Vanġelu (Ġw. 1. 6-8, 19-28): Ġwanni jibda l-Vanġelu tiegħu bi prologu (introduzzjoni): “…il-Verb kien Alla….il-Verb sar bniedem.” Il-verb hu l-kelma. Il-bniedem jgħaddi messaġġi kemm bil-kelma kif ukoll b’ġesti, b’ħarsa, tgħannieqa, bewsa, u anki bl-istess silenzju. Meta Ġesu ħalla midinba tbus riġlejh, għadda messaġġ lil dawk preżenti. Mela l-messaġġ ta’ Ġesu nsibuh f’kulma qal u kulma għamel. Illum Ġesu għadu jkellimna permezz tal-Knisja tiegħu. Jiħtieġ nirriflettu ta’ spiss fuq dil-kelma, għax hi kelma ħajja li saret “id-dawl tal-bnedmin, id-dawl jiddi fid-dlam” (Ġw. 1. 4).
- “Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.” ‘Mibgħut minn Alla jfisser ‘anġlu’ mibgħut fid-dinja biex iwettaq xi ħaġa straordinarja. Meta twieled riedu jsemmuh Żakkarija (żaħar = tiftakar). Ma kienx fadal x’niftakru. ‘Ġwanni’ (Joħanann) ifisser “Alla hu mħabba”. Kulma smajna fuq Alla (imħallef, jikkastiga, eċċ) li ma jaqbilx ma’ Joħanann, jiħtieġ nikkanċellawh minn moħħna. Jekk mhux f’sintonija mal-Kelma li saret Bniedem, Ġesu ta’ Nazaret, jiħtieġ ma niftakruhx iżjed. Ġesu wriena bil-kliem u bil-fatti li l-frażi “Alla jħobb u jippremja lit-tajbin, u jobgħod u jikkastiga l-midinbin” hija gidba. Din kienet maskra li l-bnedmin poġġew quddiem wiċċ Alla biex jipproġettaw fuqu il-mibgħeda u d-diżumanita tagħhom. Ġwanni jistqarr b’ismu li “Alla huwa mħabba, u mħabba BISS”.
- “Dan ġie bħala xhieda.” Is-sinottiċi jsejħu l-Battista prekursur (dak li jipprepara l-miġja) ta’ Ġesu. Ġwanni jżidlu karatteristika oħra: xhieda tad-dawl, i.e. il-verb li se jinkarna ruħu fi bniedem se jkun dawl li jkeċċi d-dlamijiet. Xhud hu dak li kellu esperjenza ta’ xi fatt, u jixhed li dak il-fatt hu veru u seħħ tassew. Il-Battista ra f’Ġesu mhux biss bniedem kwalunkwe (kif sa issa kienu raw in-nies l-oħra) imma għaraf fiH id-dawl li se jirrivela l-wiċċ awtentiku tal-Missier. Isejjaħlu “ħaruf” għax min iġib ruħu ta’ ħaruf huwa bniedem uman, il-bniedem li rnexxa. Min ma jagħmilx hekk hu lupu, bhima salvaġġa. “Jiena d-dawl tad-dinja.” Hekk qal Ġesu, imma aktar tard jgħid lid-dixxipli: “Intom id-dawl tad-dinja.” Mela, l-messaġġ tal-lum hu ċar: aħna wkoll jiħtieġ li nkunu xhieda kemm-il darba nagħmlu esperjenza ta’ dad-dawl, u nkunu nistgħu nitkellmu fuqu ladarba nkunu lqajna dan id-dawl biex imexxi ħajjitna.
- “Il-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.” Il-mexxejja tal-Lhud, imħassba għax Ġwanni sar popolari, bagħtu delegazzjoni biex isaqsuh: “Min int?” Ġwanni wieġeb ċar u tond: “M’inhiex il-Messija.” Fil-ktieb tas-Slaten insibu li Elija ma mietx imma ġie maħtuf f’karru tan-nar. Għalhekk inħolqot ix-xniha li kellu jerġa’ jidher qabel il-miġja tal-Messija. Għalhekk staqsew lil Ġwanni hux Elija. Mose’ ukoll kien qal li qabel ma jiġi l-Messija kellu jiġi profeta kbir bħalu. Il-Lhud dehru mħawda meta Ġwanni ma ffittja fl-ebda waħda minn dawn it-3 kategoriji. Messaġġ ieħor għalina llum hu : qabel nibda nxerred id-dawl ta’ Kristu, jiħtieġ insaqsi lili nnifsi fil-kwiet: “Jien min jien? X’qed nagħmel f’did-dinja? Kif qed nikkomunika ma’ Alla u ma’ ħuti? X’jgħid fuqi Alla? Nista’ ngħid bħal Ġwanni li jien ‘leħen’? Nagħmel differenza bejn ‘kelma’ u ‘leħen’? Il-Kelma li turina wiċċ il-Missier hi Ġesu ta’ Nazaret. Id-dixxiplu mhuwiex il-kelma imma ‘leħen’ li “ jipproduċi ħsejjes li jġorru messaġġ. Meta jieqfu l-ħsejjes u l-messaġġ jasal, allura l-kelma tibqa’. Jekk il-ħsejjes ma jiqfux, il-messaġġ ma jkunx jista’ jasal. Jekk il-ħsejjes jisktu, il-kelma tibqa’ u l-leħen ikun wettaq il-missjoni tiegħu” (S. Wistin). Dan jurina l-identita tal-Battista bħala leħen. Din missjoni afdata lilna wkoll: irridu nkunu ta’ servizz għall-kelma billi nagħtuha leħen.
- “Wittu t-triq tal-Mulej.” Fost l-evanġelisti, Ġwanni biss iżid dil-frażi u jħalli barra “ippreparaw”. Il-jiem ta’ preparazzjoni għaddew. Il-Mulej wasal. Urġenti, mela, li nwittu t-triq, il-ħotob f’ħajjitna, ħalli mmorru niġru nilqgħuh. Ġwanni jgħid hekk lil Lhud li għawġu kemm felħu l-kelma t’Alla kif jaqblilhom, u kkumplikaw il-ħajja bil-mijiet ta’ liġijiet li vvintaw. Dan messaġġ għalina biex ma nikkumplikawx ħajjitna bi tradizzjonijiet, wegħdi u kurunelli esaġerati, ħalli b’hekk nagħmlu dil-ħajja Nisranija aċċessibbli għal kulħadd.
- “Għaliex qiegħed tgħammed?” “Jien ngħammed bl-ilma lil min jintebaħ li qed jgħix fid-dlam u qed ifittex id-dawl. Dan id-dawl ġa qiegħed f’nofskom, imma intom ma ntbaħtux bih u ma għaraftuhx. Jien għaraftu. Iċ-ċpar tat-tagħlim żbaljat li ħadtu mill-mexxejja tagħkom mhux qed iħallikom tirrikonoxxu dan id-dawl. Qalbkom u moħħkom għadu magħluq, u mhux qed tħallu dan id-dawl ikun parti mill-programm ta’ ħajjitkom. Ġesu għalikom mhux il-Messija li kontu qed tistennew.” Dan il-kliem jgħodd għall-bnedmin tal-lum ukoll: “Oqogħdu attenti. Iftħu għajnejkom. Il-Mulej f’nofskom u m’intomx tagħrfuh. Qed tħallu l-moderniżmu jgħammxilkom għajnejkom u qed tinġarru mal-kurrent ta’ kif jaħsbuha llum in-nies tad-dinja. Mhux qed tinkludu dan id-dawl fl-aġenda tagħkom, allura l-anqas biss qed tfittxuh. Għamiltu bħal-Lhud ta’ dari u pinġejtu Messija kif jaqbel lilkom, i.e. wieħed li jsolvi l-problemi materjali kollha f’ħakka t’għajn. U meta dan ma jseħħx (għax dan mhux il-messija awtentiku) titilfu kull interess fil-Messija kif tassew hu.” U aħna qed nistennew Messija bħal dan, jew wieħed li jagħti sens lill-ħajjitna kollha kemm hi, billi nagħti widen għal-leħen tal-Kelma?
- “Il-qfieli tal-qorq.” Ġa għidna fuq hekk il-Ħadd li għadda. Ġwanni qed jgħid: “Jien m’inix l-Għarus. L-Għarus hu Kristu. Jien biss il-ħabib tal-Għarus u jiħtieġli nara li kollox imur sew. Jien ma nistax inħoll il-qorq tal-Għarus għax hu ma jridx jiċħad id-dritt li jingħaqad mal-Għarusa (il-Komunita) li Hu tant iħobb.” Aħna wkoll ħbieb tal-Għarus u rridu ngħinu biex dan “iż-żwieġ” iseħħ biex l-Għarus ikun jista’ jgħammar f’aktar u aktar bnedmin.
- “Dan ġara f’Betanja..” Din mhix fejn kien joqgħod Lazzru imma Betabara, i.e. il-post fejn Ġożwe mexxa l-Lhud biex, wara li qasmu x-xmara, ħallew warajhom l-iskjavitu u daħlu fl-art tal-ħelsien. Aħna llum irridu naraw x’qed jgħassarna, biex bl-għajnuna tad-dawl li ġa qiegħed f’nofsna, nibdew nerġgħu ngħixu ħajja verament ħielsa.