Enċiklika “Ilkoll Aħwa” u l-Beatu Carlo Acutis

Tista’ tħossok xi ftit mbarazzat tara r-ras ta’ dan l-artiklu b’dawn iż-żewġ ismijiet li għall-ewwel jidher li xejn ma hu xieraq tgħaqqadhom u aktar w’iktar ikunu flimkien għar-rivista bħad-Dawl Franġiskan.  Imma xejn minn dan!  Ejjew naraw ftit flimkien kif dan huwa paragun li joqgħod tajjeb, jixraq u jagħmel ħafna sens; u fuq kollox hu franġiskan fl-għeruq tiegħu.

Nhar is-sibt 3 t’Ottubru li għadda, lejlet il-festa kbira ta’ Missierna San Franġisk, Papa Franġisku mar Assisi f’pellegrinaġġ ta’ talb, u waqaf fuq il-qabar għażiż tal-qaddis u hemm iffirma t-tielet Itta Enċiklika tiegħu.  Hekk b’ħeġġa dejjem ġdida ried itenni l-messaġġ li ilu jwassal b’ħafna modi matul il-kważi tmin snin li ilu Papa u jsejjaħ lilna lkoll bħala Aħwa ngħixu hekjk tassew.  Dan, l-aktar dawn l-aħħar xhur, laħaq quċċata għolja ħafna bid-diskors “maġisterjali” (bħala għalliem tassew) lill-mexxejja tan-nazzjonijiet f’din is-sena li fiha “Il-Ġnus Magħquda” qed tiċċelebra l-75 sena mit-twaqqif tagħha, eżatt fl-1045, wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. 

Il-Papa fil-Ġnus Magħquda

Huwa fatt li l-Papa did-darba ma marx New York minħabba l-pandemija bħalma kien għamel f’Settembru ta’ 5 snin ilu.   Iżda dan Id-diskors tiegħu f’din il-konferenza virtwali ġie meqjus bħala wieħed kbir li l-Papa biss, minħabba l-awtorità “morali” li jgawdi, u li hu biss tista’ tgħid li għandu.  Hekk ikkummentaw ġurnalisti, ukoll dawk mhux reliġjużi, meta xandruh dak inhar tal-25 ta’ Settembru!

Għax dak inhar il-Papa għamel sejħa mill-qalb, bħala missier, li jrid jara lil uliedu kollha jgawdu mill-ġid kollu li l-Mulej ħalla f’idejn il-bnedmin u kulħadd jgħix id-dinjità tiegħu.  U dan hu l-appell bażiku li l-Papa jrid iwasslilna lilna lkoll biex kulħadd skont is-sejħa tiegħu, skont il-ħidma mħollija f’idejh: kemm jekk reliġjuża, kemm jekk politika fuq livelli għolja, kif ukoll fuq ‘l isfel fl-iskala, fl-ambjent, fl-uffiċċju, fl-iskejjel, u wkoll fil-familji u bħala individwi.  U dan nagħmluh bil-meżżi kollha li jkollna f’idejna jew li jiddependu minna… bħalma b’ħafna limitazzjonijiet qed nipprova nagħmel anke jien issa permezz ta’ din il-kitba.

Beatu Carlo “ħabib” ta’ Ġesù

          U dan hu wieħed mill-messaġġi qawwija li joħorġu kemm mill-Enċiklika “ILKOLL AĦWA” kif ukoll bil-Beatifikazzjoni taż-żgħażugħ ta’ appena 15-il sena Carlo Acutis (1990-2005).  Għax waħda mill-mistoqsijiet ewlenin li joħorġu mill-Enċiklika hija: Jien u inti x’nistgħu nagħmlu biex inkabbru dejjem aktar dan is-sens fratern tassew fejn ninsabu issa?  U l-Beatu Carlo dan ukoll li pprova jagħmel f’ħajtu qasira ħafna meta l-marda li ġiet fuqu hekk malajr li fi ftit jiem temmitlu ħajtu.    Carlo sa minn ċkunitu trawwem juża l-internet u malajr sar espert kbir tat-teknoloġija tal-informatika.  Mhux ta’ b’xejn, ħafna sejħulu “fenomenu”,  “manijaku” tal-meżżi moderni tal-komunikazzjoni: twitter, facebook, u aktar.

          Il-Beatu Carlo ried b’kull mod u b’kull meżż li seta’  jwassal għand kulħadd lil Ġesù, b’mod speċjali fl-Ewkaristija, u l-kelma nnifisha ta’ Ġesù fl-Evanġelju.  U r-riżultati tawh raġun għax kellu mijiet ta’ eluf li jsegwuh tal il-ftit snin li għamel dan; barra li l-frott ta’ ħidmietu bil-web sites li bena fuq hekk.  Fost dawn insemmu biss il-wirja virtwali li fassal dwar il-mirakli l-kbar tal-Ewkaristija u li ġa xterdet f’ħafna u ħafna pajjiżi fid-dinja, u hija hemm għal kull min irid jaraha u jitgħallem minnha wkoll!  U dan ried iwettqu bħal S. Franġisk li tant kien iħobb li ried hu stess jindifen f’Assisi; kif fil-fatt sar.

          Hekk, Beatu Carlo ta sehemu, għalkemm f’età relattivament żgħira, imma b’pass qawwi u b’saħħtu ħafna, biex jgħin biex tinbena aktar fis-sod dinja u soċjetà aktar fraterna fejn, kif stedinna Papa Franġisku, aħna ngħixu u nuru li aħna ILKOLL AĦWA.

          F’din l-Enċiklika ILKOLL AĦWA, Papa Franġisku, juża bl-istil tiegħu sempliċi, imma qawwi u li jistà jifhmu kulħadd.  Wara daħla qasira jitkellem fuq il-ħtieġa li napprezzaw id-dinjità ta’ kull bniedem.  Imbaghad il-Papa jagħmel kumment twil dwar il-Parabbola tal-Ħanin Samaritan .  Hu jistedinna ngħinu, kulħadd skont kif u kemm jista’, lil kull bniedem għax fih naraw lil Kristu nnifsu.

          Imbagħad Papa Franġisku jappella bil-qawwa kollha biex tinbena soċjetà  fejn ilkoll naqsmu kollox bejnietna u ngħixu bħal AĦWA.  Inkunu aktar miftuħa għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, kemm dawk qribna kif ukoll jekk huma pajjiż ġar tagħna jew ukoll dawk imbiegħda.  Iħeġġiġna biex bi kliemna, bl-imġieba tagħna u b’kull meżż, il- pajjiżi bejniethom ukoll iwettqu dan!

Inkunu tassew Aħwa

          Wara l-Papa jistieden lil kulħadd biex il-ġid komuni jkun tassew jista’ jgawdi minnu kulħadd.  Imbagħad – kif ġa għidna aktar qabel – jappella biex il-meżżi soċjali kollha jintużaw għal dan il-għan.  Fil-kapitlu sitta hemm appell qawwi ħafna għal dawk li jbatu jew batew biex jaħfru bħalma jgħallimna Ġesù.  Ma nistgħux ma niftakrux; imma mhux biex naffermaw aktar lilna nfusna iiżda biex dejjem nitgħallmu minn dak li nkunu għaddejna minnu u nagħtu sehemna lkoll biex ngħixu aktar flimkien tassew, kemm min ikun żbalja biex l-iżball ma jirrepetix ruħu kif ukoll min ikun bata, biex ilkoll nagħtu sehemna għal aktar għaqda flimkien.  U fl-aħħar tal-Enċiklika hemm nota sabiħa ekumenika: Talbiet speċjali għall-kattoliċi, għall-insara l-oħra  u wkoll għan-nies ta’ rieda tajba f’reliġjonijiet oħra sabiex ilkoll nagħtu sehemna għal dan il-għan: inkunu tassew ILKOLL AĦWA.

          Imma nippruvaw ilkoll, AĦWA, kulħadd skont id-doni u t-talenti tiegħu, b’mod speċjali bl-użu tal-meżżi soċjali li għandna f’idejna, nagħtu sehem tajjeb, qawwi, sħiħ, biex inkabbaru aktar għaqda bejnietna.  Jiena m’għandi ebda dubju li Beatu Carlu jwettaqna fir-rieda tajba tagħna biex aħna lkoll nagħtu sehemna nqegħedu ġebla oħra fil-bini ta’ dinja isbaħ u aħjar, aktar fraterna, kif għamel b’ħajtu qasira Missierna San Franġisk u l-Beatu Carlo f’ħajtu iqsar ħafna minn tiegħu imma bil-meżżi qawwija tassew ta’ żminijietna.  Nawguralkom ilkoll li aħna wkoll nagħtu sehemna għal dan il-għan biex nuru tassew li aħna ILKOLL AĦWA.

Kitba ta’ Patri Silvestru Bonavia ofm cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading