Il-Ħadd, 18 ta’ April 2021: Omelija tat-Tielet Ħadd tal-Għid mill-Isqof Anton Teuma. Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II, il-Belt Victoria.
Omelija fit-3 Ħadd tal-Għid
Kappella tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, Victoria
Il-Ħadd 18 ta’ April 2021
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex
Bl-għajnuna ta’ Alla rġajna nġbarna lkoll flimkien bħala komunità li temmen. Għaliex hu importanti li ninġabru flimkien? Għax “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20). Aħna nistgħu nħossu l-preżenza ħajja ta’ Ġesù, u ma tibqax biss xi ħaġa tal-moħħ, ma tibqax biss xi ħaġa li rridu niftakru, bħal meta tkun id-dar quddiem skrin u trid tiftakar; illi dik il-quddiesa, li dik il-Lectio Divina, li dik il-konferenza li qed issir, hi xi ħaġa li qiegħda ssir fuq Ġesù, fuq Alla. Allura hi xi ħaġa iktar tal-moħħ, tiftakar; milli esperjenza sħiħa tal-persuna. Bħal meta qomt filgħodu, ilbist, ħriġt mid-dar, u mort f’post fejn jiltaqa’ kulħadd, fejn niltaqgħu lkoll flimkien; biex inkunu nistgħu, mhux biss biex niltaqgħu ma’ xulxin, mhux biss inkunu fil-quddiesa, fil-preżenza. Le! Hija ftit wiesgħa. Imma biex aħna nagħmlu esperjenza ta’ Ġesù ħaj, Ġesù rxuxtat.
L-Evanġelju tal-lum ikellimna fuq dawn it-tnejn illi minn Ġerusalemm l-ewwel marru lejn Għemmaws, tbiegħdu mill-belt ta’ Alla, Ġerusalemm, il-belt il-qaddisa, tbiegħdu mill-oriġni tagħhom. Il-Lhud jemmnu li kull Lhudi, kull bniedem li jemmen fir-reliġjon Ġudajka, għandu l-oriġni tiegħu, għandu l-bidu tiegħu fil-belt ta’ Ġerusalemm. Kif aħna nemmnu, kull wieħed u waħda minna, li għandna l-bidu tagħna, l-oriġni tagħna, fl-imħabba ta’ Alla. Allura li tmur Ġerusalemm għal-Lhud tfisser li terġa’ tmur għall-oriġni tiegħek, terġa’ tmur għall-bidu tiegħek. Li titbiegħed minn Ġerusalemm ifisser li tinsa l-identità tiegħek, tinsa int min int. Dan hu ftit jew wisq li jiġri lilna. Aħna wkoll minn Għemmaws erġajna lura lejn Ġerusalemm. Aħna wkoll xi ftit jew wisq erġajna nġbarna f’din id-dar, li hija simbolu, sinjal tal-qalb mimlija mħabba ta’ Alla li tagħtina l-enerġija, tagħtina l-eżistenza, tagħtina l-ħajja.
Għalhekk meta proprju jkunu flimkien, “Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom” (Lq 24:36). Mhux jidher. Ma nistennewhx jidher lil Ġesù. L-Evanġelju qatt ma jitkellem fuq dehra. Qatt! L-Evanġelju jitkellem fuq ‘jagħrfuh’, jew ‘ikun hemm’ u ‘jindunaw bih’. Ġesù qiegħed hawn, il-biċċa xogħol tagħna issa hi li rridu nindunaw bih. Mhux ser jidher u jisparixxi. Qatt ma jitkellem hekk l-Evanġelju. Hija l-idea żbaljata ta’ moħħna, kif nimmaġinaw il-ġrajjiet ta’ Ġesù wara l-qawmien mill-imwiet. Ngħidulhom ‘dehriet’ fil-fatt b’mod żbaljat.
Allura fl-Evanġelju tal-lum għandna d-dixxipli ta’ Għemmaws illi jmorru lura lejn Ġerusalemm, imorru lura lejn l-oriġni tal-identità tagħhom, u x’jagħmlu hemmhekk? Jitkellmu ma’ sħabhom fuq dak li “ġralhom mat-triq, u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Kellna esperjenza tiegħu, imxejna biċċa triq miegħu, spjegalna l-Iskrittura. X’jiġri? L-Evanġleju jgħidilna li anki l-oħrjan, anki l-ħdax u d-dixxipli l-oħra li kienu Ġerusalemm. X’għamlu? Huma wkoll bdew jirrakuntawlhom l-esperjenza tagħhom tal-Irxoxt. Bdew jgħidulhom li deher ġo nofshom, jew li kien ukoll f’nofshom. X’ġara? Waqt li qed jitkellmu flimkien: “Kif kienu għadhom jitkellmu” (Lq 24:36). Kull darba li aħna niltaqgħu u naqsmu flimkien il-ħidma ta’ Alla fil-ħajja tagħna, il-ħidma ta’ Alla fl-esperjenza tal-istorja tagħna, dak il-ħin Ġesù jkun preżenti.
Din mhix fantasija. Din esperjenza li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu. Ħa nipprova nfakkarkom ftit, għax xi ftit jew wisq esperjenza bħal din ilkoll kemm aħna għamilnieha. Min imur il-gruppi tal-Iskrittura, pereżempju min jiġi l-Komunità hawnhekk, jaf li hemm it-tieni laqgħa, ngħidulha l-laqgħa tal-kondiviżjoni, tax-sharing, tar-riżonanza; li int tipprova tirrakkonta ftit kif dik il-Kelma messitek, iltaqgħet miegħek dik il-ġimgħa li għaddiet, minn meta smajtha l-ġimgħa ta’ qabel. Għiduli intom, meta jkun hemm sinċerità, meta jkun hemm verità f’dak li aħna ngħidu, nagħmlux esperjenza vera tal-preżenza ta’ Ġesù! Għiduli intom dik il-kelma ta’ Ġesù, “il-Paċi magħkom! Is-sliem għalikom!” (Lq 24:36), jekk tkunx hemm, jekk tkunx preżenti! Hijiex ta’ veru, jew jekk hijiex sempliċiment fantasija! Għiduli intom, meta tgħaddi minn esperjenza, kultant iebsa, u tiltaqa’ ma’ xi ħadd u tipprova titkellem miegħu u tgħidlu: “Isma’, imma jien rajt l-id ta’ Alla fl-istorja tiegħi”, u tibda tgħidlu, u hu jibda jgħidlek ukoll… Dak il-ħin forsi ma nkunux konxji ta’ x’inhu jiġri, imma wara, x’esperjenza profonda nagħmlu, x’esperjenza qawwija nagħmlu. Ma nkunux sempliċiment qed nagħmlu kondiviżjoni tal-emozzjonijiet tagħna, ma nkunux sempliċiment qed nagħmlu kondiviżjoni, sharing, ta’ xi ġralna, imma nkunu qegħdin nixxerjaw xi ħaġa iktar profonda. Il-ħidma ta’ Ġesù ħaj, il-ħidma ta’ Alla fl-istorja ta’ ħajtek, il-ħidma ta’ Alla fl-istorja tal-persuna li hemm quddiemek. Għiduli intom jekk xi darba jew oħra għamilniex din l-esperjenza! Għiduli intom jekk ukoll aħna ngħixux is-sliem, il-paċi!
Hija esperjenza li tmur lil hinn minn dik li ngħidulha ‘l-empatija’. Hija esperjenza li tmur lil hinn min dik li ngħidulha komunikazzjoni ‘emottiva’ jew ‘affettiva’; li nikkomunikaw l-emozzjonijiet tagħna u nħossuna sew. Tmur wisq lil hinn. Hija esperjenza spiritwali, esperjenza tal-preżenza ta’ Ġesù ħaj, fil-komunità. “Fejn hemm tnejn jew tlieta” (Mt 18:20). L-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna “f’sinfonija”. Aħna ttraduċejniha “miġburin”. Le. Ġesù jgħid: “Fejn hemm tnejn jew tlieta f’sinfonija miegħi, hemm jien qiegħed f’nofshom”.
Ġesù qiegħed hawn f’nofsna dalgħodu. U qiegħed hawn mhux bħala fantażma. Għaliex San Luqa jagħmel enfasi li Ġesù mhux preżenti bħala fantażma. Għax il-Lhud u l-Griegi kienu jemmnu li l-bniedem, għalkemm imut, imma r-ruħ tiegħu tmur fix-‘Sheol’, tmur fl-art tal-imwiet, ir-ruħ tiegħu tibqa’ ddur. Il-Griegi kienu diġà bdew jemmnu qabel Ġesù li r-ruħ hija immortali, li ma tmutx. Platun, filosfu kbir Grieg, jgħidilna li r-ruħ hija maqfula ġo ġisem. Sokrate kien qatel lilu nnifsu, ħa l-velenu, għaliex? Għax qal: “Hekk biss nista’ nkun ħieles, ir-ruħ tiegħi, l-ispirtu tiegħi jkun ħieles u ma jibqax maqful fil-ħabs ta’ dan il-ġisem”. L-idea ta’ Ġesù li jirxoxta, l-idea ta’ Ġesù li jieħu ġisem, li mhux bħalma kellu qabel, imma ġisem spiritwali, il-ġisem tal-irxuxtat, hija idea għalkollox ’il barra mill-ħsieb u mill-ideat ta’ żmienu. Hi għalkollox ġdida din l-idea. Mhiex xi ħaġa li kienet diġà fil-mentalità tan-nies ta’ żmienu.
Ġesù lid-dixxipli u lilna dalgħodu jurina li hu mhux fantażma. L-idea ta’ ġisem li miet u ruħ li tibqa’ ħajja, imbagħad din ir-ruħ b’xi mod tista titfaċċa xi mkien; l-idea tal-fantażma hija idea Griega, tal-Griegi, li mbagħad adottawha wkoll il-Lhud. Hija idea li aħna kultant għadna nkaxkruha. Imma Ġesù fl-Evanġelju jagħmilha b’mod ċar. Le, m’iniex fantażma, il-preżenza tiegħi hi ta’ veru. Dawk l-eżempji: “Araw idejja u riġlejja” (Lq 24:39), il-fatt li jiekol “biċċa ħuta mixwija” (Lq 24:42), huma kollha prova, huma kollha Ġesù li qed jipprova jurina li hu mhux fantażma. Imma Ġesù huwa ħaj, huwa ħaj realment, huwa ħaj b’ġisem spiritwali. Noqogħdu attenti biex ma ngerfxux meta nitkellmu fuq il-qawmien, ir-rianimazzjoni tal-ġisem, ta’ ġisem mejjet, mal-ġisem irxuxtat, mal-ġisem glorjuż. Ir-rianimazzjoni tal-ġisem mejjet hi dak li ġralu Lazzru – kien mejjet, u Ġesù reġa’ qajmu – imma l-qawmien mill-imwiet mhux hekk. Il-qawmien mill-imwiet mhux nerġgħu nieħdu l-istess ġisem, li aħna għandna jew li aħna kellna qabel ma mmutu. Il-qawmien mill-imwiet hu meta aħna nieħdu l-ġisem glorjuż, meta aħna nieħdu ġisem spiritwali, meta aħna nieħdu ġisem wisq iktar fil-milja tiegħu, wisq iktar perfett minn dak li aħna bħalissa nġorru, minn dak li aħna bħalissa għandna.
X’jagħmel Ġesù? Ġesù jgħidilhom mhux biss biex jiekol, mhux biss biex imissulu jdejh u riġlejh, imma fuq kollox Ġesù jgħidilhom biex issa jxandru l-maħfra tad-dnubiet, ixandru l-aħbar it-tajba għall-maħfra tad-dnubiet. U din hija esperjenza li aħna lkoll għandna bżonn nagħmlu; b’mod speċjali f’dan iż-żmien li qed ngħixu, f’dan iż-żmien li mhux tant faċli li qegħdin ngħixu, żmien tal-maħfra ta’ ħtijietna. Għaliex? Meta l-bniedem jgħix fi żmien ta’ stress, bħal din is-sitwazzjoni tal-pandemija li għaddejjin minnha – u li rridu noqogħdu attenti għax ma ħriġniex minnha għadna, allura hemm bżonn li nkunu attenti għalina nfusna u għal xulxin – meta bniedem jgħaddi minn żmien ta’ stress, jibda jinduna bid-difetti u bid-dgħufijiet tiegħu. Jekk aħna sinċieri tassew, nibdew nindunaw bil-fraġilità tagħna; kemm m’aħna xejn, kemm nimlew rasna li aħna nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet, jew li nsolvu ħafna problemi, imma fil-fatt mhux veru. Meta tiltaqa’ mal-limiti tiegħek, meta tiltaqa’ max-xejn tiegħek, x’jiġrilek? Ħafna drabi tispiċċa jiġrilek li tħossok ħati, li tħossok m’intix kapaċi, li tħoss li trid tagħmel u ma tistax. Nagħmlu esperjenza kbira ta’ nuqqas ta’ stima tagħna nfusna. Jekk aħna nkunu veri, jekk inkunu reali, għax nistgħu naħarbu minn dan kollu, qisu ma hu jiġri xejn. Hija l-aljenazzjoni l-kbira, hija wisq possibbli fiż-żmien li qed ngħixu. Hija wisq possibli l-aljenazzjoni l-kbira, li noħorġu minna nnfusna u ma nagħtux kas ta’ x’għallmitna fuqna nfusna sitwazzjoni bħal din ta’ sentejn nitħabtu ma’ mikrobu, sentejn nitħabtu ma’ dan il-virus. Allura għandna bżonnha l-esperjenza tal-maħfra ta’ ħtijietna. Fi kliem ieħor għandna bżonnha l-esperjenza li xi ħadd jgħidilna li aħna ta’ min iħobbna. Din hija l-maħfra tal-ħtijiet. Int ta’ min iħobbok! Kull wieħed u kull waħda minna għandu dinjità. Kull wieħed u kull waħda minna għandu valur fl-għajnejn ta’ Alla. Int ta’ min iħobbok. Kull persuna hi ta’ min iħobbha. Din hi l-esperjenza tal-maħfra. Anki jekk żbaljajt.
Ma ninsewx li hawnhekk id-dixxipli miġburin flimkien wara l-Passjoni, wara l-mewt ta’ Ġesù, miġburin flimkien wara li għamlu esperjenza terribbli, f’dak iż-żmien meta Ġesù kien qed ibati. Wieħed biegħu, l-ieħor ċaħdu, u l-oħrajn ħarbu. “Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: ‘Is-sliem għalikom!’” (Lq 24:36). Interessanti l-ewwel approċċ ta’ Ġesù, l-ewwel reazzjoni ta’ Ġesù fl-Evanġelju mhix: ‘Fejn kontu meta jien kont fuq is-salib? Fejn marret il-ħbiberija tagħna? Fejn mar dak li jien għamilt għalikom?’. Dan kollu ma jeżistix għal Ġesù. Teżisti biss ix-xewqa kbira li kellu li dawk li kellu quddiemu, u allura anki aħna, nagħmlu esperjenza awtentika ta’ x’jiġifieri Alla jħobbni b’xejn. Ġesù jħobbni tassew. Dan kollu, flimkien mal-Ewkaristija; ma ninsewx kif beda l-Evanġelju tal-lum: “Kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Din l-esperjenza tad-dixxipli, dan li qed nagħmlu aħna, għandu skop wieħed: li kulma jmur bil-persuna sħiħa tagħna, u mhux bil-moħħ tagħna biss… Aħna spiss nippruvaw nifhmu lil Alla bil-moħħ tagħna biss. Inkunu żbaljati. Ma tistax tagħmel esperjenza ta’ Ġesù, jekk tagħmel ħin u ħin tistudja. Biex ngħid: ‘Ħa nara bil-loġika ta’ moħħi, bir-raġuni ta’ moħħi, nasalx biex nifhem min hu Ġesù’. M’għandekx ċans tifhem min hu Ġesù! M’għandekx ċans tinduna jekk Ġesù hux ħaj jew le. Għaliex? Għax l-esperjenza tal-fidi mhix xi ħaġa tal-moħħ biss, imma hi xi ħaġa tal-qalb. U fuq kollox hi xi ħaġa tal-għemil.
Min hu dak li l-iktar jista’ jgħid u jagħmel tassew esperjenza awtentika tal-qawmien ta’ Ġesù? Min hu dak? Hu dak li jaħseb f’moħħu, li jemmen f’moħħu, dak li jħoss f’qalbu; jgħixu, mhux darba kultant, imma kontinwament. Kif? Fi mħabba, f’għotja sħiħa lil ħutu. Imħabba kontinwa, f’ġenerożità kontinwa lil ħutu. B’dan il-mod aħna nagħmlu esperjenza vera ta’ Kristu Rxoxt. Il-bqija għalxejn. Il-moħħ waħdu mhux ser jasal; aħna m’aħniex moħħ biss. Il-pandemija għallmitna li m’aħniex moħħ biss, m’aħniex xjenza biss. Il-qalb weħidha mhux ser tasal, l-emozzjonijiet weħidhom mhux ser jaslu. U l-għemil waħdu mhux ser jasal. Imma dawn it-tlieta flimkien. Il-Kristjan li jgħix l-għotja tiegħu nnifsu, li jgħix b’ġenerożità ħajtu kollha kemm hi, huwa dak l-iktar wieħed li jkun qrib li jagħmel l-esperjenza ta’ Ġesù rxuxtat. Din l-esperjenza ma tagħmilhiex waħdek quddiem l-iskrin, ma tagħmilhiex waħdek quddiem it-televiżjoni; imma trid tagħmilha f’komunità li inti mhux biss tiltaqa’ fiha biex tħossok parti minnha, imma f’komunità li int trid tipprova tgħin, trid tipprova taqdi, trid tipprova tħobb.