Il-Ġimgħa, 1 ta’ Jannar 2021: Omelija tal-Isqof Anton Teuma fl-Ewwel tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla u l-Jum Dinji tal-Paċi. Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.
Filmat tal-Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni ta’ Marija Omm Alla, Jum l-Ewwel tas-Sena u Jum Dinji tal-Paċi fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria. 1 ta’ Jannar 2021 …
Omelija fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 1 ta’ Jannar 2021
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex
NIVVERIFIKAW IL-BARKA TAL-MILIED
“Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jitfa’ d-dija ta’ wiċċu fuqek il-Mulej, u jurik il-ħniena! Iħares lejk b’ħarsa ta’ mħabba l-Mulej, u jagħtik is-sliem” (Num 6:24-26).
M’hemmx kliem isbaħ minn dan biex tixtieq il-ġid lil persuna! Dan il-kliem il-Knisja tagħżlu biex ikun l-ewwel direct speech ta’ Alla, l-ewwel Kelma ta’ Alla lill-poplu, lilna, fl-Ewwel tas-Sena.
Il-Lhud meta kienu jagħmlu din il-barka, li kienet barka tassew speċjali, kien hemm rit sħiħ marbut magħha. Anki l-mod ta’ kif ipoġġu l-idejn is-saċerdoti, li huma biss kienu jistgħu jagħmluha din il-barka, Aron u wliedu. “Għid lil Aron”, Alla jgħid lil Mosè, “għid lil Aron u lil uliedu” (Num 6:23). Aron huwa l-kap tat-tribù tas-saċerdoti. Anki l-pożizzjoni tal-idejn, kif kienu jpoġġu jdejhom biex ibierku l-poplu, kellha sinifikat. Il-mod ta’ kif kienet titqiegħed l-id, il-mod ta’ kif ibiegħdu s-swaba’ minn xulxin biex ibierku, kien juri l-ittra Shin (ש) tal-alfabett Lhudi, l-ewwel ittra tal-kelma ‘Xaddaj’, il-Mulej: ‘il-Mulej jiġi fuqek’. U mhux biss… Jekk smajtu sew il-Qari, Alla lil Mosè jgħidlu li l-barka hekk għandha tkun u mhux mod ieħor, hekk iridu jbierku u mhux mod ieħor. Tant fehmuha din is-saċerdoti Lhud illi kienu jagħmlu din il-barka bl-Ebrajk. Aħna nafu li fi żmien Ġesù kienu jitkellmu bl-Aramajk, li kien speċi ta’ djalett tal-Lhudi. Imma l-barka, bl-Aramajk, bil-lingwa ta’ Ġesù ma kinitx tgħodd, allura kienu jagħmluha bl-Ebrajk, tant kienet barka importanti li tixtieq il-ġid lill-poplu.
Imma jekk il-kelma barka tfisser xewqa ta’ ħajja, kemm hi barka ikbar Marija! Fil-bidu tal-Ġenesi: “U berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u mlew l-art’” (1:28). Mela l-barka, l-ewwel u qabel kollox, tfisser ħajja u dak kollu li ġġib magħha: il-pożittiv, is-sabiħ. Kemm iktar Marija hija barka! Għax hi kienet dik li permezz tagħha Alla tana l-ħajja, l-ikbar ġid, l-ogħla ġid, lil Ġesù. Imma Ġesù tant iħallina fil-libertà, tant ma jimponix lilu nnifsu, tant huwa proposta li tirrispetta l-identità u d-dinjità tal-persuna, illi jekk aħna ma nilqgħuhx, ma niftħux qalbna, idejna, moħħna biex nilqgħu dan id-don, nistgħu nirriskjaw li ma ngawduhx u ma nagħmlu qatt esperjenza vera tiegħu.
Il-Vanġelu li smajna (Lq 2:16-21) jurina kif dawn ir-ragħajja sempliċi, fl-umiltà tagħhom laqgħu lil Ġesù. U hija esperjenza li jien u int irridu nagħmlu dan il-Milied, inkella jkun ġie għalxejn. Illum l-Ewwel tas-Sena, xi nbidel mill-bieraħ għal-lum? X’ser jinbidel mil-lum għal għada? Xejn. Id-data minn 20 nagħmlu 21.
Kif tista’ tinbidel xi ħaġa? Kif tista’ tkun sena ġdida? Kif ikun jum ġdid illum? Jekk ninbidel jien, jekk tinbidel int. Il-bqija għalxejn nittamaw u nisperaw li tinbidel id-dinja ta’ madwarna. Għalxejn nittamaw u nisperaw li d-destin tal-2021 ikun aħjar minn tal-2020. Kompensazzjoni fil-fantasija, isejħulha l-psikologi, u hija riskju li aħna nistgħu nġarrbu, dak li nimmaġinaw u noħolmu r-realtà. Din inħabbtu wiċċna magħha kuljum. Il-bidla tista’ sseħħ tassew meta jien inbiddel qalbi, meta jien niftaħ u nċarrat ftit ieħor qalbi biex nilqa’ lil Ġesù. Dakinhar verament nista’ ngħid li jkun l-Ewwel tas-Sena, li ‘llum beda jum ġdid’.
Il-Vanġelu jurina kif ir-ragħajja, wara li semgħu l-aħbar tal-anġlu, jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw jekk dak li qalulna hux minnu jew le” (v. 15). Dawn il-ġranet smajna l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù. San Luqa jaqsamha fi tliet partijiet ċari daqs il-kristall. Kieku jkollna naqraw Luqa 2:1-20, insibu tliet paragrafi distinti sew minn xulxin.
L-ewwel paragrafu: il-ġrajja, x’ġara… Ċesari Awgustu, ċensiment, Ġużeppi u Marija jmorru Betlehem jinkitbu, ma jsibux fejn joqogħdu, waslilha ż-żmien, tiled lil Ġesù f’maxtura.
It-tieni paragrafu: it-tħabbira tal-ġrajja. Għall-ġrajja ma kien hemm ħadd ħlief Ġużeppi u Marija. It-tieni paragrafu jagħti t-tħabbira tal-ġrajja: l-anġlu jħabbar lir-ragħajja: “Tweldilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej… la tibżgħux… morru u ssibu tarbija mfisqija, mimduda f’maxtura” (ara vv. 11-12). Aħna, preċiżament bħar-ragħajja, ma konniex hemm, imma smajna t-tħabbira tal-ġrajja, fil-Vanġelu ta’ bħal-lum ġimgħa – il-Milied.
It-tielet paragrafu, dak li qrajna llum: il-verifika tal-ġrajja. Ir-ragħajja jmorru jivverifikaw jekk it-tħabbira dwar il-ġrajja hix minnha. Dik nistgħu nagħmluha jien u int ukoll. Imma veru? Imma veru aħbar ta’ ferħ? Imma veru tweldilna Salvatur? Imma veru tweldilna l-Ħellies li tant ilna nistennew?
Kif ser nagħmlu l-verifika ta’ din il-ġrajja? Nagħmluha meta bħar-ragħajja aħna mmorru nfittxu s-Salvatur, infittxu lil Alla fiċ-ċkejken, fiż-żgħir. Fejn ser immur? Ibda mid-dar! Min hu ċkejken fid-dar tiegħek? Min hu dak l-iktar fil-bżonn fil-familja tiegħek? Ieqaf ftit u aħseb min hu dak l-iktar fil-bżonn fil-familja tiegħek. Tista’ tkun tarbija tat-twelid, imma tista’ tkun il-mara tiegħek li għaddejja mill-problemi, għaddejja minn stress, għaddejja minn żmien tqil, minn żmien iebes. Jista’ jkun missierek li ma għadux iqum u għandu bżonn l-għajnuna. Min hu? Min hi dik il-persuna dgħajfa li hemm fid-dar tiegħek?
Għaliex? Għax dak hu s-Salvatur tiegħek. Dak hu Alla magħmul bniedem għalik illum. Dak hu Ġesù Kristu li jsir biċċa laħam, fil-fraġiltà tal-persuna li għandek maġenbek, titolbok fil-bżonn.
Tgħiduli: kif? Irridu nippruvaw. Ċerti esperjenzi, jekk ma nagħmluhomx, ma nifhmuhomx. Meta int tibda tħobb tassew il-persuna li għandek maġenbek u li qiegħda fil-bżonn, tagħmel l-esperjenza tar-ragħajja. Dawk marru u fil-persuna fraġli, f’dik it-tarbija dgħajfa ta’ ftit sigħat, għarfu lil Alla; u qimuha bħallikieku kienet l-aqwa Re, l-aqwa persuna, l-iktar potenti li tista’ teżisti fid-dinja. Il-persuna li għandha kollox f’idejha, hekk trid tqimha. Hekk trid tieħu ħsiebha, hekk trid tħobbha l-persuna li għandek fil-bżonn id-dar. Imbagħad tivverifika, u tgħid hux veru jew le: twieled is-Salvatur. Imbagħad tara jinbidlux l-affarijiet, tara jkunx l-Ewwel tas-Sena ta’ veru. Imbagħad tara tkunx ġurnata ġdida tassew. Dakinhar imma!
Interessanti l-Misteru tal-Milied, il-misteru tal-Maternità ta’ Marija. X’tgħallimna Marija, li tilqa’ lil din it-tarbija? Immaġinaw lil din it-tfajla li tilqa’ lil din it-tarbija u tikkunsidraha, tqisha, taduraha bħala l-Iben ta’ Alla. Tħobbha, tirrispettaha bħala l-Iben ta’ Alla. Xi jrid ikollok biex tagħmel biċċa xogħol bħal din? Ħafna umiltà. Il-Papa qal fil-messaġġ tal-Milied: “Jekk ma jkollniex l-umiltà, diffiċli biex nifhmu x’jiġifieri Alla jsir bniedem”. Jekk ma jkollix l-umiltà, diffiċli nagħmel esperjenza ta’ xi ħadd li jsalvani. U meta int tħobb lil bniedem dgħajjef, meta int tiċċelebra l-Milied, u ġġibu llum fis-sena 2021, u ma tħallihx ta’ 2021 sena ilu, imma ġġibu preżenti llum; meta inti tħobb il-bniedem batut, il-bniedem fraġli, int tinduna li mhux int is-salvatur tal-persuna dgħajfa, imma l-persuna dgħajfa hi s-salvatur tiegħek. Il-persuna dgħajfa hija dik li toħroġ minnek il-pożittiv, hija dik li tagħmlek ħanin, li tkabbarlek qalbek, li tbiddlek, li tagħmlek iktar bniedem.
U allura verament aħna bħar-ragħajja nistgħu mbagħad infaħħru lil Alla, irroddulu ħajr għal dak kollu li nkunu rajna, li nkunu smajna, għall-esperjenza. Il-fidi mhix xi ħaġa tal-moħħ, il-fidi mhix xi ħaġa tal-moħħ biss. Il-fidi mhix xi ħaġa tal-qalb, il-fidi mhix xi ħaġa tal-qalb biss. Imma l-fidi hi xi ħaġa tal-idejn. Għaliex?
Kif taf jekk persuna tħobbokx jew le? Kif taf jekk intix tħobb tassew persuna jew le? Għax tibgħatlek fuq il-Facebook u tagħmillek ħafna likes? Għax tibgħatlek messages minn filgħodu sa filgħaxija? Ħolm, ħolm! Dellirji tal-moħħ, fantasija tal-emozzjonijiet tagħna! Kif taf jekk persuna tħobbokx? Din ngħidha b’mod speċjali lil min iħossu maqbud bejn żewġ imħabbiet, bejn żewġt irġiel jew bejn żewġ nisa. Min iħobbok l-iktar? Dak li jagħmel xi ħaġa għalik. Mhux dak li jgħidlek ħafna affarijiet, imma dak li jagħmel xi ħaġa għalik.
L-imħabba hija azzjoni. Il-fidi nagħmel esperjenza vera tagħha meta ssir azzjoni. Inkella Ġesù Kristu jibqa’ teoriji, sbieħ kemm tridhom, imma lili f’qalbi ma jħalluli xejn, f’ħajti ma jbiddluli xejn. U Ġesù Kristu ġie biex ibiddel, biex isalva lill-bniedem… l-ewwel wieħed lili. Hekk qalilna San Pawl (ara Gal 4:4-7).