Il-Ħamis 4 ta’ Frar 2021 kienet il-World Cancer Day. Ħafna kienu li tħaddtu f’dan il-jum. Personalment kont sieket l-għaliex kien hemm wisq ilħna jduru. Biss, illum, meta l-qiegħa qagħdet u s-skiet beda jsaltan fuq il-biċċa, ħassejt li nsemma leħni jiena wkoll bħala wieħed li qed iqatta’ il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu mal-pazjenti tal-onkoloġija f’Sir Anthony Mamo. Miċ-ċokon tiegħi nħoss li jien ukoll għandi xi ngħid fuq il-ħaġa.
Bħalma nafu, f’dan il-jum, aktar minn jiem oħra tas-sena, issir aktar sensibilazzjoni dwar il-persuni u l-familjari tagħhom li għaddejjin minn din il-marda. Isir tħeġġiġ biex il-mediċina tissokta għaddejja fil-mixja tal-ġlieda tagħha kontra din il-marda qerrieda. Ikun hemm apprezzament tat-tim mediku li tant jgħin lill-pazjenti u l-familjari li għaddejjin minn dan il-baħar imqalleb. U, għall-pazjenti stess, tkun okkażjoni ħa jibqgħu, jew, għal uħud minnhom, jibdew jirrispondu b’mod aktar pożittiv u kostruttiv għal din il-marda. U dan jinkludi wkoll lill-familjari tagħhom.
Nifhem li dawn it-tweġibiet ma wieġbux għal kollox, u forsi lanqas in-nofs, tar-raġunijiet kollha li hemm marbuta mal-World Cancer Day. Madankollu, dan il-jum, personalment għallimni ħaġa mill-aktar importanti: li l-ħajja bi battalja! U battalja tal-battalji! Għax kull waqt hu battalja! Nammettuh jew inkella naħbuh biz-zokkor ħalli ma jintiehemx morr. Żgur li fuq dan il-punt ħafna jaqblu miegħi. Ibda’ mill-ħajja tiegħi fil-kunvent u spiċċa f’dik fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, fejn inqatta’ ħafna ħin minn ħajti ma’ dawn ħuti l-pazjenti u l-familjari tagħhom flimkien mal-istaff, nara kemm battalji għandna quddiem wiċċna. Biex nisraq frażi lil Boccelli u nirranġahielu jew aħjar nibdilhielu wkoll, mhux għax ħażina imma għax hekk is-sitwazzjoni tabilħaqq: ogni giorno è una battaglia!
Imma x’battalja jew taqtiegħa hi li qed nitħaddtu fuqha? Din il-battalja jew taqtiegħa, għal kull ħaġa tajba hi, fil-verità, battalja għal dak li hu sabiħ. Għax, dak li hu sabiħ hu tajjeb u veru! Dak li hu sabiħ għandu prinċipji! Mhux fis-sens ta’ liġijiet imma ta’ valuri sbieħ spiritwali. Kemm ħadt gost dan l-aħħar li, infermiera b’esperjenza kbira fil-qasam tal-onkoloġija smajtha tgħid: Fil-mixja fil-marda tal-kanċer l-ispiritwalità hi mportanti ħafna! Barra minhekk, kemm kien ta’ faraġ kbir għalija, bħala kappillan, li għadd ta’ infermiera fis-swali taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo qed japprezzaw il-quddies li qed isir b’mod regolari fis-swali u f’kull rokna taċ-Ċentru. Dan qed ngħidu biex nifhmu li l-quddiesa hi l-ogħla sbuħija li qatt jista’ ikollna fuq l-art! Biha Alla, is-SBUĦIJA, isir bniedem bħalna f’Ġesù!
Il-kanċer niġġieldulu bis-sbuħija! Jiġifieri bl-ispiriwalità! Iva, bil-QUDDIESA!
Patri Mario Attard Attard OFM Cap