Għalhekk ma riedx jixgħel!

Print Friendly, PDF & Email

Xi jiem ilu ħadt qatgħa tal-qtajja’! U, wara li għaddietli l-qatgħa, l-Ispirtu s-Santu urieni kemm hu meħtieġ li nerġa’ inżur din l-esperjenza mimlija tilja tagħlim safi u [li] jdawwal l-għajnejn (S 19:9).

Mort nixgħel il-mobile tiegħi li għandek grazzja tixtrieħ b’25 Ewro! Jew l-iżjed bi 30! Mort nixgħelu ħa nara jixgħelx. Żitt! Naqra dawl u ntefa’! Nerġa, għafsa, żitt, u l-istess! Naqra dawl u intefa’! Oqqow! X’ħa nagħmel? Imsarni dak il-ħin bdew jiġru f’saqajja! U, qabadni bħal tferfir ukoll! Issa x’se jiġri b’dawk l-imberkin numri? Kif ħa jkolli aċċess għall-messaġġi li bagħtuli? U kif ħa niġbor xi materjal li l-Ispirtu s-Santu jagħtini? Insomma, ġenn, ġenn, ġenn!…

Xegħtlu u tfejtu għal ma nafx kemm-il darba. Kollox għal xejn! Saħansitra qlajtlu l-batterija u erġajt poġġejthielu bit-tama li jaħdem. Imma b’xiber imnieħer konna u b’xiber imnieħer bqajna! Il-pressjoni bdiet tiela’! U l-paniku żdiet! Tgħid x’seta’ ġara? Marritlu l-batterija? Imma, kienu qaluli, li dawn il-mobiles qodma tajbin u jservu! Mela x’seta’ ġara?

Issa, qalb dan il-ġenn u l-paniku kollu li qabadni, għax bniedem bħalek, ħaġa waħda kien hemm u ħarġet tajba: L-Ispirtu s-Santu ġagħlni nwettaq għemil mill-vanġelu stess! Jiġifieri, li nimxi pass pass mal-eżempju ta’ dak li ried jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar (Lq 14:28). Quddiemi ma ngħidx li kelli torri imma muntanja! Il-mobile ma stajt nixgħelu b’xejn! Għalhekk kelli żewġ nefqiet xi stajt inwettaq: jew li narmieh inkella li nara hemmx mod ieħor biex inkun nista’ nixgħelu. Għażilt is-sabar għax bis-sabar wieħed iwassal sal-aħħar (Lq 14:28)!

U veru li wassalt sal-aħħar ħuti! L-għaliex, il-Mulej, dlonk tani l-grazzja għax fakkarni niċċarġja dan l-imbierek ta’ mobile. Mela, qbadt iċ-charger u bdejt niċċarġjah! U, għaġeb tal-għeġubijiet, dan il-mobile beda ġej f’tiegħu issemmix! U, tant kemm beda’ jirpilja li beda jaħdem qisu mhux hu! Addijo l-ħsieb li setgħet kienet il-batterija l-problema! Għax issa l-mobile reġa’ ġie ġdid fjamant! Grazzi Mulej Qaddis!

U hawn hi t-tagħlima: IĊ-CHARGE! Mela, iċċarġja l-batterija sieħbi! Għax, jekk le, ma tiffunzjonax! U dan id-diskors jgħodd għalina, wieħed wieħed u waħda waħda! L-aktar għalik li għandek biżibilju xogħol! Intefa’ fuq iċ-charge! Ħu breaks! Itlob! Strieħ! Ippassiġġja! U tħallix id-deadlines jikkundizzjonawlek ħajtek! Nifhem! Għandek tax-xogħol! Imma toħodhomx miegħek id-dar u l-kunvent! Inkella se tgħix u tqabbad lil ta’ madwarek STURDAMENT!

Tinsiex: B’ħaġa ħaġa qalbi tgħix ferħana għax mistagħġba! INTEFA’ FUQ IĊ-CHARGE!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d