Il-Papa jħeġġeġ lill-komunità Taizé biex tifrex it-tama fi żminijiet diffiċli
Il-komunità Taizé qed tħejji biex tospita l-43 laqgħa annwali Ewropea tagħha b’mezz li sar dejjem aktar komuni f’din is-sena, dak ‘online’. Oriġinarjament din kienet ippjanata li ssir fil-belt Taljana ta’ Turin, issa ser issir b’mod virtwali u tibda mis-27 ta’ Diċembru sal-1 ta’ Jannar. Il-Papa Franġisku ngħaqqad fiċ-ċelebrazzjoni annwali b’messaġġ iffirmat mill-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa faħħar lill-membri żgħażagħ ta’ Taizé talli wrew “kreattività u mmaġinazzjoni u talli sabu mod kompletament ġdid biex jiltaqgħu flimkien”. Minflok avveniment esklussivament Ewropew, il-laqgħa ta’ din is-sena hija miftuħa għal parteċipanti minn madwar id-dinja. “J’Alla dawn il-jiem, li matulhom ser titolbu flimkien u tappoġġjaw lil xulxin fil-fidi u l-fiduċja, jgħinukhom tittamaw fl-istaġun u barra mill-istaġun”, stqarr il-Papa Franġisku.
Waqt li semma l-enċiklika riċenti tiegħu Fratelli tutti, l-Papa fakkar liż-żgħażagħ ta’ Taizé li “ħadd ma jista’ jiffaċċja l-ħajja b’mod iżolat”. Huwa qal li kulħadd għandu bżonn komunità, u ħeġġiġhom biex jevitaw li jxerrdu d-disperazzjoni u n-nuqqas ta’ fiduċja, li tinnewtralizza t-tama mogħtija mill-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt. “Ħallu lilkom nnfuskom timtlew bit-tama”, qal il-Papa Franġisku. “Dan jagħtikom il-kuraġġ li ssegwu lil Kristu u li taħdmu flimkien ma’ u għal dawk l-aktar fil-bżonn, speċjalment dawk li jsibuha diffiċli jiffaċċjaw it-tbatijiet tal-mument preżenti”.
Fl-aħħarnett, il-Papa ħeġġeġ lill-parteċipanti fil-laqgħa virtwali ta’ Taizé biex “jiżvillupaw kultura ta’ laqgħa u fraternità, u jimxu flimkien lejn dak l-orizzont ta’ tama żvelat mill-Qawmien ta’ Kristu”. Il-Qdusija Tiegħu bagħat il-Barka Appostolika tiegħu fuq il-membri kollha tal-komunità Taizé u dawk kollha li ser jieħdu sehem fil-laqgħa nternazzjonali ta’ din is-sena.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-12/pope-francis-message-taize-community-european-encounter.html