Mill-kesħa għax-Shankly Gates

Print Friendly, PDF & Email

F’dawn l-aħħar ġimgħat f’pajjiżna t-temperatura niżlet ġmielha. F’lejl minnhom laħqet anki iz-zero gradi. X’bard hux!

Uħud, għal din l-idea, jgħidulek: “U mur ara! Kemm nagħmlu għaġeb mix-xejn! Malta ma tagħmilx kesħa!” Mhu veru xejn! Fi żmienha f’Malta l-kesħa tagħmel. Ovvja! Mhux ħa nqabbilha ma’ dik tas-Siberja! Għax imbagħad … ! Imma, għall-pużizzjoni ġeografika tagħna, u bil-klima li aħna mdorrijin biha, f’Malta fi żmienha l-kesħa tagħmel. Bħalma tagħmel is-sħana wkoll.

Il-kesħa ma tagħmilx biss fit-temp imma anki, u b’qasma ta’ qalb, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Xi kultant tiskanta minn fejn tkun ġejja din il-kesħa. Ġieli tiġi minn xi nies ta’ professjoni li, ma nafx proprju l-għaliex, jaħsbu li laħqu s-sema u ħaddieħor dubbien. Tibda’ trodd is-slaleb, wieħed f’wieħed, kif dawn xammru daqshekk imneħirhom! U, jekk jogħġbok, uħud minnhom iwieġbu bi ħdura wkoll. Allaħares kulħadd hekk! Hawn nies ta’ professjoni li tqatta’ u tiekol minnhom. U, għall-grazzja tal-Mulej, kemm ipattu għal dawk li jħallu l-kesħa tal-ħażin tiġri fihom għall-għajrhom!

Din it-tip ta’ kesħa tidħol ukoll fil-familji, fil-postijiet tax-xogħol u, b’qasma akbar ta’ qalb, fil-kunventi tagħna. U hawn tagħmel ħerba ħerbun! Għax, minflok iġġibhom postijiet mimlijin bis-sħana tal-imħabba u l-ħniena, iġġibhom friża. Fil-friża kollox jibqa’ l-istess imma m’hemmx ħajja għax kollox iebes stanga! U, jekk ngħidu aħna, twaddab koxxa ta’ tiġieġa għal ras xi ħadd meta tkun iffriżata żgur li tħallih tal-post! X’waħdadin kemm hi tal-biża’ il-friża!

Kellu raġun Dante li fid-Divina Commedia jirrapreżenta lil Satana midfun fis-silġ. Għax hu l-perċimeż tal-indifferenza, tal-mibegħda u tal-ħdura fina u pulita! U kemm ħbieb din it-tip ta’ ħdura iġġib iżolament u toħloq inkwiet! Kemm hi forma ta’ abbuż tabilħaqq kbir li jibqa’ għaddej! X’tagħmel hux qalb supperva! Mhux ta’ b’xejn li quddiem din il-kburija nfernali l-Mulej qal fil-Bibbja: Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra, ma nistax inġerrgħu (S 101: 5).

Ejjew nibdlu r-rotta l-aħwa! Għax il-verità rridu nħabbtu wiċċna magħha! Jekk mhux illum jew għada imma ġurnata żgur! L-esperjenza tiegħi fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo din it-tagħlima tgħallimhieli fuq platt tad-deheb. Ejjew, minflok, nifhmu li għandna bżonn lill-Mulej u lil xulxin! Għax, fil-ħajja, kulħadd importanti! Għalhekk ħadd m’hu aħjar minn ħadd!

Kemm jolqotni l-kliem li hemm miktub fuq Shankly Gates li minnu tidħol għall-Club tal-Liverpool: You’ll never walk alone! Aħna msejħa biex ma nimxux għal rasna imma FLIMKIEN. Ħa negħlbu l-agħar virus, l-egoiżmu u l-għira ta’ bejnietna!

Hekk, mill-kesħa tas-suppervja ngħaddu għall-umiltà tax-Shankly Gates: You’ll never walk alone!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: