Kristu Re tal-Covid


Ċelebrazzjoni Djoċesana fis-Solennita ta’ Kristu Sultan f’Għawdex

Il-Ħadd, 22 ta’ Novembru 2020: Ċelebrazzjoni Djoċesana fis-Solennita’ ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu bit-talba tal-Għasar u l-Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma. Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb.

Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu

KRISTU RE TAL-COVID

Introduzzjoni

Għadna kif assistejna għal ġest sempliċi imma b’tifsira kbira. Ilkoll flimkien għadna kemm ġeddidna x-xewqa tagħna li naqdu lill-poplu ta’ Alla. L-istola/fardal hija s-sinjal tal-qadi tas-saċerdot lill-poplu tiegħu. U dan għamilnieh quddiem Ġesù msallab, il-qaddej tagħna, bnedmin midinbin.

L-Isqof Anton Teuma

Din is-sena l-Festa ta’ Kristu Re hija partikolari ħafna. Uħud minnkom li qegħdin issegwu speċjalment minn djarkom, jista’ jkun li ntlaqattu mill-virus, oħrajn jinsabu kwarantina, oħrajn diġà għaddew minn dan kollu fil-ġimgħat jew ix-xhur li għaddew. Oħrajn jinsabu mbeżżgħin li tista’ taħkem lilhom jew lill-familjari tagħhom. Hemm oħrajn, imbagħad, li jinsabu inkwetati minħabba x-xogħol, speċjalment l-industriji tat-turiżmu u tal-kummerċ. Imbagħad hemm uħud li baqgħu għaddejjin bil-ħajja tas-soltu, qisu mhu jiġri xejn.

Tagħmel sens festa lil Kristu Re fi żmien bħal dan? Jiddependi x’aħna nistennew minn Kristu Re. Jekk qed nistennew li Ġesù jwaqqaf il-Covid u jfejjaq lil kull min hu marid, biex nistgħu nkomplu bil-ħajja tagħna ta’ qabel, din il-festa ma tagħmilx sens. Għax minkejja li nemmnu u li nitolbu, l-imxija tal-Covid ma waqfitx; u numru minna mardu, u saħansitra wħud mietu.

Alla jħobbna, għax aħna wliedu. U qatt u qatt mhu ser jibgħat pandemija biex jikkastiga lil xi ħadd għall-għemil tiegħu. Alla bħal dan mhux Alla tal-Vanġelu. Irridu nilqgħu t-tbatija u l-mewt bħala parti mill-esperjenza tal-ħajja tagħna – biżżejjed jekk inħarsu lejn Ġesù msallab.

Imma jekk inħallu din l-imxija tisfidana, tistaqsina, tgħallimna… iva, jagħmel sens li nagħmlu festa ta’ Kristu Re fi żmien il-Covid. Anzi, nistgħu niskopru lil ‘Kristu Re tal-Covid’.

Id-dgħufija tagħna

Dan il-virus uriena kemm aħna dgħajfin. Il-poplu Lhudi kien għaddej minn żmien ta’ prosperità, tant li kien għaddej mingħajr il-bżonn ta’ Alla. U bħal sajjetta fil-bnazzi, fis-sena 597 qk jiġi meħud skjav fil-Babilonja għal sittin sena sħaħ. Il-poplu kien qiegħed jinqered, mgħakkes mill-barranin, mhedded mill-mard. U jidħol fi kriżi ta’ identità. U jibda jagħmel mistoqsijiet li ma kienx kapaċi jwieġeb waħdu. Kellu bżonn id-dawl u l-għajnuna ta’ Alla. U f’dak il-mument traġiku l-poplu beda jistaqsi dwar l-oriġni tiegħu, fuq il-fidi tiegħu… u kien f’dak iż-żmien li nkitbet parti kbira mit-Testment il-Qadim. Ir-rakkont tal-ħolqien, il-waqgħa tal-ewwel ġenituri, Kajjin u Abel, Noè u d-dilluvju, it-Torri ta’ Babel (ara 2 Slat 24-25).

Jista’ jkun li aħna wkoll għaddejjin minn esperjenza simili. Għalkemm nafu li m’aħniex eterni, spiss inkunu aljenati, u ngħixu bħallikieku ser nibqgħu hawn għal dejjem. Spiss ngħixu bil-konvinzjoni li nistgħu nagħmlu kollox u nistgħu nikkontrollaw kollox, speċjalment jekk ikollna l-flus.

Il-virus fakkarna fil-verità tagħna. Aħna dgħajfin. Iż-żmien tagħna fuq din l-art hu magħdud. Bil-flus mhux dejjem tista’ tagħmel kollox. Mhux veru li għandna kontroll fuq kollox.

Il-verità tad-dgħufija tagħna tista’ toħloq fina żewġ reazzjonijiet. Nistgħu niggranfaw aktar mal-idea tal-omnipotenza tagħna. Nistgħu ngħixu bit-tama jew bl-illużjoni li x-xjenza tista’ ssolvi l-problemi kollha tal-bniedem. Nistgħu naħsbu li dan il-virus nistgħu nissuperawh bħal-limiti l-oħra kollha tagħna.

Meta l-Eġittu kien għaddej minn diżgrazzja wara l-oħra, flok għaraf id-dgħufija tiegħu, il-Fargħun irribella. U din ir-ribelljoni wasslitu biex jinqered hu, tinqered il-familja tiegħu u saħansitra l-Eġittu.

Imma nistgħu wkoll nindunaw li aħna nies fil-bżonn. Nistgħu nitgħallmu nkunu aktar veri magħna nfusna. Aħna nies dgħajfin. Il-ħajja u s-saħħa, li aħna nsejħulhom “tagħna”, fil-fatt huma rigal li rċevejna mingħand il-Ħallieq, rigal li rridu nieħdu ħsiebu. Nistgħu nindunaw kemm aħna xxurtjati li Alla qiegħed iżommna fil-ħajja. Nistgħu nagħrfu li jkun ftit wisq jekk niffukaw u niffissaw biss fuq dawn l-erbat ijiem li għandna f’dan il-ġisem, u nibdew nesploraw xi jfisser li ngħixu għal dejjem.

Ħadd ma jista’ jsalva waħdu

Il-pandemija qed tgħallimna li aħna bżonn ta’ xulxin. “Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: ‘Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw’. Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha” (Atti 27:30-31).

Ħadd ma jista’ jsalva waħdu. F’dawn l-aħħar snin iffukajna ħafna fuq l-individwu. Kull bniedem għandu d-drittijiet tiegħu li ma jistgħux jintmessu. Xi drabi tant enfasizzajna fuq id-drittijiet tal-individwu li nsejna għalkollox id-drittijiet tal-komunità. Tant naħseb fija nnifsi, tant imtlejt bija nnifsi, li inti sempliċement tiswa daqskemm tissodisfali l-bżonnijiet tiegħi… imbagħad narmik, imbagħad m’għandix bżonnok!

Jew bħal fil-każ tal-abort, tant assolutizzajna l-individwalità tal-mara li lesti li nissagrifikaw l-individwalità tat-tarbija. U qed naraw kif nikkonvinċu lilna nfusna li l-mara hi persuna, waqt li t-tarbija hi xi ħaġa oħra.

L-istess ingann qiegħed jiġi bil-mod il-mod aċċettat meta m’għadniex nagħmlu għagħa għal kull anzjan jew anzjana li jmutu bil-virus. U niġġustifikaw in-nuqqas ta’ gravità bl-iskuża li kien hemm kumplikazzjonijiet oħra. Jista’ jkun li dħalna fl-idea żbaljata li hemm ħajjiet li għandhom valur u hemm ħajjiet oħra li għandhom inqas valur. Jista’ jkun li kulma jmur, fis-soċjetà li qed ngħixu fiha, qegħdin nistmaw lil dawk li jipproduċu, lil dawk li huma f’saħħithom, aktar minn dawk li huma dgħajfa, morda jew anzjani. U qegħdin ninsew li aħna wkoll xi darba jew oħra għad inkunu f’dik is-sitwazzjoni ta’ bżonn u ta’ dgħufija.

Il-Coronavirus reġa’ fakkarna fl-importanza kbira tal-oħrajn. Ħadd minna ma jimrad waħdu, u ħadd minna ma jfiq waħdu. Il-virus fakkarna li hija ħolma, fantasija, dellirju ta’ omnipotenza, meta xi ħadd jaħseb li xi ħadd jista’ jgħix waħdu, meta xi ħadd jaħseb li l-aqwa li jkun sew hu/hi, meta xi ħadd jaħseb li m’għandux bżonn tal-oħrajn.

F’dawn l-aħħar xhur għamilna esperjenza qawwija ta’ xi tfisser tkun flimkien, tiftiehem flimkien, taħdem għall-ġid ta’ kulħadd, tinteressa ruħek fl-oħrajn. Dan l-aħħar fhimna li, li jekk irridu noħorġu mill-pandemija, irridu noħorġu flimkien. Jekk jien nilbes il-maskla, naħsel idejja u nżomm id-distanza, dan mhux biss għalija, imma wkoll għalik. Għax biex inkunu fiqna, irridu nfiqu flimkien.

Il-bżonn tal-familja

F’dan iż-żmien ta’ pandemija lkoll kemm aħna rġajna skoprejna s-sbuħija u l-importanza tal-familja. “U daħal Noè u miegħu wliedu, martu, u n-nisa ta’ wliedu, fl-arka, minħabba l-ilma tad-dilluvju. Mill-bhejjem safjin u mill-bhejjem mhumiex safjin, u mit-tjur u minn kulma jitkaxkar fl-art, daħlu tnejn tnejn, ir-raġel u l-mara, fl-arka ma’ Noè, kif kien ordna Alla lil Noè. U malli għaddew is-sebat ijiem beda nieżel l-ilma tad-dilluvju fuq l-art. U qered il-ħlejjaq kollha minn wiċċ l-art: mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru sat-tajr tal-ajru, kollha nqerdu minn wiċċ l-art, u baqa’ biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka” (Ġen 7:7-10,23).

Erġajna skoprejna li l-familja hija wieħed mill-ftit ambjenti fejn il-bniedem jista’ jħossu fiż-żgur. Fl-istess waqt, dawk li minħabba l-mard, jew kwarantina, jew minħabba l-attenzjoni lejn l-anzjani, kellhom jinqatgħu mill-familja, żgur li ħassew ħafna n-nuqqas tagħha.

Il-biża’ li xi ħadd mill-familja jimrad jew imut ġagħalna noqogħdu aktar attenti għal xulxin. Sirna aktar konxji mill-familja tagħna. Inħossu li għandna bżonn aktar nieħdu ħsieb xulxin. Il-ġenituri kontinwament iwissu lill-ulied żgħar biex ikunu moħħhom hemm. L-ulied ifakkru lill-ġenituri anzjani biex ma jaljenawx rashom.

Il-pandemija, mingħajr ma ndunajna, kabbritna fl-interess u fl-imħabba lejn il-familja tagħna. Erġajna skoprejna l-familja tagħna bħala rigal, don ta’ Alla. Indunajna aktar li l-familja tipproteġina, issalvana mill-periklu. Il-famija tnaqqsilna r-riskju li nimirdu.

U jekk xi ħadd minna marad, iddispjaċiena ħafna li ġibna l-marda fid-dar tagħna. U waqt li ngħixu fil-biża’ li neħduha jew ngħadduha fil-familji tagħna, aħna konxji li jkollna bżonn il-familja tagħna, speċjalment jekk nimirdu.

Hekk jikteb San Pawl lill-Kolossin, Insara li kienu għaddejjin mit-traġedja ta’ terremoti kontinwi: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (3:10-14).

Konklużjoni

Għalhekk jagħmel sens il-Vanġelu li smajna llum. Ġesù Sultan, minn fuq it-tron tiegħu tas-salib, jagħmel il-ġudizzju fuq il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna fi żmien il-Covid.

“Ħudu kulu, dan hu ġismi – Kont bil-ġuħ u tmajtuni. Ħudu u ixorbu, dan hu demmi – Kont bil-għatx u sqejtuni. Kont għeri u libbistuni – Ġibulu l-libsa u xidduhielu. Kont marid u ġejtu żżuruni – Niġi jien u nfejqu [hekk qal Ġesù liċ-ċenturjun]. Kont fil-ħabs u ġejtu maġenbi – Ġejt inxandar il-ħelsien lill-imjassrin”.

“Dak li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Mela kull min b’xi mod qiegħed ibati f’dan iż-żmien, kull min hu marid, kull min hu kwarantina, kull min tilef ix-xogħol, kull min qiegħed ibati biex jikkumbatti dan il-virus għall-ġid tal-komunità… dak huwa Ġesù, li qed jitlobni biex inħobbu, qed jitlobni mmidd idi u ngħinu.

Meta fostna jkun hemm din l-imħabba Nisranija, min tilef ix-xogħol jiekol ma’ min ma tilfux, hekk li ma jkunx hemm bżonn li tiġi ssagrifikata l-ħajja ta’ xi ħadd biex tibqa’ miexja l-ekonomija. Meta m’hemmx din l-imħabba Nisranija, il-biża’ li ma jkollix biżżejjed għalija, jew il-biża’ li jonqosli d-dħul, jegħleb saħansitra fuq il-valur tal-ħajja tiegħek.

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.