B’qasma ta’ qalb din hi l-esperjenza li ngħaddu minna meta niddeċiedu li nħobbu bil-kriterji ta’ Ġesù. Jiġifieri, li nħobbu sal-aħħar u mingħajr kantunieri (ara Ġw 13:1)! Sal-punt li niġu mweġġa’!
Il-weġgħa tabilħaqq kiefra ħbieb! Għax, il-viltà, qiegħdha f’min iweġġgħek. F’dan il-waqt tad-diskussjoni tagħna iddeċidejt li nagħlaq nara ħalqi u nħalli s-salmista ittradut tas-Salm 55 jitħaddet waħdu. Miegħi, ngħidlek, sieħbi, ejjew inħalluh ikellimna, aħna li ġejna mweġġa’. Aħna li, minn fuq, l-għaliex il-Mulej jaħdem fina, u bina, lilu jagħmillu u lilha jagħmlilha l-ġid! Għalhekk, qiegħed fejn qiegħed u qiegħdha fejn qiegħdha, nistiednek li tieqaf. Taqra bil-mod. U ħalli din il-Kelma ta’ Alla, f’Salm 55, tidħollok fil-mudullun ta’ għadmek bħalma tidħol f’tiegħi.
Mhuwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. Mhux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu. Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla (Salm 55:13-15).
Taqraha din is-silta ta’ dan is-Salm żgur li tqabbiżlek id-dmugħ! U għandha l-għaliex tafux! Kif? Kont ħaġa waħda miegħu? Konna tant nitħaddtu flimkien jien u hi? Possibbli li kellha l-ħila tgħid proprju dak id-diskors minn wara dahri? Possibbli, minn daqs dawk nies, kellu jkun hu li jdaħħalli s-sikkina? Iva ħija! Kellu jkun hu! Bħalma kellha tkun hi oħti! U l-weġgħa tkun kiefra! Għax ix-xafra tal-ingratitudni tidħol sa ġewwa nett nett! U tgħawwar kemm tiflaħ! U tafu x’jgħawwarha ħbieb? Is-salmista qed jagħtihielna bil-kuċċarina t-tweġiba: it-tifkiriet! Qed jgħidlu lil dak li ttradieh, lil dak li qasamlu qalbu: Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla (S 55:14-15). U tafu fejn hi l-vilta l-oħra ħbieb? Ħa nħallu s-salmista jgħidhielna hu, fi kliemu stess: Mhuwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. Mhux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu (S 55:13).
Dik weġgħa! Ġiet minn xi ħadd minn ġewwa! Minn xi ħadd li ma setgħax aktar jinħeba minnu! Minn xi ħadd li kien jafu sewwa u għalhekk kien jaf bl-amment bl-għomma tiegħu! Minn dak li, saħansitra, kien ikun miegħu fit-tempju! Din kbira tafux! Imma hekk hu! Minn xi ħadd li kien ikun miegħu fit-tempju nerġa’ ngħidlek! U dan għax qed jgħidha s-salmista! Mill-post fejn suppost hemm il-lejaltà tal-imħabba. Imma spiċċa kien il-post tat-tradiment tal-imħabba. Il-post tal-fraternità, għax il-Mulej il-Missier tagħna, ilkoll kemm aħna. Imma dan il-post qaddis spiċċa proprju l-post fejn nibtet mibegħda tal-waħ waħ waħx!
Allura miskin ittih xi tort li għal dan il-mument ma jiflaħx aktar? Li jrid imur jara fejn se jinħeba biex forsi din l-imbierka ġerħa li għandu ħierġa minn qalbu jagħmlilha xi ħaġa, xi garża garżun? Ħalli forsi l-gelgul tad-demm li ħiereġ minnha jibda,’ xi darba, jieqaf? Kiefra ħbieb id-daqqa! U l-aktar, u issa ejjew ngħiduha kif inhi mingħajr tidwir, id-daqqiet li jiġu mit-tempju! Minn dawk li jmorru fit-tempju. Minn dawk li jkunu ħafna t-tempju. Minn dawk li jaqdu fit-tempju. Minn dawk li jonqoshom sodda fit-tempju l-għaliex dejjem hemm ikunu!
Għalkemm fuq hawn, l-Ispirtu s-Santu, (u li hawn min ma jiflaħnix għax insemmih), qed jurini li għandi nagħmel differenza differenzun! Irridu nagħmlu naqra differenza bejn min qiegħed VERU fit-tempju u min hu ħabib tas-sagristija. Bejn min jaqdi lill-Mulej li jħenn, jaħfer, jagħder u jagħti t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u ma nafx kemm-il ċans, u min ma jħennx, ma jaħfirx, ma jagħdirx u ma jħallix nemusa tgħaddi minn quddiem imnieħru li ma jridx jeżaminha. Aħseb u ara mela kemm se jagħti ċans!
Intant … Meta jweġġgħulek qalbek sieħbi, għax tkun veru ħabbejt, kemm dawk ta’ ġewwa t-tempju u kemm dawk tas-sagristija u anki dawk ‘il barra minnhom, dawk stess li għandek iduru ma’ saqajk fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-kunvent u ma nafx fejn, u anki lil dawk li urejthom kif isiru sinjuri u issa qed ituk bis-sieq, nissuġġerilek li tmur passiġġjata. Jekk dejjem tista’ timxi. U miegħek ħu l-Kuruna tar-Rużarju.
Imma jien ili ma nitlob Patri? U, ċertu talb, donni nsejtu? Ma jimpurtax! Naf x’jien ngħidlek. Meta jweġġgħulek qalbek mur miexja. U KELLMU! Għidlu x’għamlulek! Bħalissa nistħajlek tgħidli: “Imma dan mhux Alla? Mhux kollox jaf? M’għandix bżonn ngħidlu?” Le sieħbi! Għidlu! Għax meta tgħidlu jagħmel tajjeb lilek. IFTAĦ QALBEK MIEGĦU! Tarraflu x’għamlulek. Tikkonfondix jekk, waqt li tkun qed tkellmu, tiżżerżaqlek xi waħda. Minix ngħidlek żerżaqha apposta. Inkella nkun qed nagħtik arma f’idejk biex tweġġa’ biha int u tweġġa’ qalb il-Mulej li tant iħobbok. S’issa, għall-grazzja tal-Mulej, għadni ma ġġennintx. Għalhekk ngħidlek, dak li għandek fuq l-istonku tiegħek żvogah miegħu.
Ħa ngħidlek sieħbi: jieħu pjaċir ta li jisimgħek tiżvoga miegħU. Xi nies tad-dinja ma jifilħux għal dan it-tip ta’ żvugar. Għax, imsieken, diġà għandhom il-problemi tagħhom ma’ xiex iħabbtu wiċċhom. Aħseb u ara mela kemm huma kapaċi u kemm għandhom is-saħħa jisimgħu bid-dwejjaq tiegħek. Li, u ħa nerġgħu ngħiduha, ma joħorġux ħelu ħelu imma f’għamla ta’ lava ta’ Vulkan kollu kubrit u żbruffar.
U wara li titħaddet miegħu, qalb ma’ qalb, għall-ewwel taħseb li ma semgħekx. Li ittarrax għalik. Nifhmek li tibda’ tħossok li anki Hu għadda ż-żmien bik. Imma le tafx! Ma jkunx hekk il-każ. Ibda’ oqgħod attent u stenna għal dak li jkun se jiġri. L-għaliex tabilħaqq li tissorprendi ruħek. U, ma niskantax jekk tgħidli, bħalma qaluli xi wħud: “Tiskanta Patri!” Imma illum, lil dawn l-aħwa, minn qalbi ngħidilhom: “Le ħbieb! Tiskantaw b’xejn! Għax la kellimtuh jismagħkom! U jweġibkom żgur, żgur, żgur!”
Semmejt ukoll il-Kuruna tar-Rużarju. Waqt li tkun żvogajt waħda miegħu sewwa itlob ir-Rużarju. Ħalli l-għażiża Ommok u Ommna Marija tidħol għalik hi. Fejn tasal hi ma jasal ħadd! Għax meta titlob għalik u għalija hi quddiem Binha Ġesù il-gambluli ma jidhirx aqta’ kif jisparixxi! U bir-raġun li jisparixxi tafux! Jibża’ biża’ minnha issemmix! L-aktar meta nitolbu r-Rużarju mqaddes tagħha! Mela, itlobha bir-Rużarju! Dik Ommok! U ta’ Omm jimpurtaha ħafna! U, toħodhiex bi kbira li meta tkun qed titlobha r-Rużarju, waqt li qalbek tkun maqsuma, tħoss it-tgħanniqa tagħha. Marija dak li taf tagħmel! Tgħannaqna magħha! Għax uliedha aħna!
Mela, meta nkunu qalbna maqsuma ħallina mid-dagħa, mill-ħalf, mill-alkoħol, mill-internet, mill-vendetti, mis-saħtiet u ejjew immorru passiġjata mal-Mulej u niżvogaw waħda tajba miegħu. U, f’dik il-passiġjata, wara li nkunu neħħejna t-toqla minn fuq l-istonku, nitolbu r-Rużarju ħalli Ommna tfissidna ma’ qalbna.
U nibqgħu nħobbu! Kif kienet tħobb tgħid Madre Tereża: In-nies ta’ spiss huma bla moħħ, bla loġika u moħħhom fihom infushom; Aħfrilhom xorta waħda. Jekk int ħanin u ħanina, in-nies jistgħu jakkużawk li għandek intenzjonijiet egoistiċi u ulterjuri. Ibqa’ ħanin/a xorta waħda. Jekk għamilt suċċess, int se tirbaħ xi ħbieb foloz u oħrajn għedewwa ta’ veru. Ibqa’ agħmel suċċess xorta waħda. Jekk int onest/a u sinċier/a n-nies jistgħu jqarqu bik. Kun onest/a u sinċier/a xorta waħda. Dak li tkun qattajt snin biex tibnieh xi ħadd jista’ iwaqqagħulhekk f’radda ta’ salib. Ibqa’ ibnieh xorta waħda. Jekk issib is-sliem u l-ferħ, jistgħu jgħiru. Ibqa’ ferħan/a xorta waħda. It-tajjeb li tagħmel illum in-nies ħafna drabi jinsewh l-għada. Ibqa’ agħmlu xorta waħda. Agħti lid-dinja l-aħjar li għandek. U jista’ li ma jkunx biżżejjed. Agħti lid-dinja l-aħjar li għandek xorta waħda. Fl-aħħar nett, tara li hi bejnek u bejn il-Mulej tiegħek. Qatt ma kienet bejnek u bejnhom, xorta waħda.
AfdaH! Jieħu ħsiebek u ħsiebi HU!
Patri Mario Attard OFM Cap