Nafu lil Ġesù? Jien ma’ Ġesù?


Il-Ħadd, 28 ta’ Marzu 2021: Omelija ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Pietru jinsab fid-dar tal-qassis il-kbir. L-għajjat ta’ min qed jakkuża ’l Ġesù jinstema’. Pietru stess jiġi akkużat li huwa ħaġa waħda ma’ Ġesù.   “ ‘Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret.’ Imma hu ċaħad u qal: ‘Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid.’ U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden.  Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: ‘Dan wieħed minnhom.’  U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit, dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: ‘Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija.’ Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: ‘Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu.’ ” (Mk 14:67-71).

Pietru qal li ma jafux lil Ġesù. Aħna nafuh lil Ġesù? Jekk xi ħadd jakkużana li aħna ma’ Ġesù ta’ Nazaret, x’se ngħidu? Se jsibu provi? Int ukoll ma’ Ġesù ta’ Nazaret! X’se tkun ir-risposta tagħna fil-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa?

Aħna forsi m’għandniex għalfejn inlumuh lil Pietru meta jgħid “ma nafux”. Mhux għax ma kienx jaf min kien jew inkella għax m’għamilx tliet snin miegħu minn dakinhar li lemaħ il-ħarsa tiegħu u sejjaħlu u ħalla kollox u telaq warajh, jew dikinhar li fejjaq omm il-mara tiegħu, jew dakinhar li rah glorjuż fuq it-Tabor u issa fl-Ort tal-Ġetsemani jegħreq l-għaraq tad-demm.

Pietru kien jaf min hu Ġesù. Għex tliet snin miegħu. Imma din il-ġimgħa li aħna bdejna ngħixu, hija l-ġimgħa li turina verament min hu Ġesù. Nistgħu ngħidu li qabel Ħadd il-Għid Pietru verament ma kienx jaf min hu Ġesù. Imsallab fuq is-salib, iċ-ċenturjun jagħrfu: “Dan huwa l-Iben t’Alla” (Mk 15:39). Pietru jasal biex jifhem min hu Ġesù wara li l-ħarsa tiegħu tiltaqa’ ma’ l-Imgħallem, jiftakar f’dak li qallu u jinfexx jibki (ara Mk 14:72). Hija l-bikja tal-indiema imma l-bikja li ssaffi qalb maqsuma.

L-istedina tiegħi lil min qiegħed isegwina permezz tal-mezzi tal-komunikazzjonijiet soċjali hija li din il-ġimgħa ngħixuha b’ġabra partikolari. Nippruvaw nevitaw id-distrazzjonijiet inutli. Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: Imma jiena lil Ġesù nafu? Jiena ma’ Ġesù?

F’dawn il-ġranet qaddisa nidħlu fl-iskola tal-imħabba ttraduta, l-imħabba li tagħti ħajjitha, l-imħabba li tmut għall-ħbieb. Ma’ Ġesù rridu ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, mid-dnub għall-grazzja, u mir-rabja għall-paċi. F’dan il-Ħadd, li huwa wkoll il-Ħadd tal-passjoni, lill-Mulej nitolbuh li f’dawn il-ġranet nsiru nafuh iżjed u li b’wiċċna minn quddiem nitolbuh ħniena, maħfra, u l-grazzja li nkunu miegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 50:4-7
Salm: 21(22):8-9,17-18a,19-20,23-24
Qari II: Fil 2:6-11
Evanġelju: Mk 14:1–15:47

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply