Persuni bla dar jirċievu vaċċin tal-Covid-19 fil-Vatikan

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ħarġet stqarrija fejn qalet li 25 persuna bla dar ġew imlaqqma bil-vaċċin Covid-19 fis-Sala Pawlu VI tal-Vatikan.

Id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Santa Sede Matteo Bruni qal li dawk imlaqqma l-Erbgħa filgħodu huma parti minn grupp ta’ nies li regolarment jirċievu għajnuna mill-Uffiċċju tal-Karitajiet Papali. Huwa żied li nies foqra oħra se jirċievu l-vaċċin fil-jiem li ġejjin.

Wieħed minn dawk li rċevew l-ewwel doża tal-vaċċin kien Mario, li qal li jħoss li issa għandu “sigurtà żejda”.

Il-Papa Franġisku kien afferma x-xewqa tiegħu li parti mit-tilqim disponibbli għall-kampanja ta’ tilqim fil-Vatikan tiġi offruta lil dawk l-aktar fil-bżonn. “Nirringrazzjaw lill-Papa għal dan ir-rigal,” qal Mario, f’isem l-24 persuna l-oħra preżenti nhar l-Erbgħa filgħodu fis-Sala Pawlu VI.

Il-persuni li ngħataw din il-possibbiltà huma dawk li jirċievu kenn u għajnuna f’diversi faċilitajiet immexxija mill-Knisja qrib il-Vatikan. Huma rġiel u nisa ta’ 60 sena jew aktar, kemm ċittadini Taljani kif ukoll barranin, li ħafna minnhom qed ibatu minn diffikultajiet serji ta’ saħħa.

Waqt li kkoordina l-inizjattiva, Carlo Santoro tal-Komunità Sant Egidio qal li huwa konformi mat-twemmin tal-Papa Franġisku li “Ħadd ma jiġi salvat waħdu.” Il-Komunità Sant Egidio bbażata f’Ruma, li hija ddedikata għas-servizz tal-foqra, kienet xhieda diretta tal-ħafna diffikultajiet żejda li esperjenzaw il-foqra minn meta bdiet il-pandemija.

Santoro enfasizza kif il-Covid affettwa anke l-aktar affarijiet sempliċi bħal “li tirċievi karità jew sandwich sempliċi minn ħwienet li għalqu.” L-Uffiċċju tal-Karitajiet Papali, ilu jagħti l-għajnuna lill-aktar nies fil-bżonn u l-aktar vulnerabbli mill-bidu tal-pandemija. Il-Milied li għadda, ġew ipprovduti 4,000 swab test tal-Covid-19 għall-persuni bla dar f’Ruma, filwaqt li mediċini, maskri u respiraturi ngħataw mad-dinja kollha.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-01/vaccine-covid-19-poor-homeless-vatican.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading