23 ta’ Novembru – SAN KLEMENT, PAPA U MARTRI
Tifkira
San Klement kien it-tielet Papa wara San Pietru li mexxa l-Knisja ta’ Ruma fi tmiem l-ewwel seklu. Kiteb ittra sabiħa lill-Korintin, biex iwettaqhom fis-sliem u jsaħħaħhom fl-għaqda tal-qlub.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari mill-Ittra tal-Papa San Klement l-Ewwel lill-Korintin
( Cap 35:1-5; 36: 1-2; 37: 1, 4-5; 38: 1-2,4 )
Tal-għaġeb id-doni ta’ Alla
Ħuti għeżież, kemm huma ta’ hena, kemm huma tal-għaġeb id-doni ta’ Alla! Ħajja bla tmiem; ġustizzja kollha dija, verità bla xkiel, fidi bla biża’, ħajja rżina fil-qdusija – dan kollu nistgħu nifhmuh. X’hemm aktar mela mħejji għal dawk li qegħdin jistennew il-Mulej? Alla l-Qaddis, li ħalaq kollox u li hu l-Missier ta’ kull żmien. Hu biss jaf x’hemm mħejji għalina u ta’ liema ġmiel hu. Aħna, mela, biex kollna sehem minn dawn id-doni għandna nħabirku b’ħeġġa kbira biex inkunu fl-għadd ta’ dawk li qed jistennew il-Mulej.
U kif se nagħmlu dan, ħuti għeżież? Nagħmlu jekk ħsiebna dejjem f’Alla b’fidi sħiħa, jekk infittxu li nagħmlu dejjem u sewwa dak li jrid u jogħġbu, jekk nagħmlu dejjem kulma jaqbel mar-rieda tiegħu u nimxu fit-triq tal-verità billi nwarrbu minn kull ħażen u kull deni, ir-rebgħa, il-ġlied, il-qerq u l-ingann.
Din hi t-triq li fiha nsibu s-salvazzjoni, Ġesù Kristu, il-qassis il-kbir li jwassal l-offerti tagħna lil Alla, dak li jħarisna u jgħinna fin-nuqqas kollu tagħna. Bih aħna nistgħu nħarsu lejn l-għoli tas-smewwiet; bih, qisu f’mera, aħna naraw il-wiċċ glorjuż ta’ Alla kollu dija; bih jinfetħu l-għajnejn ta’ qlubna għal dejjem; bih , moħħna mdallam u tqil biex jifhem, jinfetaħ għad-dawl ta’ dejjem; bih il-Mulej ried li aħna nduqu l-għaxqa tal-għerf li jibqa’ għal dejjem, għaliex hu, li kien id-dija tal-glorja ta’ Alla, daqshekk aqwa hu mill-anġli daqskemm ogħla hu minn tagħhom l-isem li kiseb.
Mela, ħuti, naqdu dmirna ta’ suldati tiegħu, bil-ħila kollha, billi nħarsu l-kmandamenti sbieħ tiegħu. Il-kbar jeħtieġu liż-żgħar daqskemm iż-żgħar jeħtieġu lill-kbar; huma marbutin ma’ xulxin,u f’dan hu s-siwi kollu tagħhom. L-istess ġisem tagħna jfissrilna dan sewwa ħafna. Ir-ras ma hi xejn bla riġlejn, kif ma huma xejn ir-riġlejn meta ma hemmx ir-ras; l-iċken fost il-membri ta’ ġisimna huma meħtieġa u jiswew għall-ġisem kollu daqs il-membri l-oħra; anzi l-membri kollha tal-ġisem jingħaqdu flimkien u joqogħdu għal xulxin għal ġid tal-ġisem kollu.
Inħarsu, mela s-sħuħija tal-Knisja, il-ġisem tagħna, fi Kristu Ġesù, billi kull wieħed minna joqgħod għal għajru, skont id-don tal-grazzja li kien mogħti lilu. Min hu b’saħħtu jaqbeż għal min hu dgħajjef u min hu dgħajjef għandu juri ġieħ lil min hu b’saħħtu; l-għani jgħin lill-fqir u l-fqir ifaħħar l’Alla ta’ dak li tah biex jgħin ruħu fil-faqar tiegħu; l-għaref juri għerfu mhux bil-kliem imma bl-għemil it-tajjeb; min hu umli m’għandux jagħti xhieda hu nnifsu tax-xejn tiegħu, imma għandu jħalli lil ħaddieħor jagħti xhieda għalih. Jekk għandna dan kollu minn għandu, inroddulu ħajr ta’ kollox: lilu glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
RESPONSORJU
ara Mt 7:24; 1 Piet 2:22; 1 Sam 2:28; Sir 44:19. 17
1 Dan hu il-bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat u ebda qerq ma nstab fuq fommu.* Alla għażlu qassis għalih.
2 Dan hu l-qassis il-kbir li fi żmienu għoġob lil Alla u nstab li kien ġust. * Alla għażlu qassis għalih.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li fil-qaddisin tiegħek turina kemm int tal-għaġeb, ferraħna llum fit-tifkira ta’ San Klement, saċerdot ta’ Ibnek u martri, li b’qawwa kbir tana xhieda tal-fidi tiegħu fil-misteri qaddisa li kien jiċċelebra, u bl-eżempju ta’ ħajtu wettaq dak li kien ixandar. B’Ibnek.