Lezzjoni II: S. Fidiel ta’ Sigmaringen

Print Friendly, PDF & Email

24 ta’ April: SAN FIDIEL TA’ SIGMARINGEN

SAĊERDOT U MARTRI

Tifkira

San Fidiel twieled f’Sigmaringen, il-Ġermanja, fl-1578. Daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri Kapuċċini, u għadda ħajja iebsa ta’ ċaħda u talb. Il-Kongregazzjoni Mqaddsa għat-Tixrid tal-Fidi qabbditu jħabrek biex isaħħaħ it-tagħlim tajjeb f’Rezja, u ntefa’ għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla. Fl-1622 l-eretiċi qatluh f’Seewis, fl-Iżvizzera u hekk miet martri.

LEZZJONI II

Tifħir lil San Fidiel, saċerdot u martri

Bniedem fidil f’ismu u f’għemilu

Il-Papa Benedittu Erbatax faħħar lil San Fidiel bħala difensur tal-fidi kattolika, u qal: “Fidiel sawwab imħabbtu, li biha kien mimli, u xerridha fuq għajru biex iwieżnu u jgħinu fi ħtiġietu; huwa ħaddan miegħu bħal missier l-imsejknin kollha, u kien jittallab il-karità minn kullimkien biex jagħti l-għajnuna lil għadd kbir ta’ foqra.

“Wera ħniena kbira mal-iltiema u r-romol li ma kellhom lil ħadd, u kien jiksbilhom l-għajnuna tal-kbarat u l-prinċpijiet; għen kemm seta’ lill-ħabsin kollha fil-ħtiġiet tagħhom tar-ruħ u tal-ġisem; kien iżur bil-ħerqa lil kull xorta ta’ morda, jagħmlilhom il-qalb, iqararhom u jħejjihom bla heda għat-taqbida tagħhom tal-aħħar.

“F’ħidma bħal din, qatt ma ġabar kotra hekk kbira ta’ merti daqs kemm meta l-eżerċtu tal-Awstrija, stazzjonat  fl-inħawi ta’ Retia, inqabad kważi kollu kemm hu minn mard li jittieħed, u l-imsejkna suldati kienu qegħdin jittieklu mill-ġrieħi u l-mewt”.

Barra minn din il-ħidma ta’ mħabba, dan il-bniedem, fidil f’ismu u f’għemilu, kien imħeġġeġ b’mod tal-għaġeb biex jiddefendi l-fidi kattolika; qatt ma għeja jxandarha, u, ftit jiem biss qabel ma xerred demmu għaliha, fl-aħħar priedka li għamel, qisha t-testment tiegħu, huwa qal:“O fidi kattolika, kemm int qawwija u sħiħa, kemm għandek għeruqek b’saħħithom, kemm int mibnija tajjeb fuq il-blat! Is-smewwiet u l-art jgħaddu, iżda int qatt ma tista’ tiġi nieqsa. Sa mill-bidunett, id-dinja kollha merietek, iżda int bil-qawwa kbira tiegħek irbaħt kull tfixkil. “Din hi r-rebħa li rebħet lid-dinja, il-fidi tagħna; hija xeħtet slaten ta’ qawwa kbira taħt il-madmad tas-saltna ta’ Kristu, u wasslet popli sħaħ biex iqimu lil Kristu.“X’kien li ġiegħel lill-qaddisin appostli u martri jgħaddu minn taqbid qalil u tbatija ħarxa jekk mhux il-fidi, u l-aktar il-fidi fil-qawmien mill-imwiet?

“X’kien li ġiegħel lill-eremiti jkasbru l-pjaċiri, iwarrbu l-unuri, jixħtu l-għana taħt saqajhom, jiċċaħħdu miż-żwieġ u jgħixu weħidhom jekk mhux il-fidi ħajja tagħhom?

“U llum, lid-dixxipli veri ta’ Kristu, x’inhu jġegħilhom iwarrbu l-fsied, jinfatmu mill-ħlewwiet tal-art, jilqgħu fuqhom kull ebusija u jistabru b’kull taħbit? “Hija l-fidi ħajja, li taħdem permezz tal-imħabba, u li, bit-tama tal-ġid li għad niksbu, iġġagħalna ninħallu mill-ġid ta’ issa, u minflok il-ħwejjeġ ta’ din il-ħajja nagħżlu dawk tal-ħajja li għad trid tiġi”.

RESPONSORJU                                              

2 Tim 4:7-8a; Fil 3:8b. 10

1. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. * Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, hallelujah.

2. Ilqajt li nitlef kollox, biex nagħraf lil Kristu u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt. * Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja,

hallelujah.

Talba

O Alla, int imlejt b’ħeġġa kbira ta’ mħabba lil San Fidiel ta’ Sigmaringen, u għoġbokj iżżejnu bir-rebħa tal-martirju wara ħajja ħabrieka għat-tixrid tal-fidi; bit-talb tiegħu, agħtina li nniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba u li bħalu nagħrfu l-qawwa tal-qawmien ta’ Ibnek Ġesu Kristu Sidna, li hu Alla.

%d bloggers like this: