Linji gwida dwar l-Evangelii Gaudium

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (24)

L-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA EVANGELII GAUDIUM. 16 ta’ Diċembru 2013

L-iskop ta’ din il-ħarġa mhuwiex li nagħtu summary tal-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (24 ta’ Novembru 2013). Jidhirli li meta għandna f’idejna dokument daqshekk importanti tal-Maġisteru Pontifiċju m’għandniex nikkuntentaw ruħna li naqraw summary, imma li mmorru għat-test sħiħ tad-dokument, anke jekk dan huwa kemmxejn twil. It-test ta’ din l-Eżortazzjoni ta’ Papa Franġisku huwa wieħed li għandu linġwaġġ mill-aktar dirett u pastoralment prattiku. L-għan ta’ dan is-sussidju teoloġiku huwa li nagħtu xi linji-gwida dwar din l-Eżortazzjoni li ġġib id-data tal-24 ta’ Novembru 2013.

Ippubblikata fi tmiem is-Sena tal-Fidi, Evangelii Gaudium għandha rilevanza partikulari għaliex mhux biss hija l-Eżortazzjoni Appostolika li tiġbor il-frott tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Gdida (Ottubru 2012), imma hija d-dokument programmatiku tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku.

Il-Papa jistqarr li permezz tad-dokument huwa ma kellux il-ħsieb li jikteb xi trattat teoretiku, imma li juri l-importanza tal-evanġelizzazzjoni fil-prattika. L-għan tiegħu huwa li jipproponi stil partikulari ta’ evanġelizzazzjoni li jmiss kull aspett tal-ħajja tal-Knisja. Jisħaq li waqt li l-Knisja xxandar l-Evanġelju, hija takkumpanja lill-bnedmin tal-lum. Huwa jisħaq ukoll li mhuwiex possibli li nħallu “kollox kif inhu”, u li għalhekk huwa importanti li nħaddnu stat permanenti ta’ missjoni. L-għan tiegħu hu – kif jistqarr fit-talba tiegħu lill-Verġni Marija fi tmiem id-dokument – li nfittxu toroq ġodda biex id-don tal-ġmiel li ma jintefiex jasal għand kulħadd.

Il-“ħolma” ta’ Papa Franġisku hi li l-Knisja, mingħajr telf ta’ żmien, timxi fit-triq tal-konverżjoni pastorali u missjunarja. Huwa jitħaddet dwar atteġġjament personali u komunitarju li kapaċi jittrasforma mill-qiegħ id-drawwiet, l-istil, il-lingwaġġ u l-istrutturi tal-Knisja, b’mod u manjiera li dawn ikunu indirizzati għall-evanġelizzazzjoni u mhux għal dik li hu jsejħilha “awto-preservazzjoni” ta’ dak li għandna jew li mdorrijin bih.

F’Evangelii Gaudium, Papa Franġisku ma jagħtiniex biss sintesi ta’ konklużjonijiet mis-Sinodu tal-Isqfijiet ta’ Ottubru 2012, imma qed joffri lill-komunità nisranija kollha test impenjattiv li fih innifsu huwa programm ta’ ħidma mhux biss għalih, imma għal kull imgħammed. Il-ħolma tiegħu hi li l-Evanġelju jasal għand kulħadd. Jgħid li l-Knisja u l-istrutturi kollha tagħha – minn fuqnett sa isfelnett – iridu jkunu ispirati mill-Evanġelju. Dak li mhuwiex skont l-Evanġelju għandu jinbidel jew jitneħħa, u – jgħid – li m’għandniex nibżgħu nagħmlu dan. L-appell tiegħu huwa li nkunu kuraġġużi u kreattivi, waqt li nieqfu darba għal dejjem ngħidu “għax dejjem hekk għamilna”.

Evangelii Gaudium tipproponilna triq li l-karatteristiċi tagħha huma dawk li diġa rajna fl-ewwel xhur tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku. Huwa jrid li niskopru mill-ġdid il-ħniena ta’ Alla bħala “l-akbar fost il-virtujiet”. Jisħaq fuq Knisja li tiftaħ il-bibien u toħroġ biex tiltaqa’ ma’ kulħadd, u tilħaq “il-periferiji umani” ta’ żminijietna.

Huwa ċar ħafna l-ġudizzju tal-Papa dwar dak kollu li joħloq inugwaljanza jew esklużjoni soċjali. Huwa jikkundanna ekonomija li toqtol, il-kultura tal-iskart u l-idolatrija tal-flus. Huwa għalhekk li Papa Franġisku jiddedika kapitlu sħiħ – mill-ħamsa li fiha l-Eżortazzjoni – għad-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzjoni. Huwa juri kif l-Aħbar it-Tajba twassalna biex inkunu Knisja li kontinwament tagħmel l-għażla favur il-fqar, u li ġġib ’il quddiem id-djalogu u l-paċi.

Il-qalba tad-dokument huwa ddedikat lil dawk li, fil-Knisja, jaħdmu fis-servizz tax-xandir tal-Aħbar it-Tajba. Iħeġġigħom għal inizjattivi dejjem ġodda u li jużaw il-potenzjal kollu li huma mżejna bih, imma jiftħilhom għajnejhom ukoll biex joqogħdu attenti minn għadd ta’ tentazzjonijiet bħal ċerta telqa egoistika, il-pessimiżmu sterili u minn dik li hu jsejħilha “mondanità spiritwali” (nn.93-97).

Jolqtok il-fatt li mill-ewwel paġni tad-dokument il-Papa jisħaq dwar ix-xandir ferrieħi tal-Evanġelju, tant li għal 59 darba huwa jirrepeti l-kelma “ferħ”. L-Eżortazzjoni Evangelii Gaudium għandha fil-pedament tagħha testi bibliċi u tal-Maġisteru tal-Knisja. Il-Papa jirreferi ħafna drabi għall-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja u awturi ekkleżjastiċi ta’ kull żmien: bħal Sant’Irinew, Sant’Ambroġ, Santu Wistin, San Tumas d’Aquino, il-Beatu John Henry Newman, Henri de Lubac u Romano Guardini. Jirreferi wkoll għal xi kittieba bħal Georges Bernanos. Japprezza u juża għadd ta’ dokumenti li nkitbu minn Konferenzi Episkopali minn madwar id-dinja kollha.

Wara daħla li fiha jitkellem dwar il-ferħ tal-Aħbar it-Tajba li tana Gesù Kristu, Papa Franġisku, kif għidna, jaqsam l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium f’ħames taqsimiet:

1.     It-trasformazzjoni missjunarja tal-Knisja;

2.     Il-kriżi tal-impenn fil-komunità;

3.     Ix-xandir tal-Evanġelju;

4.     Id-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzjoni;

5.     Evanġelizzaturi miftuħin għall-ħidma tal-Ispirtu.

Fost it-temi li huma rikorrenti fit-test tal-Eżortazzjoni, insibu l-importanza li l-Papa jagħti lil-laqgħa tal-persuna ma’ Gesù. Din hija laqgħa mill-aktar personali. Il-Papa jistieden lil kull nisrani biex jekk ma jġeddidx din ir-relazzjoni personali, almenu jieħu deċiżjoni li jħalli lil Gesù jiltaqa’ miegħu. Alla ma jgħejja qatt jaħfrilna. Huwa jġorrna fuq spallejh, u dan jagħmlu kull darba li jaħfrilna (n.3). Din il-laqgħa mal-Mulej tgħinna biex inkunu aktar umani (n.8). Frott ta’ din ir-relazzjoni, ngħixu l-komunjoni li tfejjaq, u nġibu ’l quddiem ir-rabtiet interpersonali (n.67).

Tema oħra importanti li niltaqgħu magħha f’dan id-dokument hija dik ta’ Knisja li ma tibqax magħluqa bejn il-ħitan tat-tempju, imma li “toħroġ”. Kull meta Alla jsejjaħ lil xi ħadd – bħal Abram, Mosè u Geremija – dejjem jagħtih missjoni. Il-Papa jgħid li l-istess jgħodd għall-Knisja u għal kull membru tagħha (n.20). Kull wieħed u kull waħda mill-imgħammdin huwa msejjah biex jitlaq mill-għeluq u s-sigurtà li nsibu “ġewwa”, fil-kenn ta’ dak li aħna mdorrijin bih jew li nafu, u joħroġ fil-misraħ fejn jobrom ir-riħ, u fejn aktarx se nkunu kkontestati minn dawk li ma jaqblux magħna. Il-Papa jitkellem dwar “id-dinamika” tal-Esodu u tad-don – li wieħed joħroġ minnu nnifsu u jiżra’, dejjem lil hinn mill-post fejn huwa mdorri (n.21). Il-membri tal-Knisja huma mħeġġa biex jieħdu l-inizjattiva u jieħdu l-ewwel pass, mingħajr biża’, u jmorru jfittxu l-imbegħdin li jinsabu f’salib it-toroq (n.24). Il-Papa, kif nafu, iħobb juża espressjonijiet ta’ kuljum tal-bnedmin. Fil-fatt, huwa jistqarr li jippreferi Knisja li hija “feruta u mċappsa għax ħarġet fit-toroq, milli Knisja li hija marida minħabba l-għeluq u l-kumdità li ggranfat magħhom biex ikollha sigurtà” (n.49).   

Knisja li “toħroġ” hija Knisja li tevanġelizza. Kif wieħed jistenna, l-evanġelizzazzjoni hija t-tema rikorrenti li tinseġ flimkien il-partijiet kollha u l-paragrafi kollha tal-Eżortazzjoni Evangelii Gaudium. Il-Papa jisħaq dwar il-mod kif nikkomunikaw lill-oħrajn l-Evanġelju. Jgħid li huwa dejjem importanti li nkunu nafu x’inhu l-kuntest li fih qegħdin dawk li lilhom irridu nwasslu l-Aħbar it-Tajba (n.34). Hija responsabiltà kbira li l-messaġġ li tana Kristu nwassluh sħiħ, kif inhu: “M’għandniex nimmutilaw s-sħuħija (l-integralità) tal-messaġġ tal-Evanġelju” (n.39). Barra minn hekk, ifakkarna l-Papa, kull waħda mill-veritajiet tal-fidi tagħna, nifhmuha aħjar jekk inpoġġuha f’relazzjoni mal-armonija sħiħa tal-messaġġ nisrani (n.39). Aspett importanti tal-evanġelizzazzjoni huwa dak il-kuntatt san mal-kulturi differenti f’kull rokna tad-dinja (n.69) u d-djalogu, anke jekk diffiċli, mas-soċjetà tal-lum (n.74). Papa Franġisku jagħmel referenza għad-djalogu li seħħ bejn Gesù u s-Samaritana (n.72), kif kien għamel Papa Benedittu XVI fl-Ittra Appostolika Porta Fidei (n.3). Aktar minn darba, il-Papa jenfasizza l-fatt li l-missjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza. Jgħid li l-Knisja – li hi misteru u għandha għeruqha fit-Trinità qaddisa – tidher b’mod konkret fl-istorja bhala poplu pellegrin u poplu li jevanġelizza. Dan ikompli jfissru meta jsemmi l-inizjattiva ta’ Alla li jidħol f’relazzjoni magħna l-bnedmin, u jsawwab l-Ispirtu s-Santu fina biex jagħtina l-grazzja tiegħu (n.112). Dan iseħħ mhux biss fuq livell personali, imma fuq kollox, bħala komunità (n.113). Li flimkien nagħmlu l-Knisja jfisser li nkunu ħaġa waħda mal-proġett tal-imħabba ta’ Alla: li nkunu l-ħmira ta’ Alla fost il-bnedmin. Dan hu li jwassal, għalhekk, li bħala Knisja nkunu “skont il-ħajja t-tajba tal-Evanġelju” (n.114).

Aspett li jolqotna ħafna mill-qrib huwa dak li Papa Franġisku jgħid dwar il-parroċċa. Huwa jfakkarna li għalkemm il-parroċċa mhix l-unika istituzzjoni li tevanġelizza, jekk hija tkun kapaċi li tadatta ruħha kontinwament, tibqa’ tkun dik l-espressjoni tal-Knisja li tgħix qalb id-djar ta’ uliedha. Il-Papa jiddeskrivi l-parroċċa bħala preżenza ekkleżjali f’territorju partikulari, il-post tas-smigħ tal-Kelma, fejn il-ħajja nisranija tikber, fejn iseħħ id-djalogu, ix-xandir tal-kelma, il-karità ġeneruża, l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni (n.28). Huwa jikkritika dawk il-komunitajiet jew parroċċi li mhumiex akkoljenti għax fihom hemm burokrazija żejda, jew fejn l-aspett amministrattiv huwa aktar importanti minn dak pastorali, jew fejn insibu sagramentalizzazzjoni mingħajr forom oħra ta’ evanġelizzazzjoni (n.63). Papa Franġisku jistqarr li hemm komunitajiet żgħar, gruppi u movimenti nsara li huma rikkezza fil-Knisja minħabba l-mod kif jevanġelizzaw u l-entusjażmu li għandhom (n.29).

Papa Franġisku jiddedika għaxar paragrafi tal-Eżortazzjoni għall-omelija (nn.135-144). Jieħu diversi aspetti li huma ferm importanti għall-ministri ordnati fil-Knisja: it-tħejjija tal-omelja; omelija kif għandha tkun turi kemm ir-ragħaj huwa qrib tal-poplu afdat f’idejh; l-omelija bħala esperjenza qawwija u sabiħa tal-Ispirtu; l-omelija bħala għajn kostanti ta’ tiġdid; l-omelija fil-kuntest liturġiku tagħha, u li għalhekk tkompli d-djalogu bejn Alla u l-poplu waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija; l-omelija mhix spettaklu u ma ssegwix “il-loġika tal-media”. L-omelija tixbaħ il-konverzazzjoni li omm tagħmel ma’ wliedha: tgħallem, tfiehem, tikkoreġi, tapprezza dak li huwa tajjeb, tittrasmetti il-kuraġġ. Huwa fin-natura tal-omelija li tkebbes il-qlub. Il-Papa, imbagħad, jiddedika sezzjoni oħra (nn.145-159) għall-predikazzjoni li, kif nafu, tinkludi mhux biss l-omelija, imma esperjenzi oħra fil-ħajja nisranija. Hawnhekk huwa jisħaq fuq it-tħejjija, kemm remota, kif ukoll immedjata, għall-predikazzjoni.

Kull min segwa d-diskorsi, il-messaġġi u l-omeliji tal-Papa minn meta kien elett sal-lum, malajr jinnota r-rabta li huwa kuljum jinseġ bejn il-Kelma mħabbra lilna u l-ħajja tagħna ta’ kuljum bħala membri tal-Knisja, kif ukoll bħala ċittadini fis-soċjetà tal-lum. Għalhekk ma niskantawx meta naraw kif il-Papa jiddedika parti sostanzjali minn Evangelii Gaudium – ir-raba’ parti tagħha – għad-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzjoni. Hemm rabta mill-aktar qawwija bejn il-Kelma mħabbra lilna, u li aħna, imbagħad, fid-dmir li nxandru – kull wieħed u kull waħda skont ir-rwol tiegħu/tagħha fil-Knisja. Il-Kelma ta’ Alla, għax hija kelma lill-bniedem f’kull żmien u f’kull sitwazzjoni, għandha riperkussjonijiet soċjali.

Papa Franġisku jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju biex ngħixu ta’ aħwa tassew fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Huwa jfakkarna f’ħafna siltiet mill-Iskrittura, mill-kitbiet tas-Santi Padri, mill-Magisteru Soċjali tal-Knisja u f’dokumenti soċjali ta’ diversi Konferenzi Episkopali li lkoll jitkellmu dwar ir-responsabiltà tan-nisrani lejn għajru, fuq kull livell – kemm dak individwali, kif ukoll fuq livell ta’ soċjetà partikulari, u dik globali. Jgħid li dan it-tagħlim kollu huwa “Aħbar tajba”, u jistedinna kontinwament “għall-imħabba fraterna, għas-servizz umli u ġeneruż, għall-ġustizzja u għall-ħniena lejn il-fqir” (n.194). Il-Papa jisħaq – kif kien qal ukoll fil-laqgħa tiegħu mal-ġurnalisti, jumejn biss wara li kien elett – fuq “Knisja fqira mogħtija kollha kemm hi għall-fqar”. L-Evanġelizzazzjoni l-ġdida  hija sejħa biex nagħrfu l-preżenza tal-foqra u li npoġġuhom fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja (n.198). Jurina kif ix-xandir tal-Aħbar it-Tajba mill-Knisja għandu jindirizza aspetti bħalma hi l-ekonomija, il-ġid komuni, il-ħtiġijiet ta’ dawk li qegħdin ibatu l-isfruttament, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi soċjali, id-djalogu soċjali u l-libertà reliġjuża (nn.202-241; 255-257).

Fl-aħħar parti tal-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, Papa Franġisku jfakkarna li l-evanġelizzaturi fl-Ispirtu huma miftuħin, mingħajr biża’, għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Nhar Pentekoste, l-Ispirtu ħareġ lill-Appostli mill-għeluq tal-kamra fejn kienu qegħdin u ttrasformahom f’ħabbara tal-għemejjel kbar ta’ Alla. Huwa mliehom b’kuraġġ kbir biex ixandruh, u biex jegħlbu kull riskju li kellhom jieħdu (n.259). Huwa jtenni li fil-pedament ta’ kull ħidma evanġelizzatriċi u missjunarja hemm ir-relazzjoni personali tal-imgħammed mal-imħabba ta’ Gesù. Hija din l-imħabba li timbuttana mhux biss biex aħna nħobbuh aktar, imma wkoll biex nagħmluh magħruf u maħbub minn kulħadd. “Xi ħlewwa – jgħidilna – toqgħod quddiem il-Kurċifiss, jew għarkobbtejk quddiem is-Sagrament, u tkun sempliċement quddiem għajnejh! X’ġid niksbu meta nħallu li Hu jiġi u jmiss l-eżistenza tagħna u jagħtina l-enerġija biex inwasslu l-ħajja ġdida tiegħu!” (n.264).

Aktar ma nkunu qrib tal-Mulej aktar nimtlew bl-entusjażmu li nevanġelizzaw! Aktar ma nduqu l-kelma tiegħu, aktar nipperseveraw fil-ħidma tal-evanġelizzazzjoni. Jgħidilna li “l-missjunarju veru ma jieqaf qatt li jkun dixxiplu, u jaf li Gesù jimxi miegħu, jitkellem miegħu, jieħu n-nifs miegħu u jaħdem miegħu” (n.266). Ifakkarna li aħna l-Poplu ta’ Alla, u għalhekk mhux biss għandna relazzjoni miegħu, imma li flimkien għandna responsabiltà li nwassluh bix-xhieda tagħna bħala komunità. Dan jitlob minna għotja sħiħa u dedikazzjoni (n.274).

Fl-aħħarnett, kif għamlu l-aħħar żewġ Papiet ta’ qablu, Papa Franġisku wkoll idur lejn il-Verġni Marija, u jsejħilha “Omm l-Evanġelizzazzjoni” u l-“Kewkba tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida”. Jistqarr li flimkien mal-Ispirtu s-Santu, f’nofs il-Poplu hemm ukoll Marija. Tinsab f’nofs id-dixxipli li hija ġabret flimkien madwarha, huma u jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu (n.284). Wara li jitkellem dwar ir-relazzjoni intima bejn Marija u Binha, huwa jurina kif il-preżenza ta’ Marija f’nofs il-komunità tagħmilha sinjal qawwi ta’ qadi, sinjal ta’ tama, u missjunarja li tinsab qrib tagħna u timxi magħna (n.286).

Dun Hector Scerri

President, Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana