Il-Kardinal Gualtiero Bassetti, Arċisqof ta’ Perugia-Città della Pieve u President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Taljani, ittieħed l-Isptar Santa Maria della Misericordia f’Perugia, wara li nstab pożittiv għal Covid-19.
Hawnhekk il-kundizzjoni ta’ saħħtu bdiet tiġi kontrollata bl-użu ta’ diversi testijiet u ta’ kura. «Aħna nibqgħu qrib il-kardinal – iddikjara Monsinjur Stefano Russo, segretarju ġenerali tal-Konferenza tal-Isqfijiet Taljani. Nakkumpanjawh bit-talb u l-affezzjoni tal-Poplu ta ’Alla, ċerti li l-Mulej mhux se jonqos milli jagħti l-konsolazzjoni u l-appoġġ tiegħu f’din il-prova”. Sat-Tlieta 10 ta’ Novembru, il-Kardinal kien għadu f’qagħda gravi.
Ftit jiem ilu l-kardinal kien bagħat ittra lis-saċerdoti, djakni, lill-persuni konsagrati, lill-fidili kollha tal-arċidjoċesi ta’ Perugia-Città della Pieve.

Din hija l-ittra tal-Kardinal Gualtiero Bassetti
Dal-lejl ħlomt li erġajt sibt ruħi fiż-żmien li fih, fis-Seminarju, kellna bħala Direttur Spiritwali lil Don Divo Barsotti. Huwa kien jgħallimni biex indur lejn Alla sa minn kmieni filgħodu b’dawn il-kliem: «Alla, Alla tiegħi int, lilek ħerqan infittex sa minn sbiħ il-jum».
Minn meta sibt ruħi f’iżolament minħabba li jien pożittiv għall-Covid-19, għandi l-possibilità li nitqarben kuljum fil-kamra tiegħi, wara li ġibt miegħi pissidi żgħir u nħallih ħdejn il-bieb tal-kamra. Din l-esperjenza tal-mard kienet meħtieġa biex nifhem kemm huma veri l-kliem li nsibu fl-Apokalissi, fejn Ġesù jgħid lill-anġlu tal-Knisja tal-Laodiċija: «Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.» (Apok 3, 20).
L-Ewkaristija, l-iżjed f’dan iż-żmien tant diffiċli, ma nistgħux inħalluha fil-marġini tal-eżistenza tagħna, imma għandha terġa’ titqiegħed lura, b’iktar saħħa, fiċ-ċentru tal-ħajja tal-insara. L-Ewkaristija mhijiex biss is-Sagrament li fih nirċievu lil Kristu – ir-ruħ timtela’ bil-grazzja u lilna tingħata r-rahan tal-glorja li għad trid tiġi – imma hi r-ruħ tad-dinja u hija l-fus li fuqha jdur l-univers kollu. Fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewkaristija hija pro mundi salute, jiġifieri għas-saħħa tad-dinja, u pro mundi vita, għall-ħajja tad-dinja. (ara Ġw 6, 51).
Fl-Ewkaristija Ġesù jġedded u jerġa’ jagħmel attwali is-sagrifiċċju tal-Għid tiegħu, tal-mewt u l-qawmien, imma l-preżenza tiegħu ma tkunx limitata biss għal biċċa ħobż ikkonsagrat. Dak il-ħobż ikkonsagrat imur ʼl hemm mill-istess artal, iħaddan lill-univers kollu u jiġbed fuqu l-problemi kollha tal-bnedmin, għaliex il-ġisem ta’ Kristu huwa magħqud b’mod tal-għaġeb mal-ġisem mistiku li hi l-Knisja kollha. Mhemm l-ebda sitwazzjoni umana li ma tistax titwassal għall-Ewkaristija.
Anke l-ġrajjiet drammatiċi li qed ngħixu f’dawn il-jiem fl-Italja – bħalma hi ż-żjieda tat-tixrid tal-pandemija, il-kriżi ekonomika kbira għal ħafna ħaddiema u għal ħafna negozji, l-inċertezza dwar l-iskola għaż-żgħażagħ tagħna – dawn kollha mhumiex ʼil barra mill-Ewkaristija Mqaddsa.
Niftakar li Patri Turoldo kien igħallimna dawn l-affarijiet b’mod ċar ħafna. U iktar ma nikber fiż-żmien, iktar nipprova nagħmel esperjenza tagħhom, u iktar narahom li huma veri. Mhemm l-ebda konsolazzjoni, mhemm l-ebda konfort, mhemm l-ebda faraġ li ma jirriferix għal Ġesù Ewkarisija.
Dan huwa messaġġ ċkejken li nixtieq inwassal lis-saċerdoti tiegħi, lill-persuni konsagrati, liż-żgħazagħ, lill-familji u lit-tfal tal-Arċidjoċesi. Nixtieq li f’dan iż-żmien ta’ tbatija daqshekk qawwija, ma nħossux is-salib bħala piż li ma nifilħuhx, imma bħala salib glorjuż. Għax bil-preżenza ħelwa tiegħu u bit-tgħannieqa tiegħu fl-Ewkaristija, id-dirgħajn tal-kurċifiss jinbidlu f’par ġwienaħ li jwassluna għand Ġesù, kif kien igħid Don Tonino Bello.
Fil-fatt, jiena nemmen dak li kiteb Pawlu: «li t-tbatijiet ta’ issa m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina». Bis- «sabar» kollu, aħna nistennew li nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Alla, minħabba li «aħna salvi bit-tama» (Rum 8, 18.24). Għaldaqstant, huwa assolutament meħtieġ li nittamaw kontra kull tama, «Spes contra spem». Għax, bħalma kiteb Charles Péguy, it-tama hija tifla «li ħadd ma jirbħilha». Meta mqabbla mal-Fidi li «hi għarusa fidila» u mal-Imħabba li «hi Omm», it-Tama għall-ewwel tidher li ma tiswa għal xejn. Iżda għall-kuntrarju: hija propju t-Tama, jikteb Péguy, «li ġiet fid-dinja f’jum il-Milied» u li «filwaqt li ġġorr lill-oħrajn, taqsam dinjiet sħaħ».
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.