Qawwu qalbkom u erfgħu raskom


Il-Ġimgħa, 13 ta’ Novembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom

Meta nisimgħu dan il-kliem ta’ Ġesù, għall-bidu nieħdu l-ideja li hu kliem li jbeżża’. Jitkellem b’ton li qisu jippreokkupak. Hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq it-Tieni Miġja tiegħu. Imma fil-fatt mhuwiex l-iskop ta’ Ġesù li jbeżża’. U nifhmu tassew is-sens tal-kliem tiegħu, għalina dixxipli tiegħu, meta niftakru f’dak li għedna fil-versett ta’ qabel l-Evanġelju, li hu wkoll kliem ta’ Ġesù li hu jgħid aktar tard fl-Evanġelju ta’ San Luqa, meta jgħid: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”.

Ġesù mhux ibeżża’ jrid, imma jridna nagħrfu r-realtà kif inhi. U x’ifisser li nagħrfu r-realtà? Ifisser li aħna nagħmlu attenzjoni f’ħajjitna li ma ngħixux aljenati. Tant inkunu meħudin bl-affarijiet ta’ kuljum, bir-rutina, minn ħaġa għall-oħra, li nwarrbu lilu u dak kollu li hu jfisser għal ħajjitna. Hawnhekk Ġesù jsemmi – interessanti l-kliem tiegħu – l-ġrajja ta’ żmien Noè, u iktar tard il-ġrajja ta’ Lot, u jgħid: “kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu, iżewġu” u ftit wara “kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu”. Fihom infushom dawn mhumiex affarijiet ħżiena. Seta’ semma Ġesù kif dawn l-affarijiet tajbin hemm min jużahom ukoll għal dak li hu ħażin, per eżempju kieku qal: ibigħu bil-qerq jew inkella jibnu b’mod li jeqirdu l-ambjent. Jew seta’ qal, meta jitkellem fuq il-ġrajjiet tan-nies: kienu jiġġieldu, kienu jisirqu, kienu joqtlu, kienu jxaħħmu, u affarijiet oħra ħżiena. Imma hawn qed isemmi affarijiet li fihom infushom huma tajbin.

Allura x’diffikultà hemm? Qed jgħid Ġesù għan-nies ta’ dak iż-żmien: li jista’ jkun li jittieħdu minn tant affarijiet u lil Alla jwarrbuh. Isiru indifferenti għal Alla, u jgħixu qisu Alla ma jeżistix. Meta jagħmlu hekk, jispiċċaw moħhom fihom infushom, fil-ħajja tagħhom, qisu Alla ma jeżistix u anke l-oħrajn, qishom ma jeżistux.

Għalhekk dan hu l-messaġġ li jrid jagħti lilna llum: biex aħna ngħixu magħqudin ma’ Alla u ma ngħixux ħajja ta’ nies aljenati, li ma nkunux tant meħudin bl-affarijiet ta’ kuljum, minn ħaġa għall-oħra, li ninsew lilu; imma nagħrfu l-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna, u dak li hu jitlob minna, fosthom li naħsbu wkoll fl-oħrajn. Meta jkollna lilu f’qalbna, imbagħad nistgħu nieklu, nixorbu, u nagħmlu dan u l-affarijiet l-oħra bil-qies, b’mod xieraq, għall-glorja tiegħu, u b’mod li qatt ma ninsew ukoll il-ħtiġijiet tal-oħrajn, speċjalment ta’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Meta nagħmlu hekk, ma jkollniex għalfejn nibżgħu. Anzi, il-kliem ta’ Ġesù jagħmlilna kuraġġ, għax ikun kliem li jgħinna biex ngħixu b’mod li nagħrfu nużaw tajjeb il-ġid tal-art u qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem. Li jitlob minna Ġesù hu li nieħdu azzjoni deċiżiva, mhux b’xi mod azzjoni ta’ disperazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ tama.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li aħna nagħrfu ngħixu fil-preżenza tiegħu, inkunu ispirati kontinwament mill-kelma tiegħu u qalbna norbtuha miegħu; u jagħtina l-għajnuna biex ngħixu l-ħajja hawnhekk – il-ħajja ordinarja ta’ kuljum – b’mod xieraq, qalbna miftuħa wkoll għall-ħtiġijiet tal-oħrajn. Ikun hu li jagħmlilna kuraġġ f’din il-mixja li fl-aħħar mill-aħħar twassalna sa għandu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.