Qari tal-Quddies tat-Tnejn tas-XXVI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Jiena nsalva l-poplu tiegħi mil-Lvant u mill-Punent.
Żak 8, 1-8

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

Ġiet il-kelma tal-Mulej tal-eżerċti u qalli:
“Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti:
Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon,
għajjur għaliha b’korla liema bħalha.

Dan jgħid il-Mulej: Mill-ġdid indur lejn Sijon, u niġi ngħammar f’nofs Ġerusalemm. Imbagħad lil Ġerusalemm jibdew ixandruha bħala “il-Belt il-fidila”, u l-muntanja tal-Mulej tal-eżerċti bħala “il-Muntanja l-qaddisa”.

Dan jgħid il-Mulej: Il-pjazez ta’ Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-xjuħ, irġiel u nisa, kulħadd bil-bastun f’idu minħabba t-tul ta’ għomru. U l-pjazez tal-belt jimtlew bi tfal subien u bniet, jilagħbu fil-wesgħat tagħha.

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Jekk illum din hija ħaġa tal-għaġeb f’għajnejn fdal dan il-poplu, se tkun tal-għaġeb f’għajnejja wkoll? Oraklu tal-Mulej tal-eżerċti. Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi mil-Lvant u mill-Punent, u nġibhom lura biex jgħammru f’nofs Ġerusalemm; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, fidil u ġust”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 101 (102), 16-18.19-21.29 u 22-23

R/. (17): Il-Mulej bena lil Sijon, u deher fis-sebħ tiegħu

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.
U jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt. R/.

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;
nisilhom jibqa’ għal dejjem quddiemek.
U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,
u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,
meta l-popli flimkien jinġemgħu,
u saltniet biex jaqdu l-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah
Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi,
imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.
Lq 9, 46-50

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, qamet kwistjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir”. Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu