Qari tal-Quddies tat-Tletin Ħadd matul is-Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Il-Mulej salva l-poplu tiegħu.
Ġer 31:7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej:
“Għannu bil-ferħ għal Ġakobb,
sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus.
Xandru, faħħru u niedu:
‘Il-Mulej salva l-poplu tiegħu,
il-fdal ta’ Iżrael’.

Arani, se nġibhom minn art it-tramuntana,
niġborhom minn truf l-art,
ilkoll kemm huma,
l-għomja u z-zopop,
in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas:
kotra kbira terġa’ lura hawn.
Jiġu bil-biki,
imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura.
Immexxihom lejn l-ilma ġieri,
minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux.
Għax jien missier għal Iżrael,
u Efrajm hu ibni l-kbir”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

QARI II
Int qassis għal dejjem.
Lhud 5:1-6

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet. Hu dak li jista’ jagħder ’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu.

Ħadd m’għandu jieħu b’idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron. Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu: “Ibni int; illum jien nissiltek”. U kif jgħid ukoll band’oħra: “Int qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1:10

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mgħallem, agħmel li jiena nara.
Mk 10:46-52

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading