Ġurnata b’messaġġ għalina lkoll


Il-Ħadd, 18 ta’ Ottubru 2020: Quddiesa tad-29 Ħadd tas-Sena (Il-Ġurnata Missjunarja) mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Kappella tal-Madonna tal-Ħlas, Ħal Qormi.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Ġurnata b’messaġġ għalina lkoll

X’inhi din il-Ġurnata Missjunarja? Għal ħafna minna hi l-ġurnata meta aħna nieqfu ftit biex naħsbu fil-Knisja li hi missjunarja, speċjalment f’dawk il-pajjiżi msejħin ‘tal-missjoni’ u l-għajnuna li tingħata lilhom. Aħna għandna lil Missio f’Malta, u hawn Mons. Valent Borg li qed jikkonċelebra li hu d-direttur tal-Missio, u nixtieq nirringrazzja lilu u lill-ħaddiema u dawk kollha li qed jagħtu servizz f’Missio għall-ġid li qed jagħmlu biex il-Knisja tista’ tkun tassew Knisja missjunarja.

Missjoni f’kull jum tas-sena

Imma flimkien ma’ dan, u Missio stess ifakkarna f’dan, din il-ġurnata tgħinna naħsbu fuq kif għandha tkun kull ġurnata tas-sena; kif aħna msejħin, ilkoll kemm aħna bħala dixxipli ta’ Kristu, biex inkunu f’missjoni kull jum tas-sena. Il-Papa Franġisku joħroġ dan tajjeb ħafna fil-messaġġ li ħareġ għall-Ġurnata Missjunarja ta’ din is-sena, meta jirrifletti fuq it-tweġiba li ta Isaija l-Profeta għall-kliem tal-Mulej meta qal “Lil min se nibgħat?” (Is 6:8). U Isaija wieġeb: “Hawn jien, ibgħat lili.” (Is 6:8) Il-Papa jgħid kif din hi l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, għaliex il-kelma ‘missjoni’ tfisser mibgħut. Hi din is-sejħa li jagħmlilna Alla u jibgħatna biex nistgħu nkunu tassew xhieda tiegħu fl-oqsma differenti tal-ħajja.

Kif Ġesù kien il-mibgħut tal-Missier – u l-Papa f’dan il-messaġġ isejjaħlu l-missjunarju tal-Missier – hekk imbagħad Ġesù jsejjaħ lilna biex jagħtina l-Ispirtu tiegħu ħalli, kif smajna fl-Evanġelju, jibgħatna: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-bxara t-tajba lill-bnedmin kollha.” Nixtieq nagħmel dawn it-tliet punti ta’ riflessjoni fuq din il-ġurnata.

Missjoni bix-xhieda u bil-kelma

L-ewwel nett, hu Alla li jsejjaħ – is-sejħa ġejja minnu – u jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex inkunu f’din il-missjoni fl-oqsma differenti tal-ħajja. Għalhekk kemm min hu saċerdot jew soru jew patri, imma wkoll min qed jgħix il-ħajja miżżewġa, min hu waħdu – kulħadd. Isejħilna biex aħna nkunu dawk li nwasslu l-Aħbar it-Tajba bix-xhieda ta’ ħajjitna u bil-kelma. Ix-xhieda tiġi l-ewwel, għax ix-xhieda tgħajjat ħafna iktar minn kull kelma li nistgħu ngħidu. Imma mbagħad ukoll il-kelma li nistgħu ngħidu ta’ ġid.

Dan nistgħu nagħmluh, kull wieħed u waħda minna, kulfejn qed naħdmu, ngħixu, kulfejn inkunu. Din hi s-sejħa li Alla jagħmel lilna lkoll. Għalhekk din il-ġurnata tfakkarna kif għandha tkun kull ġurnata tal-ħajja tagħna. Alla jsejħilna biex noħorġu minna nfusna, u nwieġbu għas-sejħa tiegħu billi bħal Ġesù nagħmlu r-rieda tal-Missier. U hekk inkunu tassew missjunarji kulfejn inkunu. Għalhekk kemm jekk tkun għalliem jew għalliema jew f’xi professjoni oħra, kemm jekk qed taħdem f’uffiċċju jew taħdem fil-fabbrika, jew xi tip ta’ xogħol ieħor – int fejn int, hi x’inhi l-pożizzjoni tiegħek bħalissa, Alla jsejjaħlek biex taqdi din il-missjoni b’ġenerożità.

Kultant ikun hemm min jgħid: jien x’nista’ nagħmel? Jien qiegħed waħdi d-dar, jew ma niflaħx. Kif nista’ nagħmel din il-missjoni? Irridu niftakru li Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, patruna tal-missjonijiet, ma marret imkien ’il barra jew f’postijiet oħra, imma kienet fil-kunvent, ħafna drabi milquta mill-mard, tgħix hemmhekk is-sejħa li Alla għamlilha, u hemm qdiet il-missjoni tagħha.

Missjoni fis-sitwazzjoni diffiċli tal-pandemija

Alla jsejħilna fiċ-ċirkustanzi differenti tal-ħajja u taż-żmien. Qegħdin ngħixu fiż-żmien illum partikolarment diffiċli minħabba l-pandemija tal-Covid-19, li għadna taħtha. Għalhekk f’daż-żmien Alla jsejħilna biex naraw kif nistgħu naqdu l-missjoni tagħna speċjalment qalb diversi nies li jkunu jew imbeżża’, jew mifxula, jew għaddejjin mit-tbatija. Hawn nies li jħossuhom iżolati, jew abbandunati, jew qed ibatu waħedhom, jew inkella b’ansjetà f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu. Alla jsejħilna biex inkunu għalihom ta’ sostenn u ta’ għajnuna fil-qadi tal-missjoni tagħna.

Naturalment, din irridu nagħmluha fir-rispett tal-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja, għax aħna għandna r-responsabbiltà li nsegwu dawn il-miżuri. Għalhekk, jekk inti tgħid: jien il-missjoni tiegħi s-soltu hi li mmur inżur lill-anzjani; x’se nagħmel? Certament bħalissa mhux li tmur u żżur lill-anzjani. Imma tista’ b’mod ieħor turihom l-appoġġ, is-solidarjetà, titlob għalihom, turihom li int qed taħseb fihom, li huma mhumiex waħedhom. Għalhekk qed ngħid li skont iċ-ċirkustanzi taż-żmien – fir-rispett ta’ dawn il-miżuri li hu importanti ħafna li aħna nsegwuhom.

Missjunarji Maltin f’diversi postijiet fid-dinja

Dil-ġurnata tfakkarna wkoll f’dawk li wieġbu b’ġenerożità kbira għas-sejħa tal-Mulej, bħalma għamel Isaija li qallu “Hawn jien, ibgħat lili”, u marru f’diversi postijiet mad-dinja kollha. Għandna ħafna missjunarji Maltin, saċerdoti, reliġjużi u lajċi mferrxin ma’ tant pajjiżi fid-dinja, li għamlu u qegħdin jagħmlu xogħol hekk sabiħ biex tinxtered is-saltna ta’ Alla. Kemm bl-Aħbar it-Tajba li jwasslu, kemm bl-opri soċjali li tant importanti għan-nies għax il-Knisja taħseb fil-bniedem sħiħ. U aħna importanti llum niftakru fihom, nirringrazzjaw lil Alla tagħhom, nitolbu biex ikun magħhom f’dan is-servizz tant sabiħ li qed jagħtu f’postijiet differenti tad-dinja. Nitolbu biex ikun hemm ħafna li jwieġbu b’ġenerożità għas-sejħa tal-Mulej biex ikunu missjunarji bħal dawn li jmorru f’postijiet differenti.

Ukoll, ngħinuhom kemm bit-talb tagħna, u bl-għajnuna materjali. Id-donazzjonijiet li nagħtu jgħinu biex tissaħħaħ din il-ħidma tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli wkoll għalihom, huma li għażlu li jibqgħu jaqdu lill-Mulej f’tant postijiet differenti. Għalhekk tajjeb niftakru fihom illum b’ringrazzjament lil Alla, niftakru f’dawk kollha li qegħdin isostnuhom u jgħinuhom, u aħna wkoll nagħmlu l-parti tagħna biex ngħinu lil dawn ħalli l-kelma ta’ Ġesù tkompli tixtered sa truf l-art kollha.

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla llum, nitolbuh biex aħna lkoll nagħrfu s-sejħa li għamel lilna personali biex inkunu missjunarji fl-oqsma differenti tal-ħajja fejn qegħdin; u nitolbuh ukoll għal dawn li qegħdin imxerrdin f’tant pajjiżi biex il-Mulej jgħinhom u jħarishom ħalli jkomplu jaqduh b’ġenerożità b’din is-sejħa li għamlilhom, għax aħna lkoll aħna Knisja missjunarja.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.