Lejn Knisja Irlandiża Sinodali

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 3 ta’ Frar 2021: Diskors tal-Kardinal Mario Grech waqt Konferenza tal-Isqfijiet Irlandiżi.

Ara wkoll il-verżjoni bl-Ingliż …

Għeżież ħuti,

Għalija huwa privileġġ li nieħu sehem f’din il-laqgħa. Verament, mill-kuntatti reċenti li kelli ma’ wħud minnkom, ħassejt li bħall-Papa Franġisku intom qed “toħolmu f’alternattiva missjunarja” – qegħdin taħdmu bis-sħiħ biex tieħdu attitudni missjunarja u tgħinu l-Knisja fl-Irlanda biex toħroġ u tilħaq it-trufijiet tal-umanità. Xi wħud forsi jibqgħu mistagħġba meta jsiru jafu li l-isqfijiet fl-Irlanda qegħdin jaħsbu b’mod missjunarju, għaliex tradizzjonalment in-nazzjon tagħkom kien wieħed mill-iktar pajjiżi profondament Kattoliċi u stabbli fid-dinja. Imma, kif jistqarr il-Qdusija Tiegħu l-Papa: “Ir-renju tal-Kristjanità m’għadux jeżisti”. Hu jispjega li: “Persuni li għadu ma waslilhomx il-messaġġ tal-Vanġelu ma jgħixux biss f’kontinenti mhux tal-Punent; jgħixu kullimkien, b’mod partikulari f’konċentrazzjonijiet kbar urbani li biex jintlaħqu għandhom bżonn pastorali speċifika. Fi bliet kbar, għandna bżonn ‘mapep’ oħrajn, paradigmi oħrajn, li jistgħu jgħinuna naħsbu b’modi differenti u nibdlu l-attitudnijiet tagħna… Neħtieġu bidla f’kif inħarsu lejn il-pastorali, li ma tfissirx li nersqu lejn kura pastorali relattivistika. M’għadniex ngħixu f’dinja Kristjana, għaliex il-fidi – speċjalment fl-Ewropa, imma anki f’parti kbira mill-Punent – m’għadhiex presuppost ovvju tal-ħajja soċjali; anzi, il-fidi ħafna drabi tiġi miċħuda, imwaqqa’ għaċ-ċajt, imwarrba u rredikolata”.[1] Għalhekk hu ovvju li dak li hemm bżonn hija evanġelizzazzjoni ġdida jew rievanġelizzazzjoni.

Waqt il-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet, l-Isqof Paul Dempsey ġustament staqsa kif setgħet tissaħħaħ il-missjoni tal-Knisja fl-Irlanda, speċjalment xħin tikkunsidra li r-reputazzjoni tal-Knisja tfarrket minħabba l-iskandli, u l-maġġoranza ta’ dawk li titkellem magħhom, avolja mgħammdin, ma jaqgħux taħt il-mudell Kattoliku hekk imsejjaħ normali – divorzjati u fit-tieni żwieġ, Kattoliċi mhux prattikanti, u l-bqija. Madankollu, din hija l-Knisja: Knisja feruta! “Hu biss meta nagħfru li aħna Knisja feruta, Ordni ferut, ruħ jew qalb feruta li naslu nħabbtu fuq il-bieb tal-ħniena fil-feriti ta’ Kristu”.[2] Il-Knisja hija sptar fuq il-kamp tal-battalja. Ix-xbieha qawwija tal-Knisja bħala sptar fuq il-kamp issejħilna għal bidla radikali fil-ħajja ekkleżjali tagħna – tistieden lill-Knisja toħroġ miż-żoni fejn tħossha komda u tersaq lejn il-kampijiet tal-battalja tal-lum. Fi kliem il-Papa: “Il-ħażen tad-dinja tagħna – u dak tal-Knisja – qatt m’għandu jkun skuża biex innaqqsu l-impenn tagħna u l-ħeġġa tagħna. Neħduhom bħala sfidi biex nikbru. Iktar minn hekk, il-ħarsa tal-fidi għandha l-ħila tagħraf id-dawl li l-Ispirtu s-Santu dejjem ixerred qalb id-dlamijiet, bla ma tinsa li ‘fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja’ (Rum 5:20). Il-fidi tagħna hi sfidata biex ixxomm mill-bogħod dak l-inbid li l-ilma jista’ jinbidel fih, u biex tiskopri l-qamħ li jikber qalb is-sikrana” (EG, 84).

Fil-mixja sinodali hemm waħda mit-tweġibiet għall-mistoqsija li spiss nistaqsi. Jekk il-Knisja trid issir waħda missjunarja, għandha tkun Knisja sinodali, għaliex is-sinodalità mhijiex biss għażla ta’ metodoloġija, iżda hija mod ta’ kif tkun Knisja li trid toħroġ f’missjoni. Tassew, is-sinodalità mhijiex biss methodos iżda odos, mhux biss metodu iżda mixja lejn viżjoni ġdida tar-rwol tal-Knisja f’soċjetà kontemporanja. Tassew, is-sinodalità hi l-mixja lejn Knisja li b’mod permanenti tinsab fi stat ta’ missjoni. Dan tistqarru b’mod ċar il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali fid-dokument tagħha Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja: “Li verament ikollna Knisja Sinodali hija prekundizzjoni indispensabbli għal enerġija missjunarja ġdida li tinvolvi lill-Poplu ta’ Alla kollu” (9). Id-dokument jisħaq li “s-sinodalità tingħax fil-Knisja bħala servizz tal-missjoni. Ecclesia peregrinans natura sua missionaria est; hi teżisti biex tevanġelizza. Il-poplu kollu ta’ Alla huwa aġent tal-proklamazzjoni tal-Vanġelu. Kull persuna mgħammda hi msejħa biex ikollha rwol ewlieni fil-missjoni għaliex aħna lkoll dixxipli missjunarji. Il-Knisja hi msejħa, f’sinerġija sinodali, biex tagħti spinta lill-ministeri u l-kariżmi preżenti fil-ħajja tagħha u biex tisma’ l-leħen tal-Ispirtu, biex tagħmel dixxerniment dwar il-modi kif tista’ tevanġelizza” (53). Is-sinodalità hi l-istil partikulari li jikkwalifika l-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, billi turi n-natura tagħha bħala l-Poplu ta’ Alla miexi flimkien u miġbur f’ġemgħa, imsejjaħ mill-Mulej Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex ixandar il-Vanġelu. Is-sinodalità għandha tidher fil-ħajja u fil-ħidma ordinarja tal-Knisja (70a). It-tielet kapitlu tad-Dokument finali tas-Sinodu dwar iż-żgħażagħ jitkellem dwar it-temi ta’ “soċjetà missjunarja” u jippreżenta s-sinodalità bħala l-muftieħ għall-evanġelizzazzjoni. Il-Padri Sinodali jistqarru b’mod ċar li “s-sinodalità hija l-mod li bih il-Knisja tista’ taffaċċja sfidi antiki u ġodda, billi tiġbor u ddaħħal fi djalogu t-talenti tal-membri kollha, billi tibda miż-żgħar” (Christus vivit, 144).

Fil-fatt, l-għan ta’ proċess sinodali hu li jixxandar il-Vanġelu f’ċertu kuntest b’tali mod li jiġu affaċċjati l-isfidi partikulari tal-persuni li qed jgħixu f’dak il-post. Għalhekk, hu fundamentali għall-Knisja sinodali li tgħarbel is-sinjali taż-żminijiet. “Qabel nitkellmu fuq xi kwistjonijiet fundamentali li jolqtu l-azzjoni tal-evanġelizzazzjoni, jixraq li nfakkru fil-qosor liema hu l-kuntest li fih qed ngħixu u naħdmu” (EG, 50). Knisja sinodali hija komunità fil-proċess li tiddixxerni dwar s-sitz im leben ta’ dik is-soċjetà partikulari. “Kull Nisrani u kull komunità trid tiddixxerni dwar liema hi l-mixja li l-Mulej qed jitlob, imma kollha aħna msejħin biex nilqgħu din is-sejħa: noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji (eżistenzjali) kollha li għandhom bżonn id-dawl tal-Vanġelu” (EG, 20). Dixxerniment evanġeliku għandu jikkunsidra wkoll l-approċċi istituzzjonali u pastorali tagħna. Bħalma jgħid Rafael Luciani, l-oqsma soċjokulturali, ekonomiċi u ekkleżjali “qed jintlaqtu minn kriżi sistematika li mhux sempliċement għandha x’taqsam ma’ kemm l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni qed jaħdmu tajjeb, imma mal-kollass tal-paradigmi tas-soċjetà u r-reliġjon li fuqhom hi msejsa. B’mod speċifiku, fil-Punent, hemm kriżi strutturali fil-mod kif il-Kristjanità qed tiġi trasmessa, kriżi li spiss lanqas l-istituzzjoni ekkleżjastika ma tagħraf”.[3]

Sabiex jenfasizza kemm hu importanti dixxerniment magħmul f’qafas sinodali, il-Papa Franġisku jinnota li “l-importanti hu li ma nimxux waħidna, li nserrħu dejjem fuq ħutna u speċjalment fuq id-dawl li jagħtuna l-Isqfijiet, f’dixxerniment pastorali għaref u realistiku” (EG, 33). Biex din il-ħeġġa missjunarja tkun iktar iffukata, ġeneruża u tagħti l-frott, il-Papa jħeġġeġ lil kull Knisja partikulari biex b’determinazzjoni taqbad mixja ta’ dixxerniment, tisfija u riforma (EG, 30).

Fil-Kostituzzjoni appostolika dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet Episcopalis communio, il-Papa Franġisku jgħid li “s-Sinodu tal-Isqfijiet għandu jsir dejjem aktar għodda pprivileġġata biex jinstema’ l-leħen tal-Poplu ta’ Alla. Għall-Padri Sinodali nitolbu lill-Ispirtu s-Santu l-ewwel nett id-don tas-smigħ: li nisimgħu lil Alla, u li miegħu nkunu nistgħu nisimgħu l-karba tan-nies; li nisimgħu lin-nies il-ħin kollu u bix-xewqa fina li Alla tana meta sejħilna” (6). Fl-istess Kostituzzjoni l-Papa jenfasizza kif il-Christifideles huma atturi ta’ dixxerniment u li l-vuċi tal-Ispirtu tilħaq ukoll lill-Knisja permezz tal-vuċi tagħhom: “Għalkemm essenzjalment hu korp episkopali, is-Sinodu ma jeżistix separat mill-bqija tal-fidili. Anzi, huwa għodda adegwata biex tagħti vuċi lill-Poplu ta’ Alla kollu, speċjalment permezz tal-isqfijiet, maħtura minn Alla bħala ‘gwardjani awtentiċi, interpreti u xhieda tal-fidi tal-Knisja kollha’”. Tissemma b’mod speċjali l-konsultazzjoni tal-lajċi kemm b’mod individwali, kemm f’assoċjazzjonijiet (ara nru 7).

Issa, jekk dan il-proċess ta’ parteċipazzjoni wiesgħa hu fundamentali għas-Sinodu tal-Isqfijiet, a fortiori din hi element indispensabbli għal proċessi sinodali oħrajn li jitbiegħdu mill-istruttura sinodali stretta. Iżda konverżjoni ekkleżjoloġika hi bżonjuża b’mod urġenti. Bħalma jgħid il-Papa: “L-evanġelizzazzjoni hi d-dmir tal-Knisja. Imma dan is-suġġett tal-evanġelizzazzjoni hu wisq aktar minn istituzzjoni organika u ġerarkika, billi qabelxejn hu poplu miexi lejn Alla. Bla dubju hu misteru li jsib għeruqu fit-Trinità, imma li jilbes il-konkretezza storika tiegħu f’poplu pellegrin u evanġelizzatur, li dejjem imur lil hemm mill-espressjoni istituzzjonali li fl-aħħar mill-aħħar ukoll hi meħtieġa” (EG, 111). B’xorti ħażina, il-klerikaliżmu għadu m’għarafx il-valur tal-lajċi u l-kontribut tagħhom fil-Knisja.

Il-preżenza tal-poplu ta’ Alla tgħin biex ikun hemm ċirkularità bejn l-isqfijiet u l-komunità. L-ekkleżjoloġija tal-poplu ta’ Alla ssaħħaħ lill-Knisja biex tħares lejha nfisha u lejn is-sinjali taż-żminijiet mil-lenti tal-poplu, li fil-ħajja ta’ kuljum jiltaqa’ ma’ Alla li jinseġ l-istorja umana. Bħalma jispjega l-Papa, “fl-imgħammdin kollha, mill-ewwel sal-aħħar wieħed, hemm taħdem il-qawwa tal-Ispirtu li tqaddes u tħeġġeġ lil dak li jkun biex jevanġelizza. Il-Poplu ta’ Alla hu qaddis minħabba f’din id-dilka li tagħmlu infallibbli ‘in credendo’. Dan ifisser li meta jemmen hu ma jiżbaljax, anki jekk ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu. L-Ispirtu jmexxih lejn il-verità u jwasslu għas-salvazzjoni. Bħala parti mill-misteru ta’ mħabbtu lejn il-bnedmin, Alla jagħti lill-fidili kollha flimkien dak l-istint tal-fidi – is-sensus fidei – li jgħinu jiddixxerni dak li tabilħaqq ġej minn Alla. Il-preżenza tal-Ispirtu tagħti lill-Insara ċerta konnaturalità mar-realtajiet divini u għerf li bih jistgħu jintuwixxu dawn ir-realtajiet, anki jekk ma għandhomx f’idejhom l-għodda t-tajba biex jesprimuhom bi preċiżjoni” (EG, 119).

Mal-Papa Franġisku, il-primat u l-kolleġġjalità jsibu posthom fil-qafas iktar wiesa’ tas-sinodalità. U sorprendentement, l-esperjenza tikkonferma li meta mpoġġija f’kuntest sinodali, kemm il-primat u kemm il-kolleġġjalità joħorġu l-ilwien veri tagħhom. Fil-fatt, is-sinodalità mhux biss tixpruna l-parteċipazzjoni tal-poplu ta’ Alla kollu, iżda għandha bżonn ukoll tal-ministeru tal-Papa u tal-isqfijiet, għalkemm issejjaħ għal ċaqliq jew bidla fl-istil; dan hu, ħa ngħidu hekk, mod ġdid kif ngħixu t-tmexxija.

Il-Papa Franġisku saħħaħ ir-rwol tas-sinodi u inawgura stil ġdid ta’ sinodi kkaratterizzati mil-libertà tal-espressjoni. Hu dejjem jistieden lill-Padri Sinodali biex jitkellemu b’parrhesía u hypomoné. Iżda fuq kollox, bidel u ħalla l-marka fuq is-sinodu bl-istil ta’ preżenza tiegħu. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu, il-Papa Franġisku sab mod kif jidħol fiż-żarbun tar-ragħaj, li jitħallat mal-merħla tiegħu, dixxiplu u mgħallem, li juri d-disponibbiltà, il-qrubija, il-kunfidenza, u r-reċiproċità. It-tmexxija tiegħu għas-servizz tal-kolleġġjalità u s-sinodalità tħeġġeġ ir-responsabbiltà reċiproka u l-parteċipazzjoni. Bil-mod kif iħaddem l-awtorità jqanqal lill-oħrajn biex ikunu liberi. L-istil ta’ tmexxija tiegħu hu deskritt hekk fid-Dokument finali tas-Sinodu dwar iż-żgħażagħ: “forza ġenerattiva li tagħti spinta u teħles il-libertà”.[4] Bl-istil ta’ preżenza tiegħu diskret u umli u bl-interazzjoni mal-oħrajn waqt is-Sinodu, il-Papa Franġisku mingħajr daqq ta’ trombi jikkomunika l-istil tal-primat li tkellem dwaru fid-Diskors ewlieni dwar is-sinodalità fl-2015.[5] Hu pinġa stampa sabiħa u ispirata tal-immaġni ta’ “piramida rasha ’l isfel” għall-ġerarkija tal-awtorità. “F’din il-Knisja, bħal f’piramida rasha ’l isfel, il-quċċata qiegħda ’l isfel mill-qiegħ. Għalhekk dawk li jħaddmu l-awtorità jissejħu ‘ministri’: għax, skont it-tifsira oriġinali tal-kelma, huma l-iżgħar fost kulħadd… l-unika awtorità hi l-awtorità tal-qadi, l-unika setgħa hi s-setgħa tas-salib”.[6] Bħalma tgħid tajjeb Amanda C. Osheim, “jekk inħarsu lejn il-ġerarkija tal-awtorità bħala piramida rasha ’l isfel inkunu qed naqilbu kunċett qadim u piramidali tal-Knisja, ekonomija ekkleżjali li tqattar minn fuq għal isfel, li fiha l-Ispirtu s-Santu ngħata l-ewwel lill-Papa u lill-isqfijiet, imbagħad jinżel fuq il-kleru u r-reliġjużi, u fl-aħħar għand il-fidili… Din il-piramida spiċċat qasmet il-Knisja bejn il-Knisja li tgħallem (ecclesia docens) u l-Knisja li titgħallem (ecclesia dicens). Billi qaleb il-piramida, l-analoġija ta’ Franġisku tagħti rwol ġdid lill-awtorità u tagħmilha dipendenti fuq dak li qed tirċievi – billi tisma’ u titgħallem mill-oħrajn – fil-Knisja”.[7] F’ambjent soċjali fejn il-kredibbiltà tal-ġerarkija tal-awtorità qiegħda dejjem tiġi kkontestata u ddubitata, mixja sinodali xprunata minn dan l-istil ġdid ta’ tmexxija reċiproka tista’ tgħin lill-Knisja terġa’ tikseb il-ħila li “titkellem b’awtorità”.

Biex tiġi implimentata fil-livelli kollha tal-Knisja, is-sinodalità teħtieġ “mexxejja” li kapaċi jmexxu u jakkumpanjaw il-proċessi sinodali. Is-sinodalità ma tistax tiġi adottata u implimentata mingħajr is-servizz ta’ dawk li jeżerċitaw l-awtorità. Iżda dan jeħtieġ dan l-istil ġdid ta’ tmexxija ispirat mill-primat tas-“smigħ” li jitkellem dwaru l-Papa Franġisku, li jista’ jidher ċar bħala tmexxija kollaborattiva; li m’għadhiex vertikali u klerikali iżda iktar orizzontali u koperattiva. Tmexxija-qaddejja li hija mod kif tiġi eżerċitata l-awtorità bħala servizz għal-libertà. Hija mod kif issir it-tmexxija billi wieħed ipoġġi lilu nnifsu f’nofs l-oħrajn, ikun magħhom f’relazzjoni ta’ responsabbiltà reċiproka li jfittex li kulħadd jingħata importanza u jipparteċipa. L-isqfijiet u l-presbiteri għad għandhom, u hekk għandu jkun, ir-rwol importanti li jkunu resoponsabbli li jiggwidaw u jżommu quddiem għajnejhom l-għan tas-sinodalità, li hu li jibnu poplu, komunità fraterna u missjunarja għas-servizz tal-ġid komuni tas-soċjetà. Għalhekk aħna, bħala isqfijiet, imsejħa nkomplu fil-mogħdija tal-konverżjoni – bħall-fidili kollha fi Knisja sinodali – immexxu lill-merħla tagħna bl-eżempju, għaliex l-ewwel li jħalli impatt huwa l-istil tal-preżenza tagħna u kemm nisimgħu, kemm aħna qrib u disponibbli għall-mistoqsijiet u r-realtajiet tagħhom, u kemm aħna koerenti u awtentiċi.

Tifhimha li f’dan il-mument li fih qegħdin tindirizzaw il-Knisja fl-Irlanda fuq din il-mixja sinodali, ma jaqtgħux il-mistoqsijiet dwar jekk hux qed tieħdu d-deċiżjoni t-tajba. Iżda żommu f’moħħkom dak li żgurana minnu l-Papa: “Il-mixja tas-sinodalità hi sewwasew il-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju”.[8] Proċess sinodali jwassal għal rebbiegħa ekkleżjali – twelid mill-ġdid ta’ Knisja awtentika. Fi kliem Herve Legrand, is-sinodi mhumiex biss għodda u organiżmi, huma wkoll mumenti li fihom Ġesù jkun preżenti u l-manifestazzjoni tal-koinonia.[9] Malli nidħlu għal proċess sinodali, niftħu l-bieb għal Ġesù biex jiġi jżurna. Huwa Kairos. Il-fatt li l-poplu ta’ Alla (u hawn qed nirreferi għal kull min hu mgħammed, inklużi l-isqfijiet u l-kleru) għadu mhux spiritwalment u teoloġikament mgħammar biex jieħu sehem fi proċess sinodali, m’għandux jaqtgħalkom qalbkom. Antoine de Saint-Exupery jgħid: “Jekk trid tibni vapur, ittambarx lin-nies biex jiġbru l-injam u tagħtihomx biċċiet tax-xogħol x’jagħmlu, iżda għallimhom jixxennqu għall-immensità ma tispiċċa qatt tal-baħar”. Fil-każ tagħna, jekk irridu li jkollna Knisja sinodali, ejja ngħallmu lill-poplu tagħna jixxennaq għas-sbuħija u l-grazzja li jiġu mill-fidelium communion.

F’isem id-Dikasteru tagħna u fir-rwol personali tiegħi ta’ Segretarju Ġenerali nixtieq nisħaq bis-sħiħ id-disponibbiltà tagħna biex ngħinukom u nakkumpanjawkom f’din l-esperjenza sinodali tant f’waqtha. Jekk skont il-ġudizzju estimabbli tagħkom taħsbu li fi kwalunkwe stadju ta’ dan il-vjaġġ, il-preżenza umli tiegħi bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet tista’ toffrilkom raġġ ta’ faraġ, nagħmel dak kollu li nista’ biex inkun magħkom. Ninsab ċert li din ir-relazzjoni bejn l-uffiċċju tagħna u l-Knejjes lokali, nazzjonali u reġjonali, se ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn Pietru u l-isqfijiet flimkien mal-komunitajiet ekkleżjali li għandhom fdati taħt il-kura pastorali tagħhom – fi kliem ieħor, l-isforzi tagħna flimkien żgur li se joffru kontribut biex tissaħħaħ Knisja sinodali.

miġjuba għall-Malti minn Rossana Cremona


[1] Il-Papa Franġisku, Xewqat tal-Milied lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Diċembru 2019.

[2] Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 7 ta’ Frar 2018.

[3] Pope Francis and the Theology of the people, xvii.

[4] Dokument Finali tas-Sinodu dwar iż-Żagħżagħ, n. 71.

[5] Il-Papa Franġisku, Tifkira tal-50 Anniversarju mit-Twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015

[6] Ibid.

[7] Stepping towards a Synoday Church, f’Theological Studies 2019, 371.

[8] Il-Papa Franġisku, Tifkira tal-50 Anniversarju mit-Twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015.

[9] “Conseils et synodes ne sont pas seulement des moyens et des organes, ce sont aussi des moments de passage de l’Esprit de Jésus et des manife- stations de la koinônia. Rappelons que toute la tradition parle de célébrer les conciles: par sa dimension liturgique inaliénable un synode échappe à sa dimension de moyen, pour permettre une communion intense à l’Esprit de Jésus”. H.-M. Legrand, Synodes et conseils de l’après-Concile. Quelques enjeux ecclésiolo- giques, f’Nouvelle revue théologique 98 (1976), 193-216, 216.

Leave a Reply