Politika msejsa fin-nies

Print Friendly, PDF & Email

Papa Franġisku: Ippromwovu politika mhux biss għan-nies, imma man-nies

Il-Papa Franġisku jibda l-messaġġ awdjo-viżiv għall-parteċipanti tal-Konferenza Internazzjonali “Politika msejsa fin-nies”, fejn bosta organizzazzjonijiet kienu preżenti. Din il-konferenza ġiet organizzata miċ-Ċentru għat-Teoloġija u l-Komunità f’Londra. L-Papa sellem ukoll, b’mod partikolari lil “Kampanja Kattolika għall-Iżvilupp tal-Bniedem, li qed tiċċelebra l-50 sena fil-ħidma tagħha li tgħin lill-komunitajiet foqra fl-Istati Uniti biex jgħixu b’mod aktar denju billi jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom.”

Il-Qdusija Tiegħu spjega li l-missjoni hija li “jakkumpanjaw lin-nies fil-ġlieda tagħhom għax-xogħol, pagi u dar, u li joqgħodu magħhom meta jiltaqgħu ma’ attitudnijiet ta’ oppożizzjoni u disprezz.” Huwa ddeskriva wieħed mill-għanijiet tal-laqgħa, dak li jikxef li “r-risposta vera għaż-żieda tal-populiżmu mhux preċiżament iktar individwaliżmu imma pjuttost l-oppost: politika ta’ fraternità, msejsa fuq il-ħajja tal-poplu.”

Il-Konferenza hija bbażata fuq it-temi diskussi fil-ktieb ‘Let us dream’. Dan ġie ppublikat reċentement mill-Papa Franġisku, miktub b’kollaborazzjoni mal-ġurnalist Ingliż Austen Ivereigh. F’dan il-ktieb, il-Papa jgħid: “Jien insejħilha ‘politika b’ P kapitali’, l-politika bħala servizz, li tiftaħ mogħdijiet  ġodda għan-nies biex jorganizzaw u jesprimu lilhom infushom.” Din it-tip ta’ politika, jkompli jgħid, hija “mhux biss għan-nies, iżda man-nies, imsejsa fuq il-komunitajiet tagħhom u fil-valuri tagħhom.”

Il-Papa jkompli jinnota li “meta n-nies jitwarbu, jiġu mċaħda mhux biss mill-benesseri materjali, iżda mid-dinjità li jaġixxu, li jkunu protagonisti tad-destin u l-istorja tagħhom stess, li jesprimu ruħhom mil-valuri u l-kultura tagħhom, bil-kreattività u l-frott tagħhom.” Huwa spjega li għal din ir-raġuni li huwa ‘mpossibli’ għall-Knisja li tissepara l-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali mir-rikonoxximent tal-kultura u l-valuri tan-nies, li jinkludu l-valuri spiritwali li huma s-sors tas-sens ta’ dinjità tagħhom. “Imma wieħed jifhem ukoll lir-rispett għan-nies ifisser rispett ukoll għall-istituzzjonijiet tagħhom, inklużi dawk reliġjużi; u li r-rwol ta’ dawn l-istituzzjonijiet mhuwiex li jimponu, imma li jimxu man-nies, u jfakkruhom fil-wiċċ t’Alla li dejjem jimxi quddiemna,” l-Papa żied.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġiġhom, biex bħal ragħaj it-tajjeb, huma jpoġġu l-ewwel dawk li huma l-iktar vulnerabli. Hekk kif “noħorġu biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt u midrub fl-ifqar komunitajiet tagħna jgħina biex nirkupraw il-qawwa missjunarja tagħna”. Politika li tagħti daharha lill-foqra, “qatt ma tkun kapaċi tippromwovi l-ġid komuni,” qal il-Papa.

Il-Papa kkonkluda l-messaġġ awdjo-viżiv, billi nnota li “issa, aktar minn qatt qabel, irridu nibnu futur minn isfel, minn politika man-nies, għall-politika msejsa fuq in-nies. J’Alla din l-konferenza tgħin biex tiddawwal it-triq.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-francis-videomessage-international-conference-politics.html

Ara l-messaġġ kollu bl-Ingliż … https://press.vatican.va/content/salastampa/en/bollettino/pubblico/2021/04/15/210415e.html

%d bloggers like this: