Ir-Rużinjol u l-Warda

Print Friendly, PDF & Email

Mir-rakkont ta’ Oscar Wilde

“Qaltli li tiżfen miegħi jekk inġibilha ward aħmar! Imma fil-ġnien kollu m’hemmx warda waħda li hi ħamra.” L-imsejken żagħżugħ kien qed jibki, bid-dmugħ iqattar minn għajnejh. “Għada fil-għaxija il-prinċep se jagħmel festa. Se jkun hemm ħafna mistednin, fosthom jiena u t-tfajla tiegħi. Hi qaltli li jekk noffrilha warda ħamra, tiżfen miegħi sa’ fil-għodu kmieni. Imma fil-ġnien m’hemmx warda waħda ħamra. U hekk ser nibqa’ waħdi, fil-waqt li t-tfajla tgħaddi minn quddiemi u lanqas biss tħares lejja!” Kompla jibki u jolfoq. “Qalbi żgur tinqasam kif nara li ma tatx każi!”

  Hawn jidħol fl-istorja r-RUŻINJOL, għasfur ċkejken li hu magħruf għax jgħanni bil-lejl. Għalhekk li bl-Ingliż isejħulu nightingale. Il-leħen ta’ dan l-għasfur hu tassew ħelu. Hu għasfur maħbub ħafna. Mela kien hemm RUŻINJOL li ra liż-żagħżugħ jibki u qalbu ngħafset għalih, fil-waqt li qal: “Mela hawn xi ħadd li tassew jaf iħobb. Filwaqt li jien qed  inkanta, dan qed jibki. Dak li għalija hu ferħ, għalih hu dwejjaq. Għax l-imħabba hi ħaġa sabiħa. Hi aqwa mid-djamanti. Ma tistax tixtriha bil-perli jew bil-ħaġar prezzjuż. L-imħabba m’hemm xejn li jiswa daqsha,… ma ssibhiex fis-suq”.

Ir-RUŻINJOL reġa’ sema’ liż-żagħżugħ jibki. Kien qed jgħid: “Se tiżfen ma kulħadd, minbarra miegħi. Dan kollu għal warda ħamra!” Imbagħad iż-żagħżugħ intefa’ fuq il-ħaxix u ħebba wiċċu bejn idejh.

  “Għalfejn qed tibki?” Instema’ leħen irqiq ta’ gremxula li għaddiet tiġri b’denbha jixxejjer ‘il fuq.” “Iva, għaliex?” staqsa l-farfett li kien jittajjar mad-dawl tax-xemx. ‘‘U min jaf għaliex?” qalet il-qronfla minn taħt l-ilsien lil ta’ ħdejha. “Qed jibki għal warda ħamra”, weġibhom ir-RUŻINJOL. “Għal warda ħamra!…” stagħġbu l-oħrajn. “X’kull waħda!” Il-gremxula, li kienet tħobb tgħaddi ż-żmien, bdiet tidħaq minn taħt. Imma r-RUŻINJOL fehem id-dwejjaq li kellu ż-żagħżugħ u waqaf kwiet fuq fergħa ta’ siġra biex joqgħod jaħseb x’jista’ jagħmel.

  KEMM TISWA warda Ħamra 

  F’daqqa waħda r-RUŻINJOL fetaħ il-ġwenħajn tiegħu lewn kannella u tar minn fuq il-fergħa li kien mnistrieħ fuqha. Beda jittajjar b’għaġġla kbira, għadda l-bosk kollu u wasal f’għalqa li f’nofsha kien hemm ġnien b’siġar żgħar tal-ward. Kif ra din ir-roqgħa tal-ward, ir-RUŻINJOL niżel u qagħad fuq fergħa ta’ siġra minnhom.

  “Agħtini warda ħamra!”, talab r-RUŻINJOL bil-ħniena lix-xitla, waqt li ċaqlaq iz-zokk tagħha…. “u jien inkantalek l-iżjed għanja ħelwa li naf!” “Il-ward tiegħi huma bojod,” wieġbet ix-xitla; “bojod bħar-ragħwa tal-mewġ tal-baħar,… bojod bħas-silġ tal-għoljiet. Imma tista tmur għand hija, li hu siġra tal-ward li tikber ħdejn ix-xmara ta’ dik in-naħa. Forsi jagħtik il-ward li qed tfittex. Ir-RUŻINJOL tar sakemm wasal ħdejn ix-xmara. Talab bħall-qabel: “Agħtini warda ħamra, …. “u jien inkantalek l-iżjed għanja ħelwa li naf!”

  “Il-ward tiegħi huma sofor”, wieġbet ix-xitla; “sofor bħall-fjura tax-xemx li twarrad fl-għelieqi, sofor daqs il-qamħ… Imma tista’ tmur għand oħti, xitla oħra li tikber ġo qasrija li hemm fit-tieqa li se ngħidlek. Forsi għandha ssib ssib il-warda li qed qed tfittex”. Ir-RUŻINJOL ittajjar lejn is-siġra tal-ward li kien hemm taħt it-tieqa taż-żagħżugħ. U reġa: “Agħtini warda ħamra, …. “u jien inkantalek l-iżjed għanja ħelwa li naf!” Imma s-siġra tal-ward ċaqilqet il-friegħa tagħha, bħalma aħna nċaqilqu rasna meta xi ħaġa tinkwetana. “Il-ward tiegħi” wieġbet, “hu aħmar,… Imma l-kesħa tax-xitwa għalqitli l-vini tiegħi, is-silġ kisser il-ward żgħar kif nibtu u l-maltemp qaċċat il-friegħi tiegħi. Din is-sena mhux se jkolli warda waħda!

  “Jaħasra!… Kull ma rrid hi warda ħamra!” talab bil-ħerqa r-RUŻINJOL,… “warda waħda! M’hemm’x xi mod kif tista’ tagħtihieli?” “Iva,… mod wieħed hemm”, wieġbet ix-xitla. “Imma hu daqshekk ikrah li m’għandix il-kuraġġ ngħidlek xi trid tagħmel!” “Għidli”, qal ir-RUŻINJOL. “Lest li nagħmel minn kollox!”.

  “Jekk trid warda ħamra”, qalet ix-xitla, “Trid iġġibha ħamra bid-demm tiegħek. Trid tkanta l-lejl kollu b’sidrek imiss ma’ waħda mix-xewk tiegħi, u x-xewka trid ittaqablek qalbek fil-waqt li tibqa’ tkanta l-lejl kollu, sakemm id-demm tiegħek jidħol ġol-vini tiegħi u jsir id-demm tiegħi.”

  L-AĦĦar GĦANJA gĦas-sigra l-kbira

  “II-mewt hija prezz għoli ħafna għal warda ħamra”, qal ir-RUŻINJOL “ll-ħajja hija sabiħa. Hi għalja għal kulħadd. Imma I-imħabba hi ikbar miII-ħajja. U x’inhi qalb ta’ RUŻINJOL meta tqabbilha ma’ qalb il-bniedem?” L-għasfur ċkejken tar u mar Iura lejn iż-żagħżugħ, li kien għadu jibki, imdejjaq. “Ifraħ!”… għamillu  l-kuraġġ ir-RUŻINJOL, “Ifraħ!… Se jkollok warda ħamra!… Inpenġihielek jien bid-demm ta’ qalbi. Bħala ħlas irrid li int tkun sinċier fl-imħabba tiegħek”. L-istudent refa’ rasu, imma ma fehem xejn milli qallu r-RUŻINJOL.

  lmma s-siġra l-kbira tal-ġnien fehmet, u għamlet qalbha sewda, għax kienet tħobbu ħafna lir-RUŻINJOL li kien jibni l-bejta fil-friegħi tagħha. “Għannili I-aħħar għanja!”… qaltlu,… “se nħossni waħdi meta inti ma tkunx hawn iżjed”. Ir-RUŻINJOL kanta lis-siġra l-isbaħ għanja tiegħu. Leħnu kien bħall-ilma nieżel ħelu max-xmara. Iż-żagħżugħ telaq waqt li beda jgerger: “Ir-RUŻINJOL għandu leħnu sabiħ, imma qalbu ma tħossx! Ħsiebu biss biex ikanta noti sbieħ. Ma jimpurtahx minn ħaddieħor. Kollha hekk il-kantanti!” Daħal fil-kamra tiegħu u ntelaq fuq is-sodda, jaħseb fuq il-maħbuba tiegħu. U raqad.

  TAĦT IR-ROTI TA’ KARETTUN

  Kif fis-sema deher il-qamar, ir-RUŻINJOL tar lejn is-siġra tal-ward u qiegħed sidru ma’ xewka minn tagħha. Baqa’ jgħanni l-lejl kollu, b’sidru max-xewka. Anki l-qamar donnu tbaxxa biex jisima’ l-kant tar-RUŻINJOL. Ix-xewka daħlet iktar ‘il ġewwa, waqt li d-demm baqa’ ħiereġ minn sider l-għasfur. U nibtet warda sabiħa, ħamra daqs in-nar. lmma leħen ir-RUŻINJOL beda jitbaxxa. Ġwenħajh żgħar bdew jirtgħodu u għajnejh kienu miksurin. Il-għanja ħelwa tiegħu waqfet fil-waqt li l-warda minnhom fetħet il-petali ħomor tagħha għaż-żiffa friska ta’ fil-għodu. “Ara!…”, għajtet is-siġra tal-ward. “II-warda hija lesta!”  lmma r-RUŻINJOL ma weġibx. Kien waqa’ mejjet qalb il-ħaxix!

  F’nofsinhar, iż-żagħżugħ fetaħ t-tieqa u ħares barra. “Ehh…, x’xorti tajba! Lanqas nista nemmen! Hawn warda ħamra! F’ħajti qatt ma rajt warda daqshekk ħamra. Warda lewn id-demm!” lxxabbat mat-tieqa u qatagħha. Imbagħad telaq jiġri ‘l ­barra bil-warda f’idejh għand it-tfajla tal-ħolm tiegħu.

  “Għidtli li se tiżfen miegħi jekk inġiblek warda ħamra”, qalilha. “Hawn, hi l-isbaħ warda tad-dinja. ll-lejla nżommha ma’ qalbi u meta nkunu qed niżfnu flimkien ngħidlek kemm inħobbok!” It-tfajla imma, ma tatux wiċċ! “M’għandix x’nambiha! Ma taqbilx mal-libsa tiegħi. U n-neputi tas-sinjur tani ġiżirana tad-deheb u kulħadd jaf li d-deheb jiswa iktar mill-fjuri!” “Inti bla qalb”! għajjat iż-żagħżugħ. U rema’ I-warda fit-triq… Il-warda spiċċat ġo għadira ilma u tgħaffġet taħt ir-roti ta’ karettun. “L-imħabba ma teżistix”, qal iż-żagħżugħ. U telaq ‘ l hemm.

  NAĦSBU FTIT

 Veru li l-imħabba ma teżistix? Xi ngħidu għall-imħabba tar-RUŻINJOL? Ir-RUŻINJOL kien jaf iħobb tassew.

 Aħna żgur mhux se nħobbu daqs ir-RUŻINJOL; imma l-għasfur ta’ din l-istorja jħajjarna biex nibdew inħobbu ftit iktar milli qed inħobbu issa.

 Ġieli ltqajna ma’ persuni li skantajna kemm għandhom qalbhom tajba, u għidna: “Imma kif tista tħobb daqshekk?”

 Ġesu’ Kristu wkoll ħabb daqshekk, għaliex ġie fid-dinja, bata u miet għalina lkoll, aħna min aħna, tajbin jew le. Għamel hekk għax ried hu, għax iħobb hekk li ta lilu nnifsu.

 Darba Ġesu’ qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, illi wieħed jagħti ħajtu għall-ħbieb tiegħu!” U Ġesu’ hekk għamel, għax Hu l-aqwa RUŻINJOL. Ta’ min ngħidulu ‘grazzi’.

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: