Ġwanni Pawlu II f’Lisieux


VISTA PASTORALI  F’PARIĠI U LISIEUX. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Lisieux, 2 ta’ Ġunju 1980

1. Jiena kuntent ħafna li ngħatali li niġi Lisieux fl-okkażjoni taż-żjara tiegħi fil-kapitali ta’ Franza. Ninsab hawn f’pellegrinaġġ magħkom ilkoll għeżież ħuti, li ġejtu minn diversi reġġjuni ta’ Franza intom ukoll qrib dik li tant ilkoll inħobbu, iċ-“ċkejkna Tereża”, li triqtha lejn il-qdusija hija marbuta b’mod strett mal-Karmelu ta’ Lisieux. Jekk il-persuni esperti fl-axxetika u fil-mistika u dawk li jħobbu lill-qaddisin, qabdu l-attitudni li jsejħu din it-triq ta’ Tereża tal-Bambin Ġesù “it-triq iż-żgħira” huwa definittivament bla ebda dubju li l-Ispirtu ta’ Alla, li ggwidaha f’din it-triq, dan għamlu b’dik il-ġenerożità stess li biha ggwida  b’mod ieħor lill-patruna tagħha il-“kbira Tereża” ta’ Avila u li magħha ggwida – u għadu jiggwida – tant qaddisin oħrajn fil-Knisja tiegħu. Lilu mela tkun mogħtija glorja eternament!

Il-Knisja tifraħ b’dawn ir-rikkezzi meraviljużi ta’ doni spiritwali. Hekk splendidi u hekk differenti, bħal ma huma l-opri kollha ta’ Alla fl-univers viżibbli u inviżibbli. Kull waħda minnhom tirrifletti fl-istess ħin il-misteru ntern tal-bniedem u tikkorrispondi għall-bżonnijiet taż-żmien fl-istorja tal-Knisja u tal-umanità. Jinħtieġ ngħidu dwar Santa Tereża ta’ Lisieux li sa epoka riċenti, hija kienet fil-fatt il-qaddisa “kontemporanja” tagħna. Huwa hekk li jiena personalment naraha, fil-kwadru ta’ ħajti. Imma għaliex hija l-qaddisa “kontemporanja”? Ma waqfitx tkun dan għall-ġenerazzjoni li issa qiegħda tilħaq il-maturità fil-Knisja? Hemm bżonn nistaqsuh lill-bnedmin ta’ din il-ġenerazzjoni. Jalla madankollu jkunli permess li ninnota li l-qaddisin ma jixjieħu prattikament qatt, li huma ma jaqgħu qatt fil-“preskrizzjoni”.  Huma jibqgħu kontinwament ix-xhieda taż-żgħożija tal-Knisja. Huma qatt ma jsiru personaġġi tal-imgħoddi, irġiel u nisa tal-“bieraaħ”. Bill-maqlub: dawn huma dejjem l-irġiel u n-nisa ta’ “għada”, il-bnedmin tal-ġejjieni evanġeliku tal-bniedem u tal-Knisja, ix-xhieda “tad-dinja futura”.

2. “Infatti dawk kollha li huma ggwidati mill-Ispirtu Santu, dawk huma wlied Alla. U intom ma rċivejtux Spirtu ta’ lsiera biex terġgħu taqgħu fil-biżà, imma rċivejtu spirtu ta’ wlied addottivi li permezz tiegħu tgħajtu: “Abba, Missier!”” (Rm 8,14-15).

Jistà jkun diffiċli li nsib kliem iktar sintetiku u fl-istess ħin iktar inċiżiv biex nikkaraterrizza l-kariżma partikolari ta’ Tereża Matin, jiġifieri dak li jikkostitwixxi d-don speċjali għal kollox ta’ qalbha, li sar, permezz ta’ qalbha,, don speċjali għall-Knisja. Id-don meraviljuż fis-sempliċità tiegħu, universali u fl-istess ħin uniku. Dwar Tereża ta’ Lisieux, wieħed jistà jgħid b’konvinzjoni, li l-Ispirtu ta’ Alla ippermetta lil qalbha li tirrivela b’mod dirett, lill-bnedmin ta’ żmienna, il-misteru fundamentali, ir-realtà tal-Vanġelu: il-fatt li rċevrjna realment “spirtu ta’ wlied addottivi li jġegħlna ngħajtu: Abbà! Missier!” It-“triq iż-żgħira” hija t-triq tas-“santa infanzia”. F’din it-triq hemm xi ħaġa unika, il-ġenju ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux. Hemm fl-istess ħin it-twettiq u t-tiġdid tal-verita l-iktar fundamentali u l-iktar universali. Liema verità tal-messaġġ evanġeliku hija infatti l-iktar fundamentali u l-iktar universali minn din: Alla huwa Missierna u aħna aħna wliedu?

Din il-verità, l-iktar universali li teżisti, din ir-realtà kienet “moqrija” mill-ġdid bil-fidi, it-tama u l-imħabba ta’ Tereża ta’ Lisieux. Din kienet f’ċertu sens riskoperta bl-esperjenza nterna ta’ qalbha u bil-forma miksuba minn ħajjitha kollha, li damet biss erbgħa u għoxrin sena..

Meta hija mietet hawn fil-Karmelu, vittma tat-tuberkolożi, li tagħha kien ilha żmien twil bil-mikrobi tagħha, kienet għadha kważi tarbija. Hija ħalliet it-tifkira tal-infanzja: tal-infanzja qaddisa. U l-ispiritwalità kollha tagħha ikkonfermat mill-ġdid għal darb’oħra l-verità ta’ dak il-kliem tal-Appostlu: “U intom ma rċivejtux spirtu ta’ lsiera biex taqgħu mill-ġdid fil-biżà, imma rċivejtu spirtu ta’ wlied addottivi…”. Iva Tereża kienet bint. Kienet il-bint “kunfidenti” sal-eroiżmu u konsegwentement “ħielsa” sal-eroiżmu. Imma propju minħabba li kien sal-eroiżmu li hija biss għarfet it-togħma nterna u wkoll il-prezz intern ta’ dik il-fiduċja li timpedixxi l-!waqgħa mill-ġdid fil-biżà”: ta’ dik il-fiduċja li wkoll fid-dlamijiet u fit-tbatijiet l-iktar profondi tar-ruħ, tippermetti li dak jew dik jgħajtu: “Abbà! Missier!”.

Iva, hija għarfet din it-togħma u dan il-prezz. Għal min jaqra b’mod attent l-“Istorja ta’ Ruħ” tagħha, huwa evidenti li din it-togħma tal-kunfidenza filjali, tiġi, bħall-fwieħa warda li ġġib ukoll xewk. Infatti, jekk aħna “wlied, aħna wkoll werrieta; werrieta ta’ Alla u kowerrieta ta’ Kristu, mill-waqt li nġarrbu miegħu biex inkunu miegħu gglorifikati” (Rm 8,17). Huwa preċiżament għal dan li l-fiduċja filjali taċ-ċkejkna Tereża, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù imma wkoll “tal-Wiċċ Imqaddes”, u hekk “erojka” għaliex hija tiġi mill-komunjoni żelanti mat-tbatijiet ta’ Kristu.

U meta nara quddiemi tant morda u sofferenti naħseb li wkoll huma bħal Tereża ta’ Lisieux huma assoċjati mal-passjoni ta’ Kristu u li, grazzi għall-fidi tagħhom fl-imħabba ta’ Alla, grazzi għall-imħabba tagħhom, l-offertà spiritwali tagħhom tikseb b’mod misterjuż għall-Knisja, għall-membri l-oħra kollha tal-ġisem mistiku ta’ Kristu,  tkabbir ta’ saħħa. Jalla dawn ma jinsew qatt din is-sentenza sabiħa ta’ Santa Tereża: “Fil-qalb tal-Knisja Ommi, jien se nkun l-imħabba”. Nitlob lil Alla li jagħti lil kull wieħed u waħda minn dawn il-ħbieb batuti li nħobb b’imħabba kollha speċjali, is-sabar u t-tama.

3.  Li jkollok kunfidenza ma’ Alla bħal Tereża ta’ Lisieux ifisser li ssegwi it-“triq iż-żgħira” fejn jiggwidana l-Ispirtu ta’ Alla. Huwa jiggwida dejjem lejn il-kobor li minnu jipparteċipaw l-ulied irġiel u nisa ta’ addozzjoni divina. Għadu tifel, tifel ta’ tnax-il sena, l-Iben ta’ Alla ddikjara li l-vokazzjoni tiegħu kienet dik li jieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieru (cf. Lq 2,49). Inkunu tfal, insiru bħat-tfal, ifisser tidħol fiċ-ċentru stess tal-ikbar missjoni li għaliha l-bniedem ġie msejjaħ minn Kristu, missjoni li taqsam il-qalb stess tal-bniedem. Tereża dan kienet tafu b’mod perfett.

Din il-missjoni tieħu l-oriġni tagħha mill-imħabba eterna tal-Missier, L-Iben ta’ Alla bħala bniedem, b’manjiera viżibbli u “storika” u l-Ispirtu Santu b’mod inviżibbli u “kariżmatiku” iwettquha fl-istorja tal-umanità .

Meta, fil-waqt li jħalli din id-dinja, Kristu jgħid lill-Appostli: “Morru fid-dinja kollha, għallmu l-Vanġelu lill-krejaturi kollha” (Mk 16,15) huwa jdaħħalhom, bil-qawwa tal-misteru paskwali tiegħu, fil-kurrent kbir tal-missjoni eterna.  Mill-waqt li fih huwa ħallihom biex imur għand il-Missier, huwa jibda biex jiġi “mill-ġdid fil-qawwa tal-Ispirtu Santu” li il-Missier jibgħat f’ismu. B’mod iktar profond li l-veritajiet kollha dwar il-Knisja, din il-verità ġiet enfasizzata fil-kuxjenza tal-ġenerazzjoni tagħna mill-Konċilju Vatikan II. Grazzi lilu, aħna lkoll fhimna ferm aħjar li l-Knisja hija b’mod kostanti “fi stat ta’ missjoni” jiġifieri li l-Knisja kollha hija missjunarja.  U ugwalment fhimna wkoll dan il-misteru partikolari tal-qalb ta’ Tereża ta’ Lisieux, li, permezz tat-“triq iż-żgħira” kienet imsejħa biex tieħu sehem b’mod hekk sħiħ u b’mod hekk fruttuż fil-missjoni l-iktar għolja. Huwa propju dan li “tkun żgħira” li hija kienet tant tħobb, iż-żgħorija tat-tarbija li b’mod wiesgħa fetħilha l-kobor tal-missjoni divina ta’ salvazzjoni li hija l-missjoni inċessanti tal-Knisja.

Hawn fil-Karmelu tagħha, fil-klawsura tal-kunvent ta’ Lisieux, Tereża ħassitha magħquda b’mod speċjali mal-missjonijiet u l-missjunarji tal-Knisja fid-dinja kollha. Hija nfisha ħassitha missjunarja, preżenti, bil-qawwa u l-grazzja partikolari tal-Ispirtu tal-imħabba, fil-postijiet kollha tal-missjoni, qrib il-missjunarji kollha, irġiel u nisa, fid-dinja. Hija kienet ipproklamata mill-Knisja l-patruna tal-missjoni, bħal San Franġisk Saverju, li vjaġġa b’mod inċessanti fil-Lvant imbiegħed: iva, hi, iċ-ċkejkna Tereża ta’ Lisieux, magħluqa fil-klawsura karmelitana, apparentament maqtugħa mid-dinja.

Jiena kuntent li ġejt hawn ftit żmien wara ż-żjara tiegħi fil-kontinent Afrikan, u, quddiem din il-“missjunarja” ammirevoli noffri lill-Missier tal-verità u tal-imħabba eterna dak kollu li, fil-qawwa tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, hija diġa saret frott tax-xogħol missjunarju tal-Knisja fost il-bnedmin u l-popli tal-kontinent l-iswed. Irrid fl-istess ħin, jekk nistà nesprimi ruħi hekk, nissellef mingħand Tereża ta’ Lisieux il-ħarsa perċettiva tal-fidi tagħha, is-sempliċità u l-fiduċja tagħha, f’kelma waħda iż-“żgħorija” żagħżugħa ta’ qalbha,  biex nipproklama quddiem il-Knisja kollha kemm il-mergħat huma abbondanti u biex nitlob bħalha, lill-padrun tal-mergħa biex jibgħat b’ġenerożità ikbar, ħaddiema fil-mergħat tiegħu (cf. Mt 9,37-38).

Jalla huwa jibgħathom minkejja l-ostakli kollha u d-diffikultajiet kollha u li huwa jiltaqà fil-qalb tal-bniedem, fl-istorja tal-bniedem.

Fl-Afrika spiss ħsibt: liema fidi, liema enerġija spiritwali kellhom il-missjunarji tas-seklu li għadda jew tal-ewwel nofs ta’ dan is-seklu, u dawk l-istituti missjunarji kollha li twaqqfu, biex jitilqu bla tlaqliq lejn pajjiżi allura mhux magħrufa, bil-għan biss li jgħarrfu l-Vanġelu, biex jgħarrfu lill-Knisja! Huma setgħu jaraw, bir-raġuni, opra indispensabbli għas-salvazzjoni. Mingħajr il-qlubija tagħhom, il-Knejjes lokali li tagħhom iċċelebrajna ċ-ċentinarju u li issa huma mmexxija l-biċċa l-kbira minn Isqfijiet Afrikani, ma kienu jkunu qatt eżistenti. Għeżież ħuti, ejjew ma nitilfux dan l-impuls!

Imma jien naf li ma tridux titilfuh. Insellem fostkom lill-Isqfijiet missjunarji anzjani xhieda taż-żelu li tkellimt dwaru. Franza għad għandha bosta missjunarji fid-dinja, saċerdoti, reliġjużi, irġiel u nisa u lajċi u ċerti stituti infetħu għall-ħajja missjunarja. Qiegħed nara hawn il-membri tal-kapitlu tal-Missjonijiet Esteri ta’ Pariġi, u qiegħed niftakar il-Beatu Teofano Venard, li l-martirju tiegħu fil-Lvant Imbiegħed kien dawl u sejħa għal Tereża. Naħseb ukoll fis-saċerdoti kollha Franċiżi li jikkonsagraw almenu parti xi snin għas-servizz taż-żgħażagħ Ċiniżi, fil-kwadru tal-“Fidei Donum”. Illum wieħed jifhem aħjar il-bżonn ta’ bdil fratern fost iż-żgħażagħ u l-Knejjes qodma bħala benefiċċju reċiproku. Naf per eżempju li l-opri missjunarji pontifiċji f’kollegament mal-kummissjoni episkopali għall-Missjonijiet Esteri ma jimmirawx biss biex jippromwovu l-offerti materjali, imma biex jffurmaw l-ispirtu missjunarju tal-insara ta’ Franza u dan lili jferraħni. Dan l-impuls missjunarju ma jistax iqajjem u jġib frott jekk ma jitlaqx minn vitalità spiritwali kbira, mir-radjożità tal-qdusija.

4. “Is-sabiħ jeżisti għaliex naffaxxinaw ruħna għax-xogħol” kiteb Cyprian Norwid, wieħed mill-ikbar poeti u ħassieba li tatna l-art Pollakka u li laqgħet – u tgħasses fiċ-ċimiterju ta’ Montmorency – l-art Ftanċiża…

Niżżu ħajr lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu Santu għall-qaddisin. Niżżu ħajr għal Santa Tereża ta’ Lisieux. Niżżu ħajr għas-sbuħija profonda, sempliċi u pura, li ntweriet fiha għall-Knisja u għad-dinja. Din is-sbuħija taffaxxina. U Tereża ta’ Lisieux għandha don speċjali biex taffaxxina bis-sbuħija ta’ ruħha. Ukoll jekk nafu li din is-sbuħija kollha kienet diffiċli u li kibret fit-tbatija, ma tiqafx tferraħ bil-faxxinu speċjali tagħha l-għajnejn ta’ rwieħna.

Hija taffaxxina mela, din is-sbuħija, dan il-fjur ta’ qdusija li kiber fuq din l-art u il-faxxinu tiegħu ma jiqafx jistimula lil qlubna biex naħdmu: “Is-sabiħ jeżisti  għaliex jaffaxxinana għax-xogħol”. Għax-xogħol l-iktar important li fih il-bniedem jitgħallem fil-fond il-misteru tal-umanità tiegħu. Huwa jiskopri fih innifsu xi jfisser li rċieva “spirtu ta’ iben addottiv”, radikalment differenti minn “spirtu ta’ lsir”, u huwa jibda jgħajjat kollu kemm hu: “Abbà! Missier!” (cf. Rm 8,15).

Bil-frott ta’ dan ix-xogħol intern tal-għaġeb tinbena il-Knisja, is-saltna ta’ Alla fuq l-art fis-sustanza l-iktar profonda u l-iktar fundamentali tagħha. U l-għajta ta’ “Abbà! Missier!” li tidwi b’mod mill-iktar wiesà fil-kontinenti kollha tal-pjaneta tagħna, terġà lura hekk bl-eku tagħha fil-klawsura Karmelitana silenzjuża f’Lisieux, waqt li tġħajjex dejjem mill-ġdid it-tifkira taċ-ċkejkna Tereża, li, b’ħajjitha qasira u moħbija imma hekk għanja, ippronunzjat b’qawwa speċjali “Abbà! Missier! “Grazzi lilha, il-Knisja kollha sabet is-sempliċità kollha u l-freskezza kollha ta’ din l-għajta, li għandha l-oriġni u s-sors tagħha fil-qalb tal-istess Kristu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb