Alla huwa ħniena bla tarf. Huwa jħobb lil kulħadd tant li jtella’ x-xemx fuq it-tajbin kif ukoll fuq il-ħżiena.
Kristu meta kien fuq din l-art priedka l-ħniena ta’ Alla. Din it-tema tispikka l-aktar fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali. Skond din l-istorja l-iben iż-żgħir ħa sehmu u mar f’art barranija u għex fid-dnub filwaqt li berbaq kollox. Meta nduna bil-qagħda miżera tiegħu qatagħa li jirritorna f’dar missieru. Meta rritorna missieru laqgħu bil-ferħ u għamillu festa. Dan ir-rakkont li nsibuh f’Kapitlu 15 tal-Evanġelju ta’ San Luqa jiddeskrivi b’dan il-mod lill-missier: “Kif kien għadu fil-bogħod rah, rah missieru, u, imqanqal mill-ħasra, mar jiġri u ntefa’ fuq għonqu u biesu” (Lq 15, 20).
Il-missier huwa figura ta’ Alla li jistenna li l-midneb jikkonverti. Forsi meta naraw il-ħażen morali fid-dinja forsi bla ma rridu nixtiequ li Alla jikkastiga lil min qiegħed jagħmel tant ħsara. Forsi mhux dan kien ukoll l-atteġġjament ta’ l-appostli meta talbu lil Ġesù biex jibgħat nar mis-sema! Iżda Alla ma jridx il-mewt tal-midneb iżda li dan jikkonverti.
Fl-istess kapitlu ta’ San Luqa Ġesù jgħidilna; “Hekk ingħidilkom ikun hemm ferħ qalb l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem” (Lq 15, 10). F’dan il-kapitlu nsibu wkoll: “Hekk ngħidilkom, ikun hemm aktar ferħ fis-sema għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin li ma jeħtiġux indiema” (Lq 15, 7).
Għandna nimmeditaw fuq l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla b’mod li nibdew inħossuhom f’ħajjitna. Alla tant iħobbna li aħna ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Forsi għandna l-idea li huwa jħobb lit-tajbin. Dan huwa veru għax min ikun qiegħed jgħix fil-grazzja ta’ Alla jsir tempju li fih tgħammar it-Trinità Qaddisa.
Iżda Alla jħobb ukoll lill-midneb. Fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali nsibu li meta rritorna u missieru għamillu festa, ħuwh il-kbir gerger. Iżda missieru qal dawn il-kelmiet: “Imma kien jinħtieġ li nifirħu u nithennew, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ ħa l-ħajja, kien mitluf u nstab” (Lq 15, 32).
Ta’ bnedmin li aħna ma nistgħux nifhmu kemm Alla jħobb il-midneb. Bħall-missier li nsibu fil-parabbola ta’ l-Iben il-ħali, huwa jagħti l-grazzji ne`essarji sabiex min ikun fit-triq il-ħażina jikkonverti. Fi kliem Ġesù stess din il-ħniena tixbah lil dik il-persuna li kellha nagħġa mitlufa u għamlet il-ħila kollha tagħha sabiex issibha: “Min minnkom ikollu mitt nagħġa u, jekk jitlef waħda, ma jħallix id-disgħa u disgħin fid-deżert u jmur lejn il-mitlufa u jsibha? U, meta jsibha, jerfagħha fuq spallejh ferħan, u, xħin imur id-dar isejjaħ il-ħbieb u l-ġirien u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa l-mitlufa’” (Lq 15, 3-6).
Ma hemmx l-ebda dnub li Alla ma jaħfrux permezz tas-Sagrament tal-qrar. Għalhekk ikun jidneb kontra l-Ispirtu s-Santu dak il-bniedem li jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla.
Meta l-bniedem jesperjenza li Alla jħobbu jinbidel umanament u anki spiritwalment. Jibda jħobbu u jagħmel kollox għall-akbar glorja tiegħu.
Minn Angelo Xuereb