Nitolbu mal-Papa għad-dinja tal-finanzi

L-intenzjoni tal-Papa għax-xahar ta’ Mejju: “Għad-dinja tal-Finanzi”

“L-ekonomija vera, dik li toħloq ix-xogħol, tinsab fi kriżi.” B’din it-twissija, l-Papa Franġisku nieda l-intenzjoni tiegħu ta’ talb għax-xahar ta’ Mejju. Huwa ddispjaċut dwar l-iskonnessjoni apparenti bejn il-ħajja tan-nies ordinarji u superfiċjalità li bħalissa tidher evidenti f’diversi swieq finanzjarji. “Kemm hawn nies qiegħda bħalissa!”, l-Papa qal. “Imma l-inflazzjoni fis-swieq finanzjarji qatt ma kienet daqs kemm hi bħalissa.”

Il-Qdusija Tiegħu kompla jinnota li l-finanzi għoljin, jekk m’humiex ser ikunu regolati u jitħallew għal rashom, isiru “spekulazzjoni pura mmexxija minn diversi politiki monetarji”. “Din is-sitwazzjoni mhiex sostenibbli. U hija perikoluża. Sabiex il-foqra ma jsofrux konsegwenzi koroh minn din is-sistema, l-ispekulazzjoni finanzjarja għandha tkun regolata bir-reqqa”.

L-Papa esprima t-tama tiegħu li l-finanzi jkunu “ta’ servizz, u strument biex naqdu lin-nies, u biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna!” Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jippromwovu forma ta’ ekonomija li hija aktar ġusta u sostenibbli, u li ma tħalli lil ħadd warajha. Il-Kap tal-Knisja Kattolika temm il-ħsieb tiegħu biex nitolbu għal dawk inkarigati mill-finanzi “ħalli jaħdmu mal-gvernijiet biex jirregolaw is-swieq finanzjarji u jipproteġu liċ-ċittadini mill-perikli li jistgħu jiġu fihom.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-francis-may-2021-prayer-intention-sustainable-finance.html