Għalkemm ġie mxandar BEATU mill-Knisja ftit ilu, imma ġie msejjaħ Il-Qaddis tal-Millenju. U bir-raġun.
Dan iż-żgħażugħ ta’ ftit aktar minn 17-il sena ma għamel xejn speċjali ħlief għex iż-żgħożija tiegħu bil-ferħ ta’ żgħażugħ tallum, jgħum fit-teknoloġija tal-computer u l-internet u dak kollu li din iġġib magħha, użaha tajjeb, u hekk kien ta’ servizz kbir lill-umanità. Tant li ġie mogħti mill-Knisja bħala eżempju u mudell għal kull min irid ikun nisrani tajjeb, f’kull sens, dixxiplu veru ta’ Ġesù.
Carlo għex bejn is-snin 1991-2006. Kien ġenju tat-teknoloġija tal-informatika. Bħal ħafna minna meta nibdew niskopruha, ukoll jekk f’età mhux żgħira. IMMA dan għamlu b’differenza. Għaliex għaraf jużaha biex iwassal l-Evanġelju mad-dinja kollha. Kemm kien jieħu pjaċir Dun Ġorġ li għamel minn ħajtu kollha, huwa u s-Soċjetà li waqqaf “biex l-Evanġelju jixxandar mad-dinja kollha”! Min jaf kemm kien isemmi lil Carlo bħala mudell għas-segwaċi kollha tiegħu!

Carlo ħadem ukoll ħafna biex ixerred id-devozzjoni vera lejn Ġesù Ewkaristija bil-wirjiet, anke virtwali, li tella’; l-istess bil-facebook, twitter u ħafna aktar. Kien jipprofitta ruħu minn kollox għal għan wieħed.
Ħbieb, x’tentazzjoni hija għal ħafna li quddiem invenzjonijiet hekk meraviljużi li l-Mulej jafdalna wkoll f’idejna lkoll, li ma nużawhomx kif irid il-Ħallieq! Nippruvaw bil-meżżi li għandna u li jkollna, aħna wkoll skont il-kapaċitajiet tagħna, nużawhom biss biex inxandru l-imħabba t’Alla u nkabbru aktar imħabba u għaqda fost il-bnedmin. Niftakar dejjem dak li qalli wieħed ilu ftit meta kont f’seminar dwar hekk: Inqis li ma’ kull għafsa ta’ butttuna fuq il-computer jew il-mobile tkun biss biex inxerred aktar imħabba vera. Jekk ma tkunx imħabba m’għandhiex valur u rrid inwarrabha malajr. Kull għafsa fuq il-buttuna tal-computer jew mobile, jew it-tablet u aktar tkun pass biex tressaqni eqreb lejn Alla u lejn ħuti.
Mulej: Agħmel li l-bnedmin kollha, u jiena b’mod speċjali, inxerred b’dawn il-meżżi sbieħ l-Imhabba tiegħek aktar kullimkien.
Kitba ta’ Patri Silvestru Bonavia ofm cap