“Komplu l-ħidma tagħkom u segwu l-passi ta’ Ġesù”

Il-Papa Franġisku fetaħ il-messaġġ tiegħu għaċ-Ċentru Franġsikan għas-Solidarjetà ta’ Firenze, billi sellem lill-President tagħhom, Maria Eugenia Ralletto. Huwa nnota li ċ-Ċentru, ilu għal ħafna snin iwettaq “servizz prezzjuż ta’ smigħ, u li  jkun qrib ta’ nies li jsibu ruħhom f’kundizzjonijiet diffiċli, ekonomiċi u soċjali”. Dawn, kompla l-Papa, jinkludu familji li jiffaċċjaw tbatijiet differenti u anzjani li għandhom bżonn appoġġ jew kumpanija.

“L-ewwelnett, nixtieq ngħid ‘grazzi’”, qal il-Papa. Huwa nnota li ċ-Ċentru huwa “xogħol effettiv li jagħti l-għajnuna” bbażat fuq il-volontarjat. “Fl-għajnejn tal-fidi, intom fost dawk li tiżirgħu ż-żerriegħa tas-Saltna t’Alla” f’dinja li tiġġenera tant inugwaljanza, żied jgħid.

Huwa spjega li Ġesù wkoll ġie fid-dinja jipproklama s-Saltna tal-Missier u jersaq lejn il-feriti tal-bniedem b’kompassjoni. “Huwa ġie speċjalment viċin tal-foqra, ta’ dawk li kienu marġinalizzati u mormija, tad-diżappuntati, ta’ dawk abbandunati u oppressi”, qal il-Papa.

Il-Papa kompla jinnota li fix-xogħol tiegħu, ċ-Ċentru u dawk li jaħdmu fih “huma spirati mix-xhieda mdawwla ta’ San Franġisk t’Assisi, li pprattika l-fratellanza universali w kull fejn kien żera’ l-paċi u mexa ħdejn il-foqra, l-abbandunati, l-morda, l-imwarrabin u dawk li huma l-aħħar”, qal, u kkwota l-aħħar enċiklika tiegħu, Fratelli tutti.

Il-Papa nnota li għal kważi tletin sena issa, ċ-Ċentru ilu jsegwi l-eżempju ta’ Ġesù. Dan, żied jgħid, “huwa sinjal ta’ kontradizzjoni fil-ħajja mpenjattiva tal-belt, fejn tant isibu ruħhom waħedhom minħabba l-faqar u t-tbatija tagħhom”.

Il-Qdusija Tiegħu temm il-messaġġ billi ħeġġeġ lill-membri taċ-Ċentru biex “joħorġu b’kuraġġ fix-xogħol tagħhom!” Imbagħad talab, biex il-Mulej isostnihom, “għax nafu li l-qalb tajba tagħna u l-qawwa umana mhumiex biżżejjed.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-franciscan-centre-solidarity-message.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.