Id-dinja tinbidel mill-Beatitudnijiet, mhux mill-poter

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa waqt il-Quddiesa: Id-dinja tinbidel mill-Beatitudnijiet, mhux mill-poter

Is-Sibt filgħaxija, l-Papa Franġisku ċċelebra l-Ewkaristija mal-Kattoliċi Kaldej fil-Katidral ta’ San Ġużepp f’Bagdad. Waqt l-omelija, li kienet ibażżata fuq il-Beatitudnijiet, il-Qdusija Tiegħu qal lill-Kattoliċi tal-Iraq li huma prezzjużi f’għajnejn Alla għax jixhdu l-Beatitudnijiet ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Huwa qal li, billi jgħixu l-Beatitudnijiet, qed jgħinu lil Alla jwettaq il-wegħdi tiegħu tal-paċi.

Il-Papa rrimarka li t-tfittxija għall-għerf dejjem kienet fil-qalb tal-bniedem. Iżda ħafna drabi dawk b’aktar mezzi jistgħu jakkwistaw aktar għarfien u jkollhom opportunitajiet kbar, filwaqt li dawk li għandhom inqas huma mitfugħa fil-ġenb. U Ġesù, li huwa l-Għerf personifikat, fil-Beatitudnijiet, ibiddel kollox. Il-foqra, dawk li jibku, l-ippersegwitati huma kollha mberkin.

M’għadhomx l-għonja l-kbar, imma l-foqra fl-ispirtu; mhux dawk li jimponu r-rieda tagħhom fuq ħaddieħor, imma dawk li huma ġentili ma’ kulħadd; mhux dawk milqugħin mill-folol, imma dawk li juru ħniena ma’ ħuthom.

Il-Papa spjega li l-istedina ta’ Ġesù għall-imħabba, hija l-qalba tal-Beatitudnijiet, anke jekk tidher dgħajfa f’għajnejn id-dinja, filfatt dejjem tirbaħ. Fuq is-Salib, l-imħabba kienet iktar b’saħħitha mid-dnub, u fil-qabar, għelbet il-mewt. Hija l-istess imħabba li għamlet il-martri rebbieħa fil-provi tagħhom, qal il-Papa, u żied li fis-seklu li għadda kien hemm ħafna iktar martri milli fil-passat.

L-imħabba kienet ukoll il-qawwa tal-Insara tal-Iraq, li sofrew preġudizzju, trattament ħażin, u persekuzzjonijiet ħabba l-isem ta’ Ġesù. Il-prattika tal-Beatitudnijiet titlobna nsiru xhieda, jum wara l-ieħor, billi ngħixu l-ħlewwa, nuru l-ħniena w billi jkollna qalb safja.

San Pawl jispjega wkoll kif wieħed jista’ jixhed l-imħabba ta’ Ġesù. L-imħabba tidher sinonima ma’ tjubija, ġenerożità u opri tajba. Iżda Pawlu jgħid li “l-imħabba hija paċenzjuża”. Quddiem id-diffikultajiet, spjega l-Papa, dejjem hemm żewġ tentazzjonijiet – jew li taħrab u żżomm il-bogħod, jew tirreaġixxi bir-rabja u turi l-forza. Dan kien il-każ tad-dixxipli fil-Ġetsemani, kien hemm ħafna ħarbu w Pietru silet is-sejf tiegħu. Iżda la l-ħarba w lanqas is-sejf ma kisbu xejn. Ġesù, minn naħa l-oħra, biddel l-istorja bil-qawwa umli tal-imħabba, bix-xhieda paċenzjuża Tiegħu, li hekk aħna msejħin nagħmlu; w dan huwa kif Alla jwettaq il-wegħdiet Tiegħu.

Fil-konklużjoni tal-Omelija, l-Papa Franġisku rringrazzja lil Alla ma’ w għall-Insara tal-Iraq, għal ħafna xhieda “fi żmiena stess”, li “spiss jiġu njorati mill-aħbarijiet,” iżda huma “prezzjużi f’għajnejn Alla.” Huma “xhieda li, billi jgħixu l-Beatitudnijiet, qed jgħinu lil Alla jwettaq il-wegħdiet Tiegħu ta’ paċi.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-iraq-baghdad-divine-liturgy-homily-beatitudes-love.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading