Il-mazz f’idejna!

Riflessjoni dwar l-Eżortazzjoni Appostolika, Evangelli Gaudium

Li tkun Nisrani jfisser li tkun ferħan! Almenu din hija l-viżjoni li Papa Franġisku għandu tal-Kristjaneżmu. Biex iwassal dan il-ħsieb profond u ta’ fejqan liema bħalu l-Papa Arġentin ippubblika l-ewwel Ittra Appostolika tiegħu bit-titlu Evangelii Guadium nhar l-24 ta’ Novembru 2013.

Fil-bidu tagħha l-Papa jgħid li “l-ferħ tal-vanġelu jimla’ l-qlub u l-ħajjiet ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù” (§ 1). Mela aħna, l-Imgħamdin, għandna r-responsabbiltà li nħallu lil Ġesù li tant kemm jimla’ l-ħajjitna li l-ferħ tiegħu fina jrid ikun is-soluzzjoni “għan-niket, l-vojt ġewwieni u s-solitudni” (§ 1) li minnhom ħafna minna jinsabu maqbudin. Huwa aħna l-Insara li fuqna jagħfas dan id-dmir sagrosant, jiġifieri li nxerrdu l-ferħ ta’ Kristu kullimkien! Mela dan ix-xogħol qiegħed għall-Knisja ħalli tibda’ twettqu minnufih!

Fil-fatt il-Papa Franġisku qiegħed jitlob minn kull Nisrani u Nisranija li nkunu “fi stat permanenti ta’ missjoni” (§ 25). Imma, biex dan iseħħ, il-Papa jħoss li l-istrutturi ekkleżjastiċi jridu jkunu umli biżżejjed li jiffavorixxu l-ispirtu missjunarju tal-Knisja. Minnu nnifsu dan jitlob spirtu kbir ta’ umiltà! Huwa meta l-Istituzzjoni tal-Knisja tkun il-qaddejja tal-ispirtu ħieles u li jsalva tal-vanġelu li “l-attività pastorali f’kul livell [imwettqa mill-Knisja] tkun iktar inklużiva u miftuħa bil-għan li tnebbaħ fil-ħaddiema pastorali xewqa kontinwa li joħorġu u b’dan il-mod iqanqlu tweġiba pożittiva minn dawk kollha li Ġesù jsejjaħ għall-ħbiberija miegħu” (§ 27). U f’din il-konverżjoni fl-organizzazzjoni tal-Knisja anki l-Papat jeħtieġ li jikkonverti bil-għan li l-eżerċizzju tiegħu jkun “aktar fidil għat-tifsira li Ġesù Kristu xtaqt li jagħtih u kif ukoll [sabiex iwieġeb aħjar] għall-bżonnijiet preżenti tal-evanġelizzazzjoni” ” (§ 32). Għalhekk, bil-kuraġġ kollu, Papa Franġisku jħoss li fil-Knisja għandu jkun hemm deċentralizzazzjoni b’saħħitha sabiex il-ferħ tassew ta’ Ġesù jasal għand dawk li għandhom qalb miftuħa għalih. Biex dan jitwettaq il-Knisja trid tkun umli biżżejjed li tidħol fi proċess ta’ “dixxerniment kontinwu” ħalli “teżamina mill-ġdid” dawk id-drawwiet li jorbtuha direttament mar-ruħ tal-Vanġelu. Inklużi dawk li għandhom għeruq storiċi profondi (ara § 43).

Barra minhekk Papa Franġisku semma wkoll is-sagramenti bħala mezz mill-aktar qawwi biex il-ferħ ta’ Kristu jimla’ tassew il-qalb ta’ dawk kollha li jemmnu tassew fih. Bi qlubija kbira huwa qal li “l-Ewkaristija … m’hijiex il-premju tal-perfetti imma l-mediċina qawwija u l-ikel ta’ min hu dgħajjef” (§ 47). Min iqabbel lill-Knisja ma’ club jew is-soċjetà ċivili żgur li se jħossu ixxukjat u deluż b’dan il-kumment kuraġġuż tal-Papa. Abbli malajr jibda’ jitgerrex mill-Knisja wkoll! Imma min jaf x’inhi l-Knisja tassew, min mhux moħħu jmexxih imma l-Ispirtu s-Santu, jaf li l-Knisja m’hija xejn għajr il-familja midinba li temmen u xxandar lil Ġesù Kristu. Hija l-komunità msejsa fuq l-imħabba u r-rikonċiljazzjoni. Mela kumment bħal dan ifeqju u mhux igerrxu! U, għaliex il-Knisja hija tassew komunjoni ta’ mħabba u għaqda jinħtieġ li tinħeles “mill-għanqbud ta’ ossessjonijiet u proċeduri” filwaqt li bħal Ġesù trid tara kif tagħmel ħalli tiġbed lejha “ħafna minn ħutna li qiegħdin jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ li ġejjin mill-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tissapportjahom, mingħajr tifsira u għan fil-ħajja” (§ 49).

Il-Papa jgħid li l-ferħ ta’ Ġesù li suppost il-Knisja qiegħdha ixxerred kontinwament fid-dinja kollha huwa mwaqqaf ħesrem minn dawk li “bierdu” (§ 78), dawk li moħħom biss “fil-glorja tal-bniedem u f’li jkunu komdi” (§ 93) u anki minn dawk li jaħsbu li “huma aħjar mill-oħrajn l-għaliex josservaw ċerti regoli jew li jibqgħu fidili bl-akbar ebusija lejn stil partikulari kattoliku mill-passat” (§ 94). Franġisku jgħid li biex “il-klerikaliżmu eċċessiv” (§ 102) u, b’xorti ħażina, “l-għira … qalb l-Insara” ((§ 98), inklużi fl-Istituti tal-Ħajja Ikkonsagrata, jiġu mfejqa hemm bżonn li jkun hemm aktar promozzjoni “tal-ministeri tal-lajċi … [li jistgħu wkoll iħawlu] l-valuri Nsara fis-setturi soċjali, politiċi u ekonomiċi” (§ 102). Minn naħa tagħhom “il-komunitajiet Insara madwar id-dinja … [għandhom] joffru xhieda mdawla u li tħajjar tal-komunjoni fraterna” (§ 99).


Ikkonċentra d-diskors tiegħi fuq il-Knisja għax nemmen bis-sħiħ li hija r-responsabbiltà tagħna l-Insara li nxerrdu l-ferħ ta’ Kristu kullimkien! Is-sejħa tal-Papa Franġisku qiegħdha għalik u għalija li nemmnu. Il-mazz f’idejna!

Patri Mario Attard OFM Cap