Illum, il-Ġimgħa 5 ta’ Marzu, l-Papa Franġisku beda vjaġġ storiku lejn l-Iraq, u jsir l-ewwel Papa li jżur dan il-pajjiż tal-Lvant Nofsani. Iż-żjara ta’ tlett ijiem għandha programm ippakkjat u se jinkludi waqfiet f’Bagdad, Mosul, Qaraqosh u Erbil. Se jkun hemm ukoll laqgħa inter-reliġjuża li se ssir f’Ur, il-post fejn twieled Abraham.
Għal ħafna, din iż-żjara qed titqies bħala simbolu ta’ tama għal pajjiż li ra eluf ta’ Nsara mġiegħla jaħarbu minn art twelidhom imbeżgħin mill-persekuzzjoni. Skond il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICMC) “L-Iraq ra l-ogħla numru ta’ refuġjati u l-iktar rata mgħaġġla ta’ nies li ġew spostati fis-snin li għaddew”, filwaqt li mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati Sirjani ħarbu lejn l-Iraq u komplew jgħixu sitwazzjoni diġà diffiċli. Statistika turi li aktar minn miljun Iraqi ġew spostati internament u ma jistgħux imorru lura għall-komunitajiet tagħhom, filwaqt li kważi 5 miljun li rritornaw lejn il-pajjiż għandhom bżonn assistenza umanitarja.
Minbarra l-isfidi sinifikanti li l-pajjiż qed jiffaċċja fl-irkupru tiegħu mill-gwerra u l-kunflitt, l-Iraq ġie wkoll milqut minn kriżi ekonomika u l-pandemija tal-Covid-19. Minkejja s-sitwazzjoni attwali, l-Konsulent Umanitarju u l-ex migrant u refuġjata Maha Ganni tħoss sens t’ottimiżmu reali dwar iż-żjara tal-Papa fl-Iraq. “Meta qrajt li l-Papa kien sejjer, qalbi mtliet bil-ferħ u nista’ biss nipprevedi l-eċċitament reċiproku u t-tama tal-Iraqini Kaldin kollha, kemm dawk li qegħdin fl-Iraq, kif ukoll dawk li jinsabu barra l-pajjiż”.
Hija żżiedet li dan il-vjaġġ Papali definittivament se jerġa jġib it-tama u jagħti lill-poplu Iraqi sena li ma tintesiex “u wkoll jiftaħ djalogu mar-reliġjonijiet l-oħra li huwa dak li l-Qdusija Tiegħu dejjem kien.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-03/the-iraqi-migrant-being-a-voice-for-refugees.html