Il-ħajja mimlija kontradizzjonijiet. Mur ifimha! Tipprova tifhimha tafux! Imma, u b’daqshekk, x’ħa tieħu? X’ħa tirranġa?
Każ klassiku hu fil-post fejn l-Ispirtu s-Santu poġġieni biex nagħti s-servizz tiegħi, jiġifieri fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fis-snin li fadalli ngħix fuq din l-art. Normalment, kemm moħħna u anki l-esperjenza tal-ħajja, jgħidulna ċar hu tond li huma l-ġenituri l-ewwel li jitilqu minn dan il-Wied tad-Dmugħ u mhux l-ulied. Allura kif ikun hemm ġrajjiet u stejjer fejn l-ulied propju jitilqu huma l-ewwel għall-ħajja ta’ dejjem u hekk iħallu lill-ġenituri tagħhom warajhom b’qalbhom maqsuma jibku t-telfa tagħhom?
Barra minhekk, u normalment, huma x-xjuħ li jitilqu qabel iż-żgħażagħ. Allura kif inhi din li ġieli ssib persuni ta’ għoxrin, tletin, erbgħin, ħamsin li jitilqu qabel għall-eternità? U, fuq kollox, l-għaliex imutu persuni li huma tant tajbin u l-ħżiena, li jaqilbu d-dinja, jibqgħu jduru ‘l hawn u l’hemm qishom mhux huma? Din x’biċċa hi? Dan sewwa? Din ġustizzja? Dan Alla jagħmlu? U, jekk jagħmlu Hu, l-għaliex jagħmlu? U jekk jippermettih, l-għaliex dan jippermettih?
Ilni nismagħhom mistoqsijiet bħal dawn. U, ġewwa fija nħoss, u qed nistqarrha quddiem kulħadd, li se nibqa’ nismagħhom dawn it-tip ta’ mistoqsijiet. Irrid ngħid li ma jbeżżgħuniex. Kien hemm żmien li kienu jkexkxuni. Għax, ta’ żelanti li kont, ippruvajt niddefendi lill-Mulej. Sakemm fl-aħħar, fil-mawra tiegħi mal-Kangaroos, l-Ispirtu s-Santu għallimni li l-Mulej m’għandux bżonn min jiddefendih. Jaf jiddefendi lilu nnifsu. Imma l-Mulej iridni iva noqgħod mal-poplu tiegħu li ma jifhimhx dawn il-mumenti. Daqskemm dawn il-mumenti ma nifimhomx jiena stess wara kollox.
U, biex aktar u aktar jagħmillni ta’ ġewwa ma’ dawn il-mistoqsijiet tant skomdi, ippermetta li, l-għażiża oħti Josephine, tgħaddi minn xiex għaddiet. Għaliex ippermetta lil għażiża oħti li ma jkollhiex ulied? Hi li tant kienet tħobbhom lit-tfal u li persważissmu li kellha biżibilju mħabba x’tagħtihom li kieku tahomlha? L-għaliex oħti kellha timrad bil-marda qerrieda tal-kanċer u tmut ħesrem? L-għaliex kellha issir taf fl-istess jum li jien kont qed niġi ordnat saċerdot fil-Konkattidral ta’ San Ġwann il-Belt, nhar l-20 ta’ Ġunju 2003, li kellha fuqha dak li kellha fuqha? Hi, li kienet ħititli l-ħwejjeġ tal-quddiesa? U l-għaliex ħallieha tmut meta hi kienet għalija t-tieni ommi?
Għandi bżonnha jien lil oħti Josephine f’ħajti? Tiċċajta! Daqskemm konna nitħaddtu flimkien! Hemm qiegħdha? Le! Għaddiet għal ħajja ta’ dejjem. U meta niftaħ qalbi b’dawn il-frażijiet mal-oħrajn, inkluż man-nies li magħhom ngħix fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, ikun min ikun pront jgħidli: Għaliex Patri tibqa’ temmen? Kif tibqa’ temmen? Xi jġagħlek tibqa’ daqshekk pożittiv? Huwa hawn ħuti li nibda’ nċarrat ħalqi u nidħak. U, allaħares ma jkunx hekk l-għaliex kieku ilni li tlift moħħi.
Imma meta qed nidħak qed nuri li jien ma nħobbx jew qed inħobb? Qed nuri li jien ma nagħtix każ jew li qed nagħti każ ħafna aktar minn dawk li huma ilsiera ta’ moħħhom għax jaħsbu li kollox irid iseħħ kif jaħsbu huma? O moħħ! Kemm int veru bla moħħ! O moħħ! Kemm int bla sugu! U jien ngħidlek għażiż moħħi l-għaliex int, xi minn daqqiet, tabilħaqq bla sugu. Għax int taħseb li dak li qed taħseb int hu dak li hemm x’jiġi maħsub! Int taħseb li dak li qed taħseb int hu l-verità! Imma, u jaħasra, mintix tinduna li int priġunier tal-biża? Mintix tinduna li int laqgħi ta’ dak li jidher? Mintix tinduna li int trid tibqa’ imkaħħal fil-port tar-rejaltà? Għaliex tippreferi timtela bl-alga mkaħħal max-xatt u ma taqbadx u tbaħħar fil-fond? L-għaliex tippreferi titkisser mal-moll u ma titlaqx għal għonq it-triq f’oċejan kbir?
Quddiem l-imwiet ta’ persuni tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u nies ta’ mezza età, ġieli fil-blogs tal-gazzetti ewlenin kien hemm min kiteb li esperjenza xokkanti u ta’ qsim-il qalb bħal din u dawn ixxerred oċejan tad-dmugħ. Din il-frażi għamlitni skomdu. L-għaliex, kbira kemm hi kbira t-telfa, u dan ngħidu l-għaliex ġarrabtha jiena stess meta oħti Josephine mietet ta’ 48 sena, anki jekk il-weġgħa kienet kbira u fonda biss f’dak il-biki ta’ qsim il-qalb li bkejt meta dfinnieha xorta waħda ħassejt f’qalbi li kien hemm xi ħaġa ferm u ferm akbar minn dak li kont qed inħoss f’dak il-mument iebes.
Ix-xbieha li l-Ispirtu s-Santu qed jagħtini quddiemi bħalissa hi dik tal-farka li tiġi quddiem il-ħabba t’għajnejja. Kemm inweġġa’ meta xi ħaġa tmissli proprju dan il-punt l-aktar strateġiku fil-viżta tiegħi. Għax, meta tkun inkullata m’għajnejja, jien mhux biss inkun muġugħ imma ma narax. U hi ħaġa tal-biża’ u tal-biża’ ħafna meta ma narax! Sakemm xi ħadd, bis-sabar kollu, ineħħili dik il-farka u mbagħad, wara li nlaħlaħ fuq li nlaħlaħ sewwa l-ħabba t’għajnejja, bil-mod il-mod nibda’ nara mill-ġdid. U nara ukoll b’ċertu kumdità wkoll. Nista’ ninsa’ il-fatt li għajnejja ħadet kedda? Żgur li le! Imma, dik l-esperjenza, li issa saret parti minni, tibqa’ tkun parti min-nisġa ta’ ħajti.
Naf li dan l-eżempju mhux l-aħjar wieħed biss bih l-Ispirtu s-Santu jgħallimni fuq li jgħallimni. Għax l-istorja ta’ ħajti, bħalma hi tiegħek, hi, minnha nnifisha, storja. Għalhekk m’għandix le għalfejn nixtri xi serje ta’ kotba ta’ stejjer fuq ħaddieħor. Jien għandi l-istorja tiegħi x’nirrakkonta. L-istess bħalma għandek int. Għalhekk, meta jiġu jitħaddtu miegħi n-nies fl-isptar inħalliehom jiżvugaw. U ġieli, meta ma jkunux jistgħu jsaqsu l-mistoqsijiet ta’ protesta tagħhom mal-Mulej ngħinhom jiena stess isaqsuhom. Issa, b’dan l-eżerċizzju kollu, x’tgħallimt?
Tgħallimt li meta aħna lill-Mulej ngħidulu: L-għaliex jien Mulej? aqta’ x’paċi ġewwiena nħossu ġewwa fina! Dan l-istess bħal meta persuna, sforz l-uġiegħ li kellha fil-marda tagħha, qalet lill-Mulej: Mela nsejtni? Kif qamet l-għada? L-uġigħ telaqha! U l-oħra, li aqta’ kemm ħassitha ħażin waqt it-trattament, qaltlu: Kemm se tkompli ttini? L-istess. L-għada qamet ferm u ferm aħjar. Għax il-Mulej jara l-qalb! Jisma’ il-karba tal-uġigħ! Jakkumpanjana! Għax jara s-sinċerità tagħna!
Irrid nagħmel kuraġġ lill-familjari ta’ min tilef lil xi ħadd għażiż u ta’ età żgħira. Sibu lil min jgħinnkom toħorġu r-rabja li għandkom għall-Mulej. Għax dik, aktar milli rabja, tkun xewqa kbira li titolbu. Sibu lil min jgħinnkom issaqsuh il-mistoqsija. Sibu lil min joqgħod magħkom mhux għax għamel xi kors jew qara l-kotba jew jilgħabha li jifhem imma l-għaliex ġarrab. U, l-għaliex għadda fuq li għadda, jaf x’jiġifieri titkaxkar. Ħa ngħidilkom ħaġa ħuti: Kemm inħossni xxurtjat meta fil-ħajja ħadt tkaxkira. Meta qalu fuqi. Meta iġġudikawni. Meta ma nżiltx u għal uħud, għadni ma ninżilx tajjeb magħhom. Imma kuraġġ ħuti! Għax f’dan l-uġiegħ, f’dan l-inkwiet, f’din id-dieqa, li hemm il-fejqan, is-sabar, is-sliem, u l-barka!
Ejjew noffru dak li għadna: l-esperjenza ta’ dak li għaddejna minnu bħala rigal ta’ sollief lil xulxin!