Iż-żewġ kolonni

Kull darba li nkun se nidħol f’kamarti, sewwa sew fuq in-naħa tal-lemin, dejjem nilmaħhom hemm! Iħarsu lejja ċassi! Bla ma jgħiduli kelma li hi kelma!

Id-drabi li ħarist lejhom hekk kif nkun ħa mmidd riġlejja f’kamarti, ngħidilkom il-verità ma nistax ngħidilkom sewwa. U mela jien nista’ qatt ngħoddhom dawn id-drabi li ma jispiċċaw qatt x’kull waħda tnejn? Madankollu, anki jekk id-drabi ma nistax ngħoddhom imma kull darba li għaddejt minn quddiemhom ħarist lejhom. Għax interessawni bil-kif. Huma wkoll baqgħu jħarsu lejja mingħajr ma ħarrku fommhom li ma jidhirx. Imma li żgur qiegħed hemm! U l-għaliex dan?

Dawn il-kolonni tal-ġebel it-tnejn li huma għandhom qalb tal-laħam. It-tnejn li huma jħossu. Ħallieha li l-forma tagħhom taf tkun qarrieqa għax taf issibhom fl-aqwa palazz u anki biex magħhom jitħaġġru persuni innoċenti, bħalma kien fil-każ ta’ Kristu. Mela, ir-raġuni tal-eżiżtenza tagħhom hi mill-kuruna tal-glorja għal dik li twassal għall-eħrex tbatija. Iżda, u kien x’kien il-każ, lili baqgħu jitħaddtu miegħi. Waħda minnhom, li jien stess ma nafx liema waħda, tfakkarni fil-ħajja tiegħek u tiegħi. Ħajjitna li, daqqa hawn u daqqa hemm. Daqqa qomna ferħana u daqqa qomna bihom. Daqqa rajna lil kulħadd bħala barka għalina u daqqa sħetna s-siegħa u l-mument li middejna riġlejna ‘il barra minn dak l-imbierek friex għodu għodu!

Imma, il-kolonna tagħna, waħedha, ma tagħmilx sens. Għax aħna, aħna min aħna, aħna li nagħtu impressjoni ta’ ma nafx xiex li aħna, waħedna stonatura mill-kbar nett! Anki jekk bħalissa hawn min qed jgħidli: Tkellem għalik! Il-fatt hu li waħedna tgħaffiġ biss nagħmlu. U anki jekk nippruvaw nagħtu l-impressjoni li aħna nies sewwa nafu inbażwru xorta waħda. Mela ħa nagħlaq ħalqi u ma nitfgħax aktar ġebel fuq ħaddieħor jekk ma rridx li lili jordmuni ħaj u ħajja bihom stess! U hekk jkollhom bil-wisq raġun!

Il-kolonna l-oħra f’ħajjitna għandna bżonnha! Għax il-kolonna l-oħra ntrabat magħha l-Bniedem-Alla, Ġesù Kristu Sidna. Fit-tielet misteru minn tat-tbatija hawn min jitolbu hekk: Meta Sidna Ġesù Kristu rabtuh mal-kolonna u magħha flaġellawh. Imma lilu rabtuh mal-kolonna jew inkella intrabat Hu? Jewwilla mhux Hu li ħalliehom jagħmlu bih li jridu? Il-Bibbja dan tgħidulna ċar u tond meta, fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija, il-Kelma t’Alla tfakkarna hekk: Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu (Is 53:7). Min dan it-test qed nintebħu li kien HU LI ĦALLIEHOM jagħmlu li jridu bih. Bilħaqq, hemm vers ieħor qawwi li jfakkarna f’dan. Tiftakru meta Pietru kien qiegħed fil-ġnien taż-żebbuġ ma’ Ġesù u hekk kif l-Imgħallem tagħna ġie ittradut u arrestat hu silet is-sejf u qata’ il-widna l-leminija tal-qaddej tal-qassis il-kbir? X’qallu Ġesù lil Pietru?Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir? (Mt 26:52-54).

Ħalli issa nirriversja naqra lejn il-kolonna l-oħra. Il-Bibbja tkellimna ħafna fuq il-kolonna l-oħra. Il-Kelma t’Alla issejħilha hekk: Il-kolonna tas-sħab binhar u l-kolonna tan-nar billejl (Eż 13:22), il-kolonna tal-lemin u semmieha Ġakin; u waqqaf il-kolonna tax-xellug u semmieha Bogħaż (1 Slat 7:21), il-mara li hi ta’ għajnuna u taqbel mar-raġel hi kolonna biex iserraħ fuqha. (Sir 36:24), kolonna tal-ħadid (Ġer 1:18), kolonna tal-injam (Bar 6:58), kolonna u pedament tal-verità (1 Tim 3:15), u ir-rebbieħ nagħmlu kolonna fit-Tempju ta’ Alla tiegħi (Apok 3:12).

Li jidher ċar hu li minn dawn it-tifsiriet bibliċi tal-kolonna, dik il-kolonna li turi ħidmet il-Mulej fostna hi ta’ min jorbot fuqha! F’kelma waħda hi dik il-kolonna li timxi magħna skont id-dgħjufija u l-limiti tagħna ta’ bnedmin. Binhar tkun tas-sħab u billejl tan-nar. L-importanti hu li tibqa’ tidher. Għax, il-Mulej, qalilna ċar u tond: Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja (Ġw 8:12). Għalhekk la tibżgħux minnhom. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut (Mt 10:26-27). Jerġa’ ifakkarna f’San Mattew: Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet (Mt 5:14-16).

Il-kolonna mela hi int u jien meta insejsu ħajjitna fuq Ġesù u t-tagħlim tiegħu. Għax jagħmilna kolonna li jista’ iserraħ fuqna. Jagħmilna kolonna soda tal-ħadid ħalli tiflaħ iġġorr il-piż li hemm marbut mas-sejħa tagħna ta’ Insara. Il-kolonna nkun jien meta nibqa’ mal-verità tal-vanġelu kif imwassla minni mill-Knisja u mhux nara kif nagħmel li fejn jaqbilli ngħid li jien Nisrani u Nisranija u fejn ma jaqbillix jew ma jdoqqlix arani indabbar rasi bl-iskuża li llum kulħadd hekk jagħmel inkella ma tkampax. Li nkun kolonna hu unur mill-aktar kbir għalija bħala bniedem u bniedma għax inkun ħallejt lil Ġesù jirbaħ fija. Inkun ħallejt lil Ġesù jsaltan fija ħalli ma ninġarrx mill-moda tallum, minn dak li jaħsbu ta’ madwari jew minn kif iridni li nkun ħaddieħor.

Imma l-kolonna li fflaġellaw magħha lil Ġesù teżiżti? F’Ġerusalemm, fil-Via Dolorosa, hemm il-magħrufa Kappella tal-Flaġellazzjoni. Din il-Kappella hi magħrufa ħafna għat-twieqi stained-glass li fiha wara l-altar fuq kull naħa tas-santwarju. Dawn it-twieqi juru lil Pilatu li qed jaħsel idejh, lil Ġesù li qed jiġi ifflaġellat u lil Barabba ferħan se jtir l-għaliex fl-aħħar ġie meħlus. Fis-saqaf, fuq l-altar, hemm mużajk lewn dehbi li juri l-kuruna tax-xewk u li ġo fiha hemm il-kwiekeb. Kos hux! Anki fix-xewk hemm il-kwiekeb! Anki fix-xewk hemm is-sabiħ u l-glorja!

Imma x’sar minna l-kolonna li magħha kien ifflaġellat Ġesù? Hekk kif tidħol fil-kappella ta’ San Zeno, li qiegħda fil-Bażilika ta’ Santa Pressede, hemm oġġett iswed tal-irħam, bid-dbabar bojod, u li qiegħda f’niċċa. L-oġġett jidher qisu biċċa chess madankollu jingħad li hi l-kolonna li magħha l-Mulej Ġesù kien iflaġellat.

Matul il-kruċjati medjevali kienet ħaġa tassew komuni li jittieħdu fdalijiet minn Ġerusalemm u jinġiebu f’Ruma. Uħud minnhom kienu jitpoġġew fil-knejjes bħala relikwi, bħalma hi din il-kolonna nnifisha, il-kuruna tax-xewk (illum qiegħda fil-Kattidral ta’ Notre Dame f’Pariġi) jew l-għadam ta’ San Ġilormu (illum qiegħed fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore). Ir-relikwa tal-kolonna tal-flaġellazzjoni nġiebet mill-Art Imqaddsa lejn Ruma fl-1222 mill-Kardinal Giovanni Colonna ż-Żgħir, li kien membru tal-familja influwenti Colonna matul is-seklu tlettax. Meta s-Sultan ta’ Ġerusalem tah din il-kolonna wara r-Raba Kruċjata, Colonna ġab il-kolonna lura lejn Santa Prassede, li kienet il-knisja kardinalizja tiegħu mill-1212. Anki jekk, għal xi storiċi, l-istorja ta’ din il-kolonna qabel l-1222 tibqa’ mhux ċara.

Fuq in-naħa ta’ fuq tal-kolonna hemm ħolqa tal-metall fejn Kristu kien marbut tul il-flaġellazzjoni tiegħu. Qabel ittieħdet lejn il-kappella ta’ San Zeno fl-1699, il-kolonna ma kinitx kompletament għall-wiri għall-pellegrini. Kienu juruha biss fil-jiem tal-festi. Illum, il-kolonna qiegħda f’dan ir-relikwarju magħmul mill-bronż u li ġie iddiżinjat minn Duilio Cambellotti fl-1898. Il-kolonna hi inkluża ma’ monumenti oħra Rumani bħal l-iskultura li nsibu fil-kappella Chigi li tinsab fil-Knisja ta’ Santa Maria della Pace. Filwaqt li ħafna storiċi huma xettiċi mill-istorja vera ta’ din il-kolonna xorta waħda tibqa’ eżempju kbir ta’ meta inġiebu relikwi mill-Art Imqaddsa għal Ruma matul il-Kruċjati.

U aħna, li ħajjitna ġlieda l-ħin kollu kontra l-qawwiet tal-ħażen ta’ ġo fina u ta’ madwarna, kif nistgħu ma nħallux il-kolonna ta’ Kristu, maħlusa kif inhi bid-demm tal-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan (Gal 5:22-23) ma tħollniex mill-kolonna tagħna fejn fiha ġejna iflaġellati fuq li ifflaġellati miż-żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbaħrid, u ħwejjeġ bħal dawn (Gal 5:19-21)?

O kolonna imxarrba bid-Demm Imqaddes ta’ Ġesù miegħek nitgħannaq ħalli nikber fil-virtù. Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap