X’inhija l-Lectio Divina?


Selfie ma’ Ġesù? Għaliex

Stampa t-test minn hawn …

X’inhija l-Lectio Divina?

Il-kliem litteralment ifisser, Qari (lectio) Divin. Il-kelma divin (divina) turi rabta diretta ma dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla.

Il-Lectio Divina hija sposs deskritta bħala l-qari tal-Kelma ta’ Alla f’atmosfera ta’ talb. Forsi aktar minn hekk hija l-qari tal-Kelma ta’ Alla li jsir talba.

Għaliex użajna l-kliem, Selfie ma’ Ġesù?

Is-selfie, kelma ta’ żmien il-mobile, tirreferi għal meta jiena ħadt ritratt tiegħi nnifsi biex jibqa’ jfakkarni f’mument speċjali.  Fi grupp ħbieb li nkun qiegħed magħhom. F’laqgħa partikolari ma’ xi ħadd importanti li ltaqjt miegħu jew magħha. F’xena li nkun fiha, xi monument jew bini storiku. Lil dawn indaħħalhom miegħi f’dan ir-ritratt.

Huwa ritratt li ħadtu jiena stess (self),  mhux tlabt lil xi ħadd ieħor joħodulna.

Il-Lectio Divina trid tkun selfie li jiena nieħu tiegħi innfsi ma’ Ġesù, ma’ personaġġi oħra, f’mument partikoari, f’xena partikolari.  Biex nibqa’ niftakar dak il-mument.

Il-Lectio Divina trid tkun dan, imma ħafna aktar minn hekk.  Trid tkun stampata u tibqa’ ħajja f’moħħi, f’qalbu u f’ħajti.

It-talb.

Jekk il-qari tal-Kelma ta’ Alla ma jitlaqx mit-talb u ma jsirx f’atmosfera ta’ talb, ma jista’ qatt isir talba; allura mhux Lectio Divina.  Il-qari mill-Bibbja li nkun qed nagħmel ikun bħal kull qari ieħor ta’ novella, ġrajja, rakkont, imma mhux selfie.  Dan għaliex meta naqra ġrajja li seħħet fil-passat lil xi persuni oħra, jiena nibqa’ biss osservatur.  Imma biex issir Lectio Divina, jiena rrid insir parti mix-xena jew mill-grupp, l-istess bħal fis-selfie.

Kif nista’ nħejji lili nnifsi?

  • Importanti li l-ħin tal-Lectio Divina ikun ippjanat tajjeb minn qabel. Dan jgħinni ħafna.  Ikun ħin li qed nistennih jasal.  Bl-Ingliż ngħidu, “to look forward”.  Li nixxennaq għalih.  Bħal meta jkolli appuntament ma’ xi ħadd importanti għalija. Dan iħejjijni mhux biss f’moħħi, imma b’mod speċjali f’qalbi.
  • Imbagħad importanti li nitlob lill-Ispirtu s-Santu, mhux biss immedjatament qabel nibda, imma anke sa minn sigħat jew ġranet qabel.  Niftakar li l-Bibbja, għalkemm miktuba mill-bnedmin, imma hija mnebbħa (ispirata) minn Alla.  Kien l-Ispirtu s-Santu nnifsu li nebbaħ lill-awtur sagru biex jikteb u biex jikteb dak li kiteb.  Din hija l-Ispirazzjoni Divina.  Għalhekk jeħtieġ li jiena nitlob l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
  • Tajjeb li ninġabar f’post kwiet, bla ħafna distrazzjonijiet.  Ma nistax per eżempju nagħmel Lectio Divina bir-radju jew it-televiżżjoni mixgħula; inkella ġo xi folla nies jew b’disrazzjonijiet oħra.
  • Anke l-ħin li nagħżel irid ikun wieħed addattat għalija.  Jekk naf li f’tali ħin soltu nircievi telefonata/i jew nkun qed nistenna lil xi ħadd jiġi, allura jkun aħjar nipprova nfittex ħin li fih inkun aktar trankwill.
  • Imma minbarra l-istorbju ta’ barra, important nipprova innaqas dak ta’ ġewwa, li hemm fil-moħħ; ħsibijiet u tensjonijiet li jkunu nġabru fija matul il-ġurnata.  Dan mhux dejjem possibli, għaliex mhux faċli li jiena f’salt wieħed nipprova nneħħi l-ħsibijiet li jkunu qed itaqqluni.  Allura l-aħjar mod ikun li fil-bidu noffri l-problemi u t-tensjonijiet tiegħi kollha lil Alla b’fidi sħiħa li huwa kapaċi jitratta magħhom ħafna aħjar minni.  Dan ma jfissirx li nipprova ninsa lill-oħrajn li għandi f’qalbu bħallikieku bħalissa jimpurtanti minn nnifsi biss, imma li kif inkun miġbur fil-preżenza ta’ Alla, inressaqlu spiritwalment lilhom ukoll u nerħihomlu f’idejh.  Jiena ċert li Hu jħobbhom aktar minni

Liema huma l-mumenti ewlenin tal-Lectio Divina?

Hemm erba’ passi,

  • Lectio – Qari,
  • Meditatio – Meditazzjoni,
  • Oratio – Talb,
  • Contemplatio – Kontempalzzajoni.

Meta l-Lectio Divina ssir fi grupp dawn isiru pass wara l-ieħor.  Imma f’kuntest ideali, fejn il-Lectio Divina issir b’mod individwali, dawn isiru b’mod ċirkulari u allura mhemmx ir-riġidità li bilfors isiru waħda wara l-oħra, imma jkun hemm il-libertà ta’ moviment skont kif imexxina l-Ispirtu.

Lectio Divina Guides - Soul Shepherding

Hekk il-bniedem jista’ jibda bit-talb u jimxi għall-qari. Mill-qari jista’ jmur għall-meditazzjoni jew inkella jerġa jidħol f’mumenti qosra ta’ talb, etċ.  Importanti li ma nkunux marbuta b’mod riġidu ma’ regola fissa.  Din il-libertà mhux dejjem tkun possibli fi grupp fejn spiss jkollha tidħol xi forma ta’ struttura.

Lectio – Il-Qari

Aktar milli naqra l-kelma, irrid nismagħha titlissen. Anke jekk inkun waħdi u qed naqra jiena stess, ikun tajjeb li nlissen il-kelma biex jiena stess nisma’ b’widnejja stess.  Nisma’ mhux lili nnifsi, imma lil Ġesù jkellimni.

Niftakru li, aħna l-insara m’aħniex il-poplu tal-Ktieb, imma l-poplu tal-Kelma.  Dan għaliex qabel ma kienet miktuba, il-kelma kienet imlissna.  Kristu nnifsu huwa l-Kelma. (ara Ġwanni 1:1-14).

Meditatio – Meditazzjoni

Din tinvolvi l-moħħ.  Wara li nkun qrajt, jiena stess nidħol b’moħħi fix-xena u nsir parti minnha.  Naħseb u nixtarr dak li qed nilmaħ.  Bil-ħsieb tiegħi jiena insir parti minn dik il-ġrajja.  Hekk ma jkunx sempliċi ritratt statiku ta’ dak li ġara 2000 sena ilu, imma jsir selfie ħaj ta’ ġrajja li qed tiġġedded illum.  U dak li lir-ritratt qed jagħmlu selfie, huwa jien.

Oratio – Talb

Kif ġa fissirna, dan mhux mument wieħed tal-Lectio Divina, imma huwa azzjoni kontinwa, preżenti fil-qari, fil-meditazzjoni u anke fil-ħemda tal-kontemplazzjoni.  Ikun diġà beda qabel. Huwa l-atmosfera nfisha tal-proċess kollu.  Jekk naqraw u nimmeditaw bla ma nieqfu nitolbu, allura l-proċess ikun nieqes.  Ġesù jkun kellimna, imma aħna ma nkunux weġibnih lura.

It-talb waqt il-Lectio Divina mhux ir-reċtar ta’ talba li jiena nkun naf bl-amment jew qrajt, għalkemm dan mhux eskluż għal kollox, imma hija talba vokali jew mentali li toħroġ mill-qalb u li spiss tkun tqanqlet mill-istess qari tas-silta.  Imma anke tkun talba li naf bl-amment, jew parti minnha, din trid issir talba jew karba personali.

Contemplatio – Kontemplazzjoni

Dan il-pass, li suppost għandu jkun l-aktar wieħed sempliċi, għalina l-bnedmin tas-seklu tagħna spiss jispiċċa l-aktar wieħed diffiċli.  Fih jiena ma rrid nagħmel propju xejn ħlief nistrieħ fil-preżenza tiegħu. Li nħoss iż-żiffa ħelwa tiegħu li jersaq lejja. [1Slat:19:12]

Spiss niftakar fix-xena mill-Aħħar Ċena fejn id-Dixxiplu l-Maħbub serraħ rasu, bit-toqol u l-ħsibijiet kollha li kellu dak il-ħin, fuq sider Ġesù.  [Ġw:13:23] 

Irrid ħalli lilu jaħdem f’ħajti. Nisma’ leħnu f’qalbi jgħidli, “Int ibni l-maħbub,  binti l-maħbuba,  Fik insib il-għaxqa tiegħi”. [Lq:3:22]

Il-kontemplazzjoni hija mument personali ħafna u għalhekk anke jekk il-Lectio Divina issir fi grupp dan il-pass għandu jsir minn kull persuna waħedha.