4. Il-kant tal-Milied
X’aktarx li fil-Furjana l-kant ma tantx inbidel imma baqgħu jitkantaw l-għanjiet tradizzjonali. Minn ġimgħat qabel, kienu jsiru l-provi magħrufin bħala ’il-kunċert’. Il-kor tal-kant kien jagħtina l-opportunità li niġu mistiedna f’okkażjonijiet diversi fi żmien il-Milied. Ħafna snin ilu, it-tfal tal-Furjana kienu jagħmlu l-purċissjoni tal-Bambin fl-Isptar Ċentrali, li llum hu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Konna mmorru l-Imgieret (illum l-Isptar St Vincent de Paul). Lejliet il-Milied konna nagħmlu programm għand l-’Inġinieri’, workshop tal-militar, ftit ’l isfel mill-monument ta’ Dante Allighieri. Għal din l-attività kien jistedinna s-Superjur, li niftakar biss ismu, Spiru, li fil-Museum kien inkarigat mill-istudju tal-Evanġelju. Kien ikun hemm raġel idoqq magħna bis-serrieq, b’leħen irqiq bħall-vjolin.
Konna mmorru wkoll Albert Town, li dak iż-żmien kienu jafuha bħala l-Belt il-Ġdida. Kien jieħu ħsieb Dwardu Dimech, mill-Furjana, raġel qaddis, iddedikat għal dawk li kienu mbiegħda mill-knisja. Ma’ Dwardu konna mmorru fil-Milied ir-Racecourse, il-Marsa, ġo ħanut kbir u hemm issir il-priedka, poeżiji u kant tal-Milied. Konna nagħmlu wkoll programm tal-Milied fit-Tarzna, fil-ħin tal-mistrieħ tal-ħaddiema.
Kien hemm żmien li konna nkantaw, mill-gallerija tal-orgni, fil-Quddiesa ta’ nofsillejl fl-kappella tad-Duluri, f’Tal-Pietà. Kien iqaddes Dun Ġużepp Borg Hampton, mill-Furjana, li tant kien ġeneruż mat-tfal tal-kor.
Hawnekk kellna storja li ma ninsiha qatt. Il-kor kien ikun akkumpanjat minn orkestrina: żewġ vjolini, klarinett, vjolinċell u kuntrabaxx. Minflok karti tal-kant konna nużaw ktieb kbir, fuq leġiju tal-ħadid. Kien leġiju iswed, tqil tgħidx kemm, li konna niħduh magħna bl-mixi mill-Furjana għal Tal-Pjetà. Il-leġiju kien joqgħod fuq stand, tal-ħadid ukoll. F’waqt minnhom, jgħaddi tifel bil-ġirja, jolqot il-leġiju, u n-naħa ta’ fuq taqa’ għal isfel u titgerbeb fuq it-tapit tal-passaġġ. B’xorti tajba ma laqtet lil ħadd. Għedt lit-tifel li waqqa’ l-leġiju biex jinżel u jġibu. Qalli: ”Mela x’nagħmel!” Ma ridtx wisq biex nifhem it-tweġiba pronta tiegħu!