Nirbħu flimkien l-isfidi ta’ Sena Ġdida

Print Friendly, PDF & Email

Ix-xahar ta’ Jannar reġà magħna. Ma’dan ix-xahar nagħtu bidu għal sena oħra, għal sena ġdida. Sena ġdida ġġib magħha diversi xewqat sbieħ li nawguraw lil xulxin, diversi proponiment li nkunu forsi diġà għamilnihom is-sena li għaddiet u ma rnexxilniex inwettquhom, għalhekk għal darb’oħra nagħmlu tentattiv ieħor. Is-sena l-ġdida ġġib magħha wkoll sfidi ġodda, uħud minnhom jiġu bla ma nkunu nafu bihom u oħrajn nobsru u nistennewhom għalhekk nidħlu ppreparati għalihom.

Dan kollu ġara matul is-sena 2020, is-sena li għada kemm spiċċat, is-sena li għaddiet għall-arkivji tal-istorja. Min kien jobsor li ser ikollna sena daqshekk sewda, maħkuma mill-imxija tal-coronavirus! Għal ħafna s-sena li għaddiet kienet sena mimlija sfidi, sfidi li ġew bla ma konna qed nistennewhom. Qed nitkellem mill-isfida tal-Coronavirus li lkoll kemm aħna affrontajna. Sitwazzjoni li lkoll għaddejna minnha u li jidher li għas-sena 2021 ser tibqa’ hemm.

TLETT SFIDI GĦAS-SENA 2021

U proprju fuq dan nixtieq inħarbex dawn il-versi tiegħi. Mhinix xi profeta, imma faċilment wieħed jista jobsor liema ser ikunu l-isfidi prinċipali, fost tant oħrajn,  li sejrin flimkien naffrontaw għal din is-sena li għada kemm twieldet. Kif jingħad: ‘Il-passat huwa meta tal-futur.’ Nixtieq naqsam magħhkom dak li qed inħoss bħalissa u dak li nobsor li ser ikollna nafrontaw matul is-sena l-ġdida.

1. INKOMPLU NIEĦDU ĦSIEB XULXIN

Jidher ċar li l-COVID-19 ser jibqa’ magħna. Sakemm qed nitkeb dan l-editorjal nstemmgħu diversi ilħna li jġibu ferħ, tama u ottimiżmu dwar is-sejba tal-vakuna li mhux biss tfejjaq li min ikun inħakem minn dan il-virus qerriedi imma wkoll fiha l-qawwa tal-prevenzjoni. J’Alla din tħalli r-riżultati mixtieqa! Nitolbu sabiex dan iseħħ illum qabel għada. Diġà bdejna nieħdu din it-titqiba. Hemm min qed imur għaliha bil-kuraġġ kollu u hemm min għadu qed jibżà. Kull mediċina ġdida ġġib magħha dawn ir-reazzjinijiet. Ejjew inkunu ottimisti! Imma għalkemm għandna f’idejna din il-mediċina xorta waħda  jinħtieġ li għal sena oħra nkomplu nieħdu ħsieb xulxin. Nobdu r-regolamenti li kuljum jisħqu fuqhom l-awtoritajiet tas-saħħa: a) Nilbsu il-maskra jew il-visor; b) inżommu d-distanza soċjali; c) naħslu idejna spiss bis-sapun jew bil-senitizer; d) Ma noħorġux minn djarna jekk mhux għal veru bżonn.  Ngħixu l-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu billi nibżgħu għas-saħħa ta’ xulxin.

2. MA NĦALLUX LI NINKAKMU MINN BIŻÀ ESEĠERAT

Importanti li quddiem din is-sitwazzjoni li għexna matul is-sena 2020 u li jidher li ser inkomplu ngħixuha għal matul is-sena 2021, nilbsu attitudni ta’ biżà, imma biżà responsabbli u mhux biżà negattiv. Hemm biżà u biżà. Hemm biżà frott is-sens ta’ responsabbiltà li lkoll għandu jkollna, dan huwa biżà pożittiv. Imma hemm biżà negattiva li jkompli jmarrdek, jagħlqek fik innifsek, idaħħlek f’dipressjoni, ansjetà u tensjoni. Irridu noqgħodu ferm attenti li ma nħallhux li l-pandemija tal-Coronavirus toħloq pandemija oħra, jiġifieri l-pandemija tal-biżà.

3. NIĠĠIELDU L-ISFIDA TAS-SOLITUDNI

Nemmen li din hija t-tielet sfida li sejrin inkomplu inħabbtu wiċċna magħha għas-sena l-ġdida. Hemm min jistqarr li din il-kundizzjoni tal-loniliness tant qed taħkem persuni speċjalment dawk vulnerabbli li diġà laħqet il-livell ta’ pandemija. Ħafna, diġà qabel il-miġja tal-COVID-19 kien qed jgħixu f’solitudni. Issa li ġejna maħkuma minn din pandemija nibtu persuni ġodda li qed jaqgħu bħala vittmi tal-lonileness. Il-biżà li l-COVID-19 qed joħloq speċjalment fuq persuni li qed jgħixu weħedhom, persuni vulnerabbli minħabba l-età jew xi mard kroniku li jbatu bih, qed iġegħelhom jingħalqu f’darhom. La huma ma joħorġu u lanqas tal-familja u ħbieb ma jistgħu jmorru jżurhom.

Quddiem din is-sitwazzjoni nkunu ottimisti u pożittivi.

  • Infittxu l-għajnuna. Jekk hemm bżonn anke għajnuna professjonali.
  • Inkattru fina l-fidi – fiduċja f’Alla.
  • Nuru solidarjetà bejnietna. Ngħinu lil xulxin. Ma nkunu qatt egoisti.
  •  Nieħdu ħsieb is-saħħa ħolistika ta’ xulxin.
  • Din hija sitwazzjoni li jew nitilfu l-battalja flimkien minħabba n-nuqqas ta’ maturità u responsabbiltà jew niddeċiedu li nirbħu flimkien billi nkunu tassew poplu dixxipplinat u altruwista.
  • DAN HUWA L-AWGURJU TIEGĦI GĦALIKOM ILKOLL GĦAS-SENA L-ĠDIDA – GĦAS-SENA 2021. MAQGĦUDIN FLIMKIEN NIRBĦU KULL SFIDA LI HEMM LESTA GĦALINA MATUL IŻ-ŻMIEN LI ĠEJ.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!       

Minn Fr. Philip Cutajar OFMCap 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.