Ix-xiħ li baqa’ żagħżugħ

Print Friendly, PDF & Email

Huwa b’niket kbir li idi qed tħażżeż dawn l-erba’ kelmiet illum. Dan l-għaliex, nhar it-Tnejn id-9 ta’ Novembru 2020, il-Covid-19 serqitilna ġawhra mhux biss għall-familja tiegħu imma wkoll għalina, tal-Istitut Agostinjan. It-telfa tal-għażiż Joe Borg Bonello hi kbira!

Il-Mulej silef lil Joe ħajja twila. Kellu 99 u sena! Alla jbierek! Madankollu, minkejja li għex din il-ħajja daqshekk twila u sabiħa, xorta waħda ridnieh jibqa’ magħna! Għadni niftakru, qisu issa, meta kont nattendi bi ħġari għall-laqgħat tal-korsijiet ferm interessanti fuq Santu Wistin u l-istudji Agostinjani. Hemm kont narah lil Joe, fuq is-siġġu ta’ wara, attentissmu għal kull kelma li kienet tingħad fil-lecture. Kien jinżilli għasel l-apprezzament tiegħu għal dak kollu li hu tajjeb, sabiħ u ta’ tagħlim. Joe kien bniedem li tassew kont tieħu gost titħaddet miegħu. L-għaliex kien wieħed minn dawk il-persuni li, tisimgħu biss, kien ineħħilek ħafna mit-toqol li l-ħajja titfagħlek fuq spalltek.

Personalment, Joe għalija nqisu b’benefattur kbir! Kemm kien jinkoraġġini biex nibqa’ nikteb! Kemm kien jgħidli: Ibqa’ ikteb ħa ġġib il-paċi b’dak li tgħid! Barra minhekk kien ukoll iħobb isegwini meta kont inkun fuq il-programmi ta’ Karl Bonaci F’LIVING SHOW. Kemm kien isegwina mill-qalb! Għax Joe kellu valur importantissmu li bniedem li tassew iħobb lill-Mulej u anki l-ħajja bilfors li jkollu maħżun ġewwa fih: Kien iħobb jitgħallem! U kien fan kbir tat-tagħlim! Għax dak hu l-bniedem veru: li jwessa’ moħħu ħalli qalbu u ruħu jitwessgħu wkoll!

U dan il-ftuħ tiegħu għall-ħajja u għal dak kollu li hu tajjeb, sabiħ u li jfejjaq, għamel minn Joe xempju ta’ kif wieħed għandu jgħix ix-xjuħija tiegħu. Joe baqa’ dak it-tifel żgħir li jifraħ u jferraħ lil ħaddieħor. Patri Salvinu Caruana OSA, li kien midħla ta’ Joe minħabba li kien studja u qaddes mal-għażiż ibnu, il-mibki Patri Manwel Borg Bonello OSA, jirrakkonta fatt ħelu mill-ħajja ta’ Joe: “L-ikbar ferħa li tajtu kienet meta ħadna lil-Eminenza Tiegħu, il-mibki Kardinal Prospero Grech OSA, u dan ħariġlu minn wara l-purtieri tas-sodda tiegħu f’Zammit Klapp. Bżajtna ftit għax ħsibnih ser jagħtih xi stroke. Joe kien iħobbu immens lil Propsru. Issa jifirħu t-tlieta flimkien, Prospru, Manwel, u Joe ma’ Santu Wistin”.

Joe il-ħajja baqa’ jħobbha sal-aħħar! Jirrakkonta Patri Salvinu: “Sa sentejn ilu konna għadna noħorġu miegħu xi drabi, u mqar meta kien jimxi fuq żewġt ibsaten, ma kienx jaqta’ qalbu. Konna mmorru għalih u mmorru nieklu. Kien iħossu ferħan mogħla s-sema.”

Grazzi Joe li bqajt żagħżugħ sal-aħħar!

Patri Mario Attard OFM Cap