Xhieda tal-qabar vojt – għax Kristu qam


Il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Velja tal-Ordni Ekwestri tas-Santu Sepulkru. Bażilka ta’ Sant’Elena, B’kara.

Xhieda tal-qabar vojt – għax Kristu qam

“Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nażaret li kien imsallab. Qam mill-mewt, mhuwiex hawn” (Mk 16:6). Hija din l-Aħbar il-kbira li qiegħda fil-pedament tal-fidi Nisranija tagħna. Intom għandkom ix-xorti li l-Ordni Ekwestri tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm hu proprju fil-qalba ta’ din l-Aħbar l-iktar importanti tal-fidi Nisranija. Intom twasslu din l-Aħbar li l-qabar hu vojt, imma hu vojt għax Kristu qam.

F’din l-okkażjoni sabiħa, insellem lilkom ilkoll, lil-logutenent, lill-kavallieri u d-dami u l-postulanti. Nixtieq li nwassal ir-riflessjoni tiegħi fi tliet punti.

Il-formazzjoni reliġjuża

L-ewwel nett, l-importanza tal-formazzjoni reliġjuża. Il-Papa Franġisku, meta sentejn ilu ltaqa’ mal-konsulta tal-Ordni tas-Santu Sepulkru, emfasizza għall-membri kollha l-importanza tal-formazzjoni reliġjuża. Hu semma speċjalment li kull wieħed u waħda minna għandna nieħdu b’serjetà: (i) il-formazzjoni fit-talb, għax it-talb jgħaqqadna ma’ Alla, u l-ħidma tagħna jrid ikollha l-għeruq fit-talb; (ii) il-formazzjoni fil-kelma ta’ Alla, u meta naqraw l-Evanġelji jeħduna fl-Art Imqaddsa fil-ġrajjiet sbieħ tas-salvazzjoni tagħna; u (iii) l-formazzjoni fit-tagħlim tal-Knisja.

Nixtieq nistedinkom biex ikollkom l-opportunita tifformaw ruħkom sewwa fit-tagħlim tal-Knisja. U meta tisimgħu dak li l-Papa Franġisku qal, ma toqogħdux fuq li tisimgħu jew taqraw imma taraw tassew fl-oriġinal dak li l-Papa qal u kiteb. Hemm taraw kemm hi ħaġa sabiħa meta nixorbu minn din l-għajn tat-tagħlim li tant għandna bżonn f’ħajjitna.

Ix-xhieda ta’ ħajja Nisranija

It-tieni, ix-xhieda li intom tagħtu ta’ ħajja Nisranija. Lin-nies li magħhom niltaqgħu se nwasslulhom lil Kristu kemm bil-kelma li aħna ngħidu imma qabel kollox bix-xhieda li aħna nagħtu. Hi tant importanti x-xhieda li Kristu hu ħaj, li Kristu għeleb il-mewt, li aħna mexjin wara Kristu rebbieħ. Inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu rebbieħ kull meta nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu l-ħażin, nagħżlu l-ġustizzja u nwarrbu l-inġustizzja, nagħżlu l-onestà u nwarrbu d-diżonestà. Kull meta nagħżlu l-imħabba u nwarrbu l-mibegħda, nagħżlu l-paċi u nwarrbu l-firda, hemm nagħrfu li dik hi t-triq rebbieħa li għallimna Ġesù. Meta qam mill-mewt uriena li hi t-triq rebbieħa.

Għalhekk aħna għandna l-grazzja li nagħtu xhieda ta’ Kristu li hu ħaj, ta’ Kristu li hu rebbieħ. U nistgħu nagħmlu dan kulfejn inkunu. Fil-knisja nirċievu l-qawwa biex nagħtu xhieda barra mill-knisja, fil-familja tagħna, waqt ix-xogħol tagħna, kulfejn niltaqgħu u ma’ min niltaqgħu. Nuru tassew li Kristu hu ħaj, li l-qabar hu vojt għax Kristu hu ħaj.

L-imħabba li tfisser qadi

It-tielet, insemmi dak li Papa Franġisku tkellem fuqu b’emfasi fil-messaġġ li ta lill-membri tal-Ordni tas-Santu Sepulkru. Kemm hu importanti li x-xhieda turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Għandu jmexxina dan is-sens ta’ mħabba biex aħna nieqfu magħhom fil-bżonnijiet tagħhom. Naf li hekk qed tagħmlu intom, għalhekk nixtieq inħeġġiġkom f’dan biex tagħrfu dejjem kif tistgħu taqdu b’imħabba kbira.

Meta hawnhekk f’din l-okkażjoni niċċelebraw dawn l-unuri u dawn il-mumenti meta wieħed, biex ngħid hekk, jirċievi promozzjoni għal xi ħaġa ikbar, fil-ħajja Nisranija tfisser li dik iġġib responsabbiltà akbar biex naqdu. Fil-fatt, Kristu fejn hu l-ogħla? Fuq is-salib. U fejn qalilna li nsibu l-kobor fil-ħajja? Meta hu niżel jaħsel saqajn id-dixxipli. Dan hu messaġġ għalina lkoll biex naqdu l-impenn tagħna b’dan is-sens ta’ mħabba. Meta aħna nuru rispett lejn id-dinjità, u l-għożża lejn il-ħajja ta’ kull bniedem mill-ewwel mument tat-tnissil sal-mewt naturali, meta aħna naqdu bl-ispirtu ta’ Ġesù, hemm insibu tassew l-isbaħ u l-aħjar fil-ħajja tagħna bħala membri ta’ din il-familja tal-Ordni tas-Santu Sepulkru.

Nawguralkom ilkoll u nitolbu l-interċessjoni ta’ Ommna Marija, Sultana tal-Palestina, li hi l-isbaħ eżempju ta’ kif ngħixu dan l-ispirtu; u ta’ Sant’Elena, li b’ħajjitha turina r-rebħa tas-salib ta’ Ġesù Kristu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.