“Hawn jien, ibagħat lili” (Is:6,8)


Din hija t-tema’ magħżula mill-Papa Franġisku għall-Jum il-Missjoni ta’ din is-sena. F’mumenti ta’ kriżi, bħalma bħalissa d-dinja kollha qed taffaċċja minħabba l-pandemija ta’ COVID-19, il-Mulej jagħmel l-istess sejħa li għamel fiż-żmien il-Profeta Isaija: ‘Lil min nibagħat?’ Din hi sejħa li ġejja mill-qalb u mill-ħniena ta’ Alla.

Il-Papa Franġisku jqabel is-sitwazzjoni li ninsabu bħalissa fiha mal-istess xena ta’ meta d-dixxipli kienu fid-dgħajsa ma Ġesù u qabdet maltempata kbira u bdew jibżgħu li ser jintilfu. Il-Qdusija tiegħu enfasizza l-punt tal-importanza u l-ħtieġa li nibqgħu flimkien u li nfarrġu lil xulxin.

It-tema’ magħżula mill-Papa Franġisku għall-Jum il-Missjoni 2020

“It-tbatija u l-mewt juruna d-dgħufija umana tagħna, ‘mma fl-istess ħin ifakkruna fix-xewqa qawwija għall-ħajja u għall-ħelsien mill-ħażen”. F’dan il-kuntest, is-sejħa għall-missjoni, tistedina biex noħorġu minna nfusna għall-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, u li din tidher bħala opportunità ta’ kondiviżjoni, servizz u interċessjoni.

Il-Papa Franġisku juri li Ġesù huwa l-Missjunarju tal-Missier, għaliex b’ubbidjenza sħiħa Ġesù fittex li jagħmel ir-rieda tal-Missier. Hi din l-imħabba ta’ Ġesù li ta’ ħajtu għalina tiġbidna “lejn il-missjoni tiegħu ta’ mħabba, li jagħti lill-Knisja, jagħmilna ta’ Kristu u jibagħtna f’missjoni lejn id-dinja u l-ġnus”. Il-Papa jisħaqq li ħadd ma jitħalla barra mill-imħabba t’Alla, u mis-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib.

Il-missjoni hija tweġiba għas-sejħa t’Alla li wieħed jagħtiha b’mod konxju u ħieles. Il-Papa jitlobna biex nidħlu fina nnfusna u nsaqsu jekk aħna hux qed nilqgħu l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna, u jekk hux qed nisimgħu s-sejħa għall-missjoni fit-toroq tal-ħajja tagħna – fiż-żwieġ, fis-saċerdozju, fil-ħajja konsagrata, u fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

It-tweġiba li ta’ l-Profeta Isaija, ‘Hawn jien ibgħat lili’ rridu nweġbuha aħna llum. “Li nifhmu dak li Alla qed jgħidilna f’dan iż-żmien ta’ pandemija li hija sfida anki għall-missjoni tal-Knisja”. Hu it-talb li permezz tiegħu Alla jmiss u jċaqlaq lil qlubna u jagħmilna aktar miftuħa għall-ħtieġa tal-imħabba, dinjità u libertà ta’ ħutna l-bnedmin.   

Il-Papa Franġisku jżid li Alla ma jieqaf qatt ifittex lil dawk li jista’ jibgħathom fid-dinja u fost il-ġnus biex jagħtu xhieda ta’ mħabbtu, tal-fidwa tiegħu mid-dnub u mill-mewt, u tal-ħelsien mill-ħażen.

Il-Papa jgħalaq il-messaġġ billi jħeġġiġna biex nitolbu għall-Missjunarji, ‘mma wkoll biex ngħinu waqt il-ġbir li dan immur “biex tingħata l-għajnuna spiritwali u materjali lill-popli u lill-knejjes fid-dinja kollha, għas-salvazzjoni ta’ kulħadd”.

Biex taqra l-artiklu u l-istorja tal-għanqud għeneb idħol fuq s-sit: https://www.laikos.org/fr1_messagg_missjoni_2020.htm