk kif għamel ma’ San Franġisk.

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem! 

Kitba ta’ Fr Philip Cutajar ofm cap