Niddrittaw l-imgħawweġ


Il-Ħadd, 6 ta’ Diċembru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tat-Tieni Ħadd tal-Avvent. Parroċċa Balzan.

Niddrittaw l-imgħawweġ

Żgur li meta nagħtu l-ewwel daqqa ta’ għajn lejn Ġwanni l-Battista, jidher bħala bniedem partikulari ħafna – kif kien jilbes; x’kien jiekol; il-post li għażel, id-deżert; u anke l-mod kif kien jitkellem, kultant naqra iebes, forsi jinħass naqra goff. Qisu, bil-mentalità tal-lum, tgħid: dan qed jagħmel hekk biex jiġbed l-attenzjoni, biex in-nies jiġbidhom lejh, biex jagħmel xena!

Imma aħna nafu li fil-fatt ma kienx hekk. Kien profeta, anzi l-aktar profeta viċin Ġesù, u dawk li għalina jidhru affarijiet strambi huma karatteristiċi ta’ profeti fit-Testment il-Qadim; per eżempju, l-ilbies tiegħu – xagħar tal-ġemel, u ħżiem tal-ġild – hu bħall-ilbies tal-Profeta Elija (ara 2 Slaten 1:8). U għalhekk in-nies setgħu jagħmlu dan ix-xebh mal-profeti li kienu jħabbru l-miġja tal-Messija.

Ihejji t-triq għall-Mulej

Ġwanni l-Battista kien magħżul minn Alla mhux biex jiġbed lin-nies lejh – din kien jgħidha kontinwament – imma biex iħejji t-triq, biex juri lil Ġesù, għax hu kellu din il-missjoni li jxandar lil Ġesù, il-Messija. Kif smajna proprju fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Mark, dik is-sentenza li tiġbor fil-qosor l-iktar ħaġa importanti tal-Evanġelju tiegħu: iwassal l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. Dan hu li ħabbar Ġwanni l-Battista, u din kienet il-missjoni tiegħu.

Kienu jmorru n-nies, jinġabru ħdejh biex jisimgħuh, u hu kien jagħtihom messaġġ ċar. Jekk hemm xi ħaġa verament tolqtok fi Ġwanni l-Battista, hi li l-kliem tiegħu qatt ma kien biex jingħoġob imma biex ikellimhom ċar u biex jgħidilhom b’liema mod iħejju ruħhom għall-miġja ta’ Ġesù. Jgħidilhom: indmu, ħejju t-triq għall-Mulej.

L-istess messaġġ li ta lin-nies fi żmienu, jagħtih ukoll lilna llum. Lilna jsejħilna wkoll biex aħna nindmu. Il-kelma ‘nindmu’ kultant ma nifhmuhiex. Naħsbu li hi bħal meta tgħid: ‘ġietni ndiema’, tħoss dispjaċir. Il-kelma ‘nindmu’ fi Ġwanni l-Battista ma tfissirx biss li jiddispjaċik, imma li tagħraf dak li int quddiem Alla, u tagħraf fejn hu meħtieġ biex int tkun aħjar. Hi dik il-kelma li smajna hawnhekk ikkwotata fl-Evanġelju, li mbagħad jużaha Ġwanni l-Battista: “iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Tiddritta dak li b’xi mod huwa mgħawweġ, biex ikun tassew dak li jwasslek għand Ġesù, it-triq it-tajba li twasslek għand Ġesù.

X’hemm li rridu niddrittaw?

Għalhekk, aħna u nħejju ruħna għall-festa tal-Milied, għall-miġja ta’ Ġesù fostna, tajjeb li aħna nistaqsu lilna nfusna: x’inhu mgħawweġ fil-ħajja tiegħi, li jeħtieġ bil-qawwa ta’ Alla niddritta? Din hi xi ħaġa li aħna nagħrfuha quddiem Alla.

Jistgħu jkunu affarijiet tal-ħajja ordinarja ta’ kuljum, per eżempju jista’ jkun mgħawweġ il-mod kif nittratta lill-oħrajn id-dar, lil dawk li huma qrib tiegħi, u forsi hemmhekk hemm bżonn li niddritta ftit għax ma nistmahomx biżżejjed lil dawk li qegħdin miegħi. Jista’ jkun mgħawweġ il-mod kif nitkellem, forsi kliem mhux xieraq jew kliem lil ma jagħmilx ġid, jew kliem li jweġġa’ lin-nies, kliem li jinsulta. Meta ngħid fuq kif nitkellmu, inżid ukoll il-mod kif niktbu kultant. Tara ċerti kitbiet online, ċerti kummenti, tistħi minflok min jiktibhom! Ikun imissu jistħi min jiktibhom, imma tistħi minfloku meta taqrahom. Jista’ jkun mgħawweġ il-mod kif nittratta lin-nies li ma nafhomx, bħall-barranin – inħares lejhom qishom m’humiex xbieha ta’ Alla. Alla ħalaqhom xbieha tiegħu, imma jien nagħżel li ma nħarisx lejhom bħala xbieha tiegħu. Jista’ jkun mgħawweġ il-mod kif inħares lejn il-flus, li jkunu jikkmadawni huma flok li nużahom għall-ġid. Jista’ jkun mgħawweġ il-mod kif inħares lejn Alla nnifsu.
Qatt ma naqtgħu qalbna

Dan narawh aħna quddiem Alla. L-importanti hu dan: li aħna nkunu onesti magħna nfusna. Ġwanni l-Battista fuq hekk kien jinsisti: li aħna nagħrfu l-verità fuqna nfusna quddiem Alla. Nagħmlu dan mhux biex naqtgħu qalbna. Alla qatt ma jrid li naqtgħu qalbna minna nfusna. Lanqas li ngħidu ‘jien hekk magħmul, x’tista’ tagħmel!’ Imma biex bl-għajnuna ta’ Alla niddrittaw ħalli nimxu tassew fit-triq it-tajba. F’din irid jgħinna ħafna Alla, għalhekk nitolbuh. Żgur ikun l-aħjar mod kif nippreparaw ruħna għall-Milied, għax dan hu l-mod kif Ġwanni l-Battista ried li n-nies jippreparaw ruħhom għall-miġja tal-Messija.

Għalhekk illum nagħmlu din it-talba lill-Mulej: biex aħna nagħrfu lilna nfusna quddiemu, nagħrfu fejn hu meħtieġ li niddrittaw fit-triq tagħna, u hu jagħtina l-qawwa biex bl-għajnuna tiegħu nistgħu niddrittaw dak li hu mgħawweġ u nagħmlu dan b’qalb sinċiera u bl-ikbar imħabba, kif iridna hu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.